Aġenziji Bangladexxjani jitħabtu għal postijiet tax-xogħol b’€600 fix-xahar f’Malta

Read in English.

The Shift jista’ jiżvela li għadd ta’ aġenziji tar-reklutaġġ mill-Bangladexx qed iqisu lil Malta bħala pajjiż attraenti biex jibagħtu eluf ta’ ħaddiema mingħajr il-ħiliet li lesti jaċċettaw li jaħdmu f’diversi xogħlijiet differenti għal €600 fix-xahar.

Il-kumpaniji Maltin qed jirċievu ħemel ta’ emails u telefonati mingħand aġenziji Bangladexxjani bbażati f’Dhaka li qed jitolbuhom jipprovdu xogħlijiet u jistaqsuhom jekk humiex interessati jagħmlu negozju magħhom.

Biex jagħmlu l-offerta attraenti iżjed, l-istess aġenziji qed joffru ‘rigal’ ta’ darba lin-negozjanti Maltin ta’ xi €1,500 għal kull wieħed jew waħda li jimpjegaw.

Għalkemm mhuwiex ċar min se jkun qed joħroġ dawn il-flus tar-‘rigal’, esperti fis-settur qalu lil The Shift li aktarx dawn iħallsuhom il-ħaddiema stess mill-ewwel salarji tagħhom meta jibdew jaħdmu f’Malta.

Sorsi fl-aġenzija governattiva Identità kkonfermaw li dawn l-aġenziji tar-reklutaġġ sejrin tajjeb ġmielhom ma’ Malta, tant li l-għadd ta’ permessi tax-xogħol għal persuni mill-Bangladexx żdied bil-bosta fl-aħħar xhur.

L-offerti li qed jagħmlu l-aġenziji huma illegali skont il-liġi Maltija, għax dawn ma jissodisfawx il-paga minima statutorja stabbilita li kull min iħaddem f’Malta jrid josserva. Bħalissa l-paga minima hija €925 fix-xahar. Barra minn hekk, lanqas ir-‘rigal’ ta’ €1,500 għal kull ħaddiem li jimpjegaw ma jikkonforma mal-liġi.

Parti minn email li turi d-disponibbiltà ta’ ħaddiema mill-Bangladexx li jridu jaħdmu f’Malta għal €600 fix-xahar.

Madankollu, bħalissa f’pajjiżna xorta waħda qed jiġu impjegati ħaddiema mill-Bangladexx b’kundizzjonijiet irregolari, għax kemm l-aġenzija Identità kif ukoll id-Dipartiment tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) mhumiex f’pożizzjoni biex jagħmlu l-investigazzjonijiet meħtieġa minħabba nuqqas ta’ ħaddiema għal dan il-għan, u minħabba nuqqas ta’ għarfien espert.

Sors minn Identità li tkellem ma’ The Shift qal li dawn il-persuni rreklutati qed jingħataw kuntratti li fuq il-karta juru impjiegi skont il-liġi, iżda mbagħad fir-realità l-ħaddiema jkunu jaqilgħu ferm inqas minn dak iddikjarat fil-kuntratti.

Fl-aħħar snin Malta saret ċentru Ewropew għaċ-cheap labour b’tentattiv biex iżżomm il-pagi medji baxxi kemm jista’ jkun.

U għal dan il-għan, l-unika mod li qed isibu dawk li jħaddmu hu li jġibu persuni mill-pajjiżi terzi biex jagħmlu xogħlijiet bħal deliverymen, waiters, bdiewa, assistenti bennejja u bosta oħrajn, li l-ħaddiema Maltin mhumiex lesti jagħmlu f’dawk il-kundizzjonijiet li jagħmluhielhom impossibbli jlaħħqu mal-ħajja.

Fl-istess waqt, f’eżerċizzju biex jinxtraw il-voti, ħafna mill-ħaddiema Maltin mingħajr il-ħiliet spiċċaw ingaġġati mal-gvern.

Pajjiżna żied l-influss tal-ħaddiema mill-pajjiżi terzi minn inqas minn 10,000 fl-2013 għal iżjed minn 100,000 fl-2022, skont l-aħħar statistika disponibbli.

Filwaqt li dan kollu żied it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta, dan hu wkoll il-kawża ewlenija għat-tnawwir tal-infrastruttura tal-pajjiż, ngħidu aħna fejn jidħlu d-dawl, l-ilma u d-drenaġġ, konġestjonijiet kontinwi tat-traffiku, żvilupp allarmanti, iffullar u inugwaljanzi soċjali, fost kwistjonijiet oħrajn.

Minn ċifri tal-Eurostat joħroġ li fl-2022 Malta ħarġet 38,000 permess lill-persuni mill-pajjiżi terzi, jew 71 permess għal kull 1,000 abitant. Dan ifisser għaxar darbiet iżjed mill-medja tal-UE fl-istess sena.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo