Hillman, Sladden, Vassallo meqjusa “fratelli” f’loġġa tal-mażuni Maltija

“Iddiżgustati” – il-Granmastru tal-Loġġa

 

Read in English.

L-Inkjesta Maġisterjali Vitals li investigat is-serq tal-miljuni tal-ewro minn fondi pubbliċi tidentifika lil tliet persuni bħala Mażuni u membri ta’ waħda mil-loġoġ ewlenin tal-mażuni f’Malta.

L-inkjesta tinnota li l-eks direttur maniġerjali tat-Times of Malta Adrian Hillman, sieħbu fin-negozju u kuntrattur Pierre Sladden, u sid il-kumpanija Technoline Ivan Vassallo kienu lkoll “fratelli” f’loġġa mażonika sigrieta.

L-inkjesta sabet ukoll li anki l-avukat Larry Formosa tad-ditta Għawdxija Cosrya Legal hu mażun. Formosa allegatament għen lil Ivan Vassallo tat-Technoline biex jittrasferixxi l-ishma tiegħu fil-kumpanija fuq Hillman u Sladden, nominati għal Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Skont l-inkjesta, Vassallo kien jokkupa pożizzjoni prominenti fis-Sovereign Grand Lodge of Malta u kien is-segretarju ġenerali tagħha. Minn tiftix li wettaq The Shift, nistgħu nikkonfermaw is-sħubija ta’ dawn it-tlieta fl-eqdem setta mażonika Maltija, ibbażata f’Marsamxett, il-Belt Valletta. Madankollu mhuwiex ċar jekk Hillman, Sladden jew Vassallo għadhomx membri ta’ din is-setta sal-lum.

Meta The Shift tkellem ma’ Simon Cusens, il-Granmastru tal-loġġa mażonika, hu ma setax jikkonferma jekk Hillman, Sladden, u Vassallo tkeċċewx mill-fratellanza.

“Bħalma taf, wieħed mill-prinċipji ewlenin tagħna hu s-segretezza, u għalhekk ma nistgħux naqsmu din l-informazzjoni ma’ persuni li mhumiex membri,” qal lil The Shift.

“Li nista’ ngħidlek hu li meta fl-2019 sirt il-Granmastru, ħaġa li nieħu b’serjetà kbira, Ivan Vassallo ma kien jokkupa l-ebda waħda mill-pożizzjonijiet ewlenin fil-loġġa mażonika tagħna,” insista Cusens.

Il-mażuni ddiżgustati bil-konklużjonijiet tal-inkjesta

Fl-istess waqt, Cusens, li familtu kienet is-sid oriġinali tal-kumpanija Technoline qabel inbiegħet lil Vassallo u lil “sħabu moħbija” għal €3 miljun, għamilha ċara li hu kien iddiżgustat bil-kbir meta beda jaqra l-inkjesta u b’dak li ħareġ fil-beraħ s’issa.

“Bħala loġġa, aħna ma kellna x’naqsmu xejn ma’ dak li ġara. Hu diżgustanti,” qal lil The Shift. Cusens tkellem ukoll dwar it-tismija ta’ ismu fl-inkjesta bħala s-sid oriġinali tat-Technoline.

“Ivan Vassallo kien impjegat tiegħi fil-mument tal-bejgħ, u kont naf li ma kellux il-mezzi biex jixtri t-Technoline. Madankollu, waqt in-negozjati, qatt ma qal xejn dwar min kienu l-finanzjaturi vera,” insista Cusens.

“Li nista’ ngħid hu li l-bejgħ tan-negozju tal-familja tiegħi lil Gateway Ltd sar wara due diligence kif mistenni, u dak iż-żmien ma ħareġ xejn minn dak li nafu llum”, qalilna. “Jien kont tkellimt ukoll ma’ avukat tal-affari tiegħu biex nara li kollox qed isir kif suppost, u għandi d-dokumenti biex nipprova dan,” qal Cusens.

Technoline kienet xtratha l-kumpanija Gateway ta’ Vassallo fl-2017 u mbagħad ingħaddiet għand il-Vitals Global Healthcare permezz ta’ bosta kumpaniji li kienu qed jintużaw bħala front għall-ħasil tal-flus. Filwaqt li fuq il-karta, Ivan Vassallo deher bħala sid it-Technoline, Sladden u Hillman kienu ddaħħlu bħala azzjonisti f’kumpaniji oħrajn, fosthom Gateway Solutions, biex ikunu jistgħu jixtru lil Technoline.

Il-flejjes għal dan ix-xiri – €5 miljun biex tinxtara l-kumpanija tal-apparat mediku – ġew direttament mill-konċessjoni tal-isptarijiet, għax Vitals Global Healthcare ma kellhiex flus qabel bdiet tirċievi l-miljuni mingħand il-gvern.

Malli tlesta x-xiri tat-Technoline, Vitals Global Healthcare ħarġet kuntratt esklussiv biex din il-kumpanija privata tal-apparat mediku ssir l-uniku fornitur tagħha għal kull apparat mediku li tkun teħtieġ tul il-konċessjoni tal-isptarijiet u għalhekk żgurat li l-kumpanija tikseb il-miljuni b’dan l-arranġament.

Hillman u Sladden kienu sħab sigrieti fin-negozju ta’ Keith Schembri, l-allegat moħħ wara s-serqa kbira tal-isptarijiet.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo