Bejn tan-nagħaġ u tal-mogħoż, l-irziezet “suspettużi” f’Għawdex ilaħħqu s-633

L-għadd ta’ rziezet tan-nagħaġ u l-mogħoż f’Għawdex żdied b’sebgħa matul is-sena l-oħra għal 633: numru impressjonanti meta wieħed iqis li l-gżira hi inqas minn 67 kilometru kwadru u li tilqa’ xi 40,000 resident.

Iċ-ċifri ppreżentati fuq il-mejda tal-parlament nhar it-Tlieta li għadda mill-Ministru tal-Biedja Anton Refalo juru li fuq il-gżira żgħira Għawdxija hemm 392 maqjel tan-nagħaġ u 241 maqjel tal-mogħoż.

Bosta NGOs, kemm dawk ambjentali u oħrajn li jirrappreżentaw lill-bdiewa, kemm-il darba tkellmu ma’ The Shift dwar dawn l-applikazzjonijiet u stqarrew magħna li huma “suspettużi” u li ħafna drabi minħabba r-regolamenti laxki attwali qed jintużaw bi skuża biex ikunu jistgħu jinbnew proprjetajiet barra miż-żoni tal-iżvilupp.

L-aħħar ċifri, ippreżentati wara mistoqsija parlamentari tad-Deputat tal-Oppożizzjoni Chris Said, juru li f’dawn l-irziezet hemm xi 4,400 nagħġa u 1,600 mogħża rreġistrati uffiċjalment. Meta mbagħad jitqabblu maċ-ċifri ppreżentati s-sena l-oħra bi tweġiba għall-istess mistoqsija, jidher li mir-reġistru tneħħew 11-il maqjel tan-nagħaġ u żdiedu 18 oħra tal-mogħoż.

Jekk nieħdu medja minn dawn iċ-ċifri uffiċjali, joħroġ li kull maqjel tan-nagħaġ qed irabbi ħdax, u kull maqjel tal-mogħoż qed irabbi sebgħa.

In-Nadur għandu l-akbar għadd ta’ rziezet tan-nagħaġ (67) u x-Xewkija għandu l-iżjed irziezet tal-mogħoż (47).

Perit partikolari, l-Għawdxi Alexander Bigeni, hu l-perit wara kważi żewġ terzi ta’ dawn l-applikazzjonijiet ġodda kollha għall-irziezet tan-nagħaġ u l-mogħoż f’Għawdex fl-aħħar snin. B’kollox, minn Ġunju 2022 sal-lum ġew ippreżentati 16-il applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Skont kumment lil The Shift ix-xahar li għadda, il-President tal-NGO Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg iqis din is-sitwazzjoni waħda “redikola” u nnota li l-applikanti “qed jingħataw il-parir mill-perit tagħhom biex japplikaw b’dan il-mod ħalli eventwalment jiksbu permess fuq art ODZ.”

Semma wkoll il-binja ta’ tliet sulari fil-Bidnija li tant ħolqot għagħa u li suppost kellha tinbena biex tintuża bħala razzett tan-nagħaġ. Dawn l-applikazzjonijiet qed jippreżentawhom żviluppaturi tal-proprjetà jew manifatturi li m’għandhom l-ebda rabta mal-agrikoltura.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kummissarju għall-Ambjent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman Alan Saliba nieda investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ abbuż f’permess tal-iżvilupp li ngħata biex jinbnew xi stalel taż-żwiemel. B’toqob fil-liġi li jixbhu lil dawk suspettati li qed jintużaw għall-applikazzjonijiet finta tal-irziezet tan-nagħaġ u l-mogħoż, instab li s-sidien ta’ dawn l-artijiet kienu qed jużaw diversi modi biex jagħmluha tabirruħhom li huma sidien taż-żwiemel ħalli jkunu jistgħu jiksbu l-permessi tal-iżvilupp.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Leonard Schembri
Leonard Schembri
9 months ago

L-anqas go l-Awstralja kolla ma hemm daqshekk irziezet.

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo