Il-Knisja tingħata €1 miljun fi stocks waqt li għaddejjin in-negozjati dwar il-proprjetà tal-Knisja

Il-gvern għadu kif ħareġ aktar minn €1 miljun fi stocks ġodda għall-entitajiet tal-Knisja bħala parti min-negozjati attwali dwar ir-reviżjoni tal-ftehim ta’ 30 sena għat-trasferiment tal-proprjetà tal-Knisja lill-Istat

B’avviż legali maħruġ ftit ġranet ilu mingħajr pubbliċità, il-Ministru tal-Finanzi approva l-ħruġ ta’ €1.1 miljun fi stocks tal-gvern f’isem l-awtoritajiet ekkleżjastiċi, b’divident privileġġjat ta’ 7% fis-sena – rata ferm aqwa mill-offerti attwali fis-suq.

Fl-istess waqt, il-gvern iddikjara li l-istocks il-ġodda għandhom jissarrfu bi premium ta’ 10% fuq il-valur nominali wara għaxar snin. Dan ifisser li għal kull €100 mħallsa lill-kurja b’dawn l-istocks, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi se jkunu qed jitħallsu €110 fl-2034, apparti l-imgħax annwali ta’ 7%.

Kelliem għall-Ministeru tal-Finanzi qal lil The Shift li dan l-avviż legali nħareġ bħala parti min-negozjati attwali kruċjali mal-Knisja b’rabta mar-reviżjoni tal-ftehim tal-1991 dwar il-proprjetà tal-Knisja.

“L-avviż legali hu konformi mal-provvedimenti tal-Att dwar (il-Proprjetajiet ta’) l-Entitajiet Ekkleżjastiċi, jiġifieri li kull differenza li jaf ikun hemm bejn il-valur nominali totali tal-bonds maħruġa għall-Knisja fil-mument tal-ftehim datat it-28 ta’ Novembru 1991 bejn il-Gvern u l-Knisja u l-valur tal-proprjetà effettivament trasferita lill-Istat (f’diversi mumenti minn meta jkun ġie ffirmat il-ftehim u paripassu hekk kif isiru valwazzjonijiet tal-proprjetajiet u l-valur tagħhom jitqabbel mal-istima oriġinali tagħhom) għandu jagħmel tajjeb għaliha l-Gvern bil-ħruġ ta’ bonds tal-istess proporzjon (7% minimu), flimkien mal-imgħax dovut mid-data tal-ftehim.”

S’issa, kemm il-Kurja, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna, u anki l-gvern baqgħu siekta dwar in-negozjati sigrieti li ilhom għaddejjin minn Frar 2023.

L-Arċisqof Charles Scicluna. Sors: il-Kurja.

Infatti għadu ma ngħata l-ebda dettall fuq jekk waslux għal ftehim finali u x’se jkun ifisser iżjed għall-kaxxa ta’ Malta. In-nuqqas ta’ trasparenza f’dawn in-negozjati hija tħassib ewlieni, u lanqas mhu ċar jekk in-negozjati għadhomx għaddejjin jew le. Il-mistoqsijiet li The Shift bagħat lill-gvern u lill-kurja baqgħu ma tweġbux.

Fl-1991, fi żmien l-amministrazzjoni ta’ Fenech Adami, kien intlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet ekkleżjastiċi Maltin u l-gvern biex il-Knisja tittrasferixxi l-proprjetà kollha tagħha lill-Istat, ħlief xi eċċezzjonijiet.

Il-Knisja kellha patrimonju massiv ta’ ġid akkumulat permezz tal-proprjetà fil-pussess tagħha, l-aktar bis-saħħa ta’ donazzjonijiet mingħand is-segwaċi tagħha, speċjalment fit-testmenti tagħhom.

Għal din il-proprjetà tal-Knisja, il-gvern Malti kien aċċetta li jibda jħallas l-ispejjeż kollha għat-tmexxija tal-iskejjel tal-Knisja (€108 miljun fl-2023), kumpens sinifikanti fi stocks tal-gvern lil 99 entità ekkleżjastika, u mekkaniżmu biex l-Istat ikun jista’ jgħaddi parti mill-introjtu lill-Knisja jekk eventwalment isir xi bejgħ ta’ dik il-proprjetà.

Dan il-mekkaniżmu, inkluż l-ammont tal-kumpens, skadew fl-2023 – wara 30 sena – u issa qed issirlu reviżjoni bin-negozjati li għaddejjin.

Il-kurja, iżda, qatt ma kixfet idejha b’rabta ma’ din ir-reviżjoni.

Dan l-aħħar l-Arċisqof Charles Scicluna, xprun partikolari fil-kwistjonijiet soċjali minn kemm ilu li laħaq fl-2015, saritlu bosta kritika talli ftit li xejn semma’ leħnu fuq il-bosta kwistjonijiet kbar fil-pajjiż, fosthom il-korruzzjoni, l-isfruttament tal-ħaddiema barranin u ż-żidiet fil-faqar.

Diversi jemmnu li l-bidla għal għarrieda fl-attitudni tiegħu kellha x’taqsam mal-miljuni mogħtija mill-gvern lill-Knisja fl-aħħar snin u n-negozjati attwali għar-reviżjoni tal-ftehim tal-1991 dwar il-proprjetà tal-Knisja.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Professur Għawdxi u oħtu mressqa l-Qorti fuq ħasil tal-flus ta’ €3.5 miljun
Read in English. Professur Għawdxi u oħtu, persuni magħrufin
Il-grupp parlamentari Laburista: il-backbenchers jiddikjaraw dħul iżjed mill-ministri
Read in English. Kważi l-backbenchers parlamentari Laburisti kollha qed

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo