Ronald Mizzi uża lil Projects Malta biex jaħbi l-involviment tiegħu fid-deċiżjonijiet dwar l-isptarijiet

Read in English.

Is-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi jidher li kien iddetta kulma kellu jsir fir-rigward tal-ftehim multi-biljunarju korrott bejn Vitals/Steward u l-gvern Malti, anki meta dawk l-istruzzjonijiet ma kinux milqugħa minn Projects Malta. Hekk ħareġ mill-inkjesta maġisterjali tal-Vitals.

Mizzi kien hu li għażel lil Ganado Advocates biex ifasslu t-Talba għall-Proposti (RfP) oriġinali għal dan il-ftehim “frawdulenti”. Kien hu wkoll li għażel lill-membri kollha tal-kumitati tal-immaniġġjar tal-proġett, tal-evalwazzjoni u tan-negozjati, u dan ħoloq bosta frustrazzjoni fost l-ogħla pożizzjonijiet ta’ Projects Malta – il-veikolu tal-gvern li ntuża bħala l-wiċċ għall-ftehim tal-isptarijiet.

Madankollu, minn korrispondenza li ġiet żvelata fl-Inkjesta Vitals joħroġ li minkejja l-interventi diretti kollha tiegħu, Ronald Mizzi pprova jaħbi jdejh billi talab liċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Projects Malta, Adrian Said, biex ikun hu li jifformalizza l-ħatra tal-individwi qrib Konrad Mizzi f’dak il-proċess.

L-Inkjesta sabet li “Projects Malta kienet infurmata biss dwar il-ftuħ tal-RfP nhar is-7 ta’ Marzu 2015. Jidher li din ma kinitx involuta direttament fl-għoti tal-pariri jew fit-tfassil tal-RfP u fl-għażla ta’ Ganado Advocates. Lanqas ma kienet involuta direttament fl-għażla tal-bosta kumitati u tal-bord li ddeċidew id-direzzjoni u r-riżultat tal-proċess tal-RfP. Hekk ħareġ mill-korrispondenza dwar dawn il-materji bejn Projects Malta u uffiċjali tal-Ministeru (Ronald Mizzi).”

“Billi l-membri tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni kien ħatarhom is-Segretarju Permanenti, Ronald Mizzi, dawn effettivament kienu jirrispondu lil Ronald Mizzi, u mhux lil Adrian Said.”

Filwaqt li Said kien iffirma kull ħatra li saret u kien iċ-chairman eżekuttiv ta’ Projects Malta dak iż-żmien, s’issa ma tressqet l-ebda akkuża kriminali kontrih.

Skont korrispondenza inkluża fl-Inkjesta Vitals, Said ma kienx kuntent bil-mod kif kienu qed isiru l-affarijiet u kien ħass li l-organizzazzjoni tiegħu kienet qed tiġi mminata.

F’bosta skambji bl-emails, Said kien ilmenta li Projects Malta, li suppost kellha tmexxi l-proċess, ma kellha “l-ebda viżibbiltà” ta’ dak li kien qed jiġri. Kien insista wkoll li malli Mizzi kien jieħu d-deċiżjonijiet kollha, hu kellu jagħmilhom tiegħu.

Adrian Said

Madankollu Said xorta waħda ma kienx irreżenja mill-kariga tiegħu u aktar tard ħareġ l-ittri tal-ħatra u d-direct orders kif iddirezzjonah il-ministeru.

Malli sema’ bil-frustrazzjoni ta’ Said, l-avukat Aron Mifsud Bonnici, direttur fuq il-bord ta’ Projects Malta u bidillu tal-eks ministru diżonorat Konrad Mizzi, kien qal lil Said li messu jmur jitkellem mal-Ministru.

It-timijiet ta’ Ronald Mizzi

Għalkemm uffiċjalment kienu jidhru maħturin minn Projects Malta, l-Inkjesta Vitals sabet li kien Ronald Mizzi li ddeċieda min għandhom ikunu l-membri tal-kumitat tal-evalwazzjoni.

Għall-ewwel, Mizzi kien ta struzzjonijiet biex jinħatru James Camenzuli – illum CEO tal-Projects Plus, Brian Tonna tan-Nexia BT, Mario Galea, Robert Borg, u Charles Grixti ħalli jieħdu d-deċiżjonijiet.

Kull wieħed mill-membri ta’ dan il-grupp hu involut f’bosta skandli oħrajn li ġraw tul l-amministrazzjoni Laburista, u wħud minnhom saħansitra qed jaffaċċjaw ukoll akkużi kriminali kontrihom.

Brian Tonna u Mario Galea kienu tneħħew mil-lista proposta għal raġunijiet mhux ċari, u Manuel Castagna, sieħeb Brian Tonna fin-Nexia BT, kien ħa posthom.

Filwaqt li l-grupp kien jinkludi lil kollaboraturi mill-qrib ta’ Konrad Mizzi, l-inkjesta tinnota li Nexia BT inzertat kienet ukoll konsulenta tal-VGH, l-offerent li eventwalment intagħżel.

Ronald Mizzi jibqa’ f’postu

Ronald Mizzi, minn Ħaż-Żabbar, kien ħabib tat-tfulija ta’ Konrad Mizzi u kien hu li ħatru segretarju permanenti malli l-Labour ħa l-poter f’idejh fl-2013.

Meta okkupa dil-kariga, Ronald Mizzi kien għadu fit-tletinijiet u ftit li xejn kellu esperjenza fl-eżekuttiv. Dan l-uffiċjal taċ-ċivil ewlieni kien eżekwixxa d-deċiżjonijiet kollha li kien ħa l-eks ministru diżonorat Konrad Mizzi mingħajr ma ddubitahom.

Ronald Mizzi kellu rwol importanti fil-ftehimijiet dubjużi li għamlu Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri… mill-ftehim tal-isptarijiet sal-bejgħ tal-ITS lill-Grupp DB u l-impjant tal-LNG f’Delimara.

Meta Konrad Mizzi telaq mill-politika, Ronald Mizzi baqa’ segretarju permanenti did-darba fil-ministeru tal-ekonomija. Hu rreżista bosta sejħiet biex jirreżenja iżda l-Prim Ministru Robert Abela ħareġ għonqu għalih.

Mtaul dil-ġimgħa, Ronald Mizzi se jkun qed jaffaċċja bosta akkużi kriminali fil-qorti, fosthom li abbanduna d-doveri tiegħu, peress li kien responsabbli biex jevita l-korruzzjoni u l-frodi għad-detriment tal-poplu Malti u Għawdxi.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
O.Cassar
O.Cassar
6 months ago

Kulhadd irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ ghamilu mill-kbir saz-zghir. Ma joqghodux igibu skuzi, ghax kieku ma riedux jiehdu certi deċiżjonijiet, li kienu jafu li kienu mcappsin bil-hmieg, misshom irrizenjaw mill-ewwel.

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo