Pilota tal-KM Malta nqabdet ittajjar ma’ linja tal-ajru oħra bi ksur tar-regoli tas-sikurezza

Read in English.

Bosta piloti impjegati mal-linja tal-ajru nazzjonali l-ġdida, il-KM Malta Airlines, huma rrabjati għad-deċiżjoni meħuda mil-linja tal-ajru li żżomm magħha lil pilota li nqabdet taħdem fl-istess żmien ma’ linja tal-ajru oħra.

L-inċident ġara x-xahar l’għadda meta l-Prim Uffiċjal Danica Theuma, impjegata mal-linja tal-arju nazzjonali Maltija l-ġdida, inqabdet kumbinazzjoni ttajjar ajruplani tal-Virgin Atlantic fir-Renju Unit, meta fl-istess żmien kienet qed taħdem ukoll bħala pilota mal-KM Malta Airlines.

Kollegi tagħha li tkellmu ma’ The Shift qalulna li Theuma, minflok kienet qed tosserva l-perjodi obbligatorji tal-mistrieħ, kienet qed tuża dak il-ħin biex ittir lejn Londra u ttajjar ajruplani tal-Virgin Atlantic mill-ajruport ta’ Heathrow.

S’issa għadu mhuwiex ċar għal kemm żmien kien ilha taħdem dawn il-perjodu doppji tat-titjir, qabel ma tkeċċiet minn mal-Virgin Atlantic hekk kif skoprew li Theuma kienet qed taħdem ma’ linja tal-ajru oħra. Infatti, The Shift hu infurmat li l-meniġers tal-Virgin Atlantic keċċew lil Theuma minnufih malli qabduha x’kienet qed tagħamel.

Minbarra l-ksur serju tal-kuntratt, il-prim uffiċjal kisret ukoll ir-regoli internazzjonali tas-sikurezza li jimponu restrizzjonijiet regolatorji stretti fuq il-ħinijiet tat-titjir u l-ħinijiet tal-mistrieħ biex b’hekk jiżguraw is-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ewkipaġġ abbord.

Fil-frattemp, madankollu, Theuma għadha taħdem mal-KM Airlines, u dan minkejja li l-kumpanija ġiet mgħarrfa bis-sitwazzjoni. Xi bdoti li tkellmu ma’ The Shift qalulna li l-kuntratt tagħhom ma jippermettix li l-piloti jaħdmu ma’ linja tal-ajru oħra. Dan apparti li Theuma kkompromettiet is-sikurezza tagħha u tal-passiġġieri.

Pilota veteran qal lil The Shift li kull pilota impjegat mal-KM Malta Airlines jaf b’dan l-inċident, u ħafna minnhom qas iridu jemmnu li l-linja tal-ajru nazzjonali xorta waħda żammet magħha lil Theuma.

Id-diriġenti tal-KM Malta Airlines ma jweġbux

Il-mistoqsijiet li The Shift bagħat liċ-Chairman Eżekuttiv tal-KM Malta Airlines, David Curmi u lid-Direttur tar-Riżorsi Umani Robert Fenech baqgħu ma tweġbux. Lil dawn The Shift talabhom jikkonfermaw l-inċident u biex jiddikjaraw x’azzjoni ttieħdet kontra Theuma. Staqsiehom ukoll jekk it-titjiriet tal-KM Malta Airlines kinux qed isiru b’osservanza stretta tar-regoli internazzjonali tas-sikurezza. Madankollu, it-tweġibiet tagħhom ma waslux.

Lanqas l-ALPA – il-union tal-piloti – li ħafna drabi ssemma’ leħinha dwar il-kumpens li għandu jingħata lill-membri tagħha, ma ħarġet stqarrija minkejja li taf sew bis-sitwazzjoni ta’ Theuma.

Filwaqt li l-aġir ta’ Theuma jikser serjament il-kuntratt tagħha bħala pilota tal-KM Malta Airlines, iż-żewġ impjiegi li kellha jiksru wkoll ir-regoli tal-UE dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni li l-piloti fl-UE huma obbligati jobdu.

Fost dawn hemm regoli stretti dwar il-ħinijiet tat-titjir u l-perjodi obbligatorji tal-mistrieħ biex ikun żgurat li kull min ikun qed itajjar xi ajruplan ikun straħ sew u jkun jista’ jikkonċentra fuq xogħlu f’ġieh is-sikurezza.

Il-piloti ma jistgħux jaħdmu ma’ linji tal-ajru kompetituri jew ma linji tal-ajru oħrajn biex jiżguraw li jibqgħu impenjati bis-sħiħ għall-impjieg waħdieni tagħhom. Iridu wkoll jiżguraw li jissodisaw ir-rekwiżiti tal-mistrieħ minimu u li jimmaniġġjaw id-disponibbiltà tagħhom ħalli jevitaw il-konfużjonijiet fl-iskedi.

Sorsi mill-industrija tal-avjazzjoni li tkellmu ma’ The Shift qalulna anki li Theuma jista’ jkun li kkompromettiet ukoll l-assigurazzjoni u r-responsabbiltà tal-linji tal-ajru u tagħha stess.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

2 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Joseph Said
5 months ago

Dak li jigri meta l-hniezer jithanzru. “Ghozzu l-valuri li hallielkom Gosef” qaltilna Mixx meta halliena Gosef miskien!!

Charles Falzon, Sliema
Charles Falzon, Sliema
5 months ago

Kullhadd jitħanżer mill aħjar li jista a skapitu ta’ kollox u ta’ kullhadd.

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo