Żviluppaturi tal-Armier lido jitolbu lill-awtoritajiet jagħlqu għajnejhom għal żvilupp li ppjanaw f’żona sensittiva

Read this article in English.

L-iżviluppaturi privati tal-proprjetà pubblika fil-bajja tal-Armier – magħrufa bħala l-lido ta’ Baia Beach – qed jikkontestaw id-deċiżjoni tas-Sovrattendenza tal-Wirt Kulturali li oġġezzjonat għall-proposta tagħhom li jbiddlu l-bejt tal-lido tagħhom f’restorant fl-apert. Wara anliżi tal-applikazzjoni tagħhom tal-iżvilupp, is-Sovrattendenza tal-Wirt Kulturali (l-SCH) qalet lill-Awtorità tal-Ippjanar li dan l-iżvilupp, li qed jippjana li jbiddel bejt ta’ lido f’restorant, kien inaċċettabbli u kien se jaffettwa ħażin lil binjiet storiċi ta’ żmien il-Kavallieri.

“L-iżvilupp propost iwassal għal aktar konfużjoni u taqlib viżiv quddiem il-binja skedata tat-Torri tal-Armier. Dan l-uffiċċju jinnota li l-iżvilupp propost mhuwiex aċċettabbli fil-prinċipju, għax jikkaġuna impatt viżiv negattiv fuq il-monument skedat, kif ukoll fuq il-kuntest u r-rabta viżwali tiegħu mal-baħar. Barra minn hekk, dan l-uffiċċju jtenni li ma jaqbilx li tkompli tiżdied il-konfużjoni f’din iż-żona sensittiva.”

Madankollu, in-negozjant wara dan il-proġett, Jonathan Mangion, is-CEO tal-importatur tal-farmaċewtika A.M Mangion, irreġixxa kontra dan u qal lill-awtorità tal-wirt kulturali li ma kien se jbiddel xejn mill-pjanijiet tiegħu.

Permezz tal-perit tiegħu Wayne Scerri, hu argumenta li l-proposta tiegħu għandha titħalla għaddejja bħalma skontu l-awtorità għassiesa ħalliet għaddejjin żviluppi simili oħrajn.

“Kważi kull lukanda jew restorant magħrufin fil-Belt Valletta u xi drabi anki f’Tas-Sliema, l-Imdina u l-Birgu lkoll iħarsu fuq binjiet skedati li għandhom valur monumentali u storiku ferm akbar, u xorta waħda tħallew jużaw il-bjut tagħhom għall-mistednin,” kiteb Scerri f’ittra lill-awtorità.

Filwaqt li akkuża lill-għassiesa tal-wirt nazzjonali li tuża rigi differenti, Scerri kiteb li l-proposta tal-iżvilupp ta’ Mangion għandha titħalla għaddejja “bl-istess mod kif matul il-waqfa tas-sajf, l-awtorità għassiesa injorat l-użu rikreattiv tal-kmamar li jħarsu fuq il-binja skedata, u kif bl-aktar mod sfaċċat għalqet għajnejha għall-kmamar li ttellgħu fuq dik il-binja skedata.”

Biex jissustanzja kliemu dwar ir-rigi differenti, Mangion hemeż ritratt ta’ dak li skontu l-awtorità għassiesa għalqet għajnejha għalih b’rabta mal-binja skedata msemmija.

Immarkata bl-aħmar hemm il-fortifikazzjoni li, skont l-iżviluppatur ta’ Baia Beach, għandha tiġġustifika li l-awtorità għassiesa tagħlaq għajnejha għar-restorant tiegħu fuq il-bejt tal-lido.

Minn riċerka li għamel The Shift joħroġ li ma ġie approvat l-ebda żvilupp mal-binja skedata tat-Torri tal-Armier, eżattament fuq wara tal-iżvilupp propost ta’ Baia Beach, u l-unika applikazzjoni li saret kienet fl-2017 biex jinbidel saqaf perikoluż.

L-istrutturi li qed jidhru fuq il-binja skedata fir-ritratt ta’ Mangion jidher li m’għandhom permessi meħtieġa, iżda l-Awtorità tal-Ippjanar ma ħarġet l-ebda ordni ta’ infurzar.

Kontroversja twila u abbuż tal-proprjetà pubblika

Baia Beach hija proprjetà tal-Awtorità tal-Artijiet u kienet ikriet fl-2005 b’konċessjoni ta’ 50 sena. Is-sid oriġinali tal-konċessjoni mhuwiex magħruf pubblikament għax il-gvern kien ħeba xi partijiet mill-kuntratt meta ppubblikah fil-parlament. Filwaqt li The Shift hu infurmat li din il-konċessjoni biddlet l-idejn, u xi snin ilu spiċċat fil-portafoll ta’ Jonathan Mangion, Mangion mhuwiex iwieġeb il-mistoqsijiet dwar kif kisibha u mingħand min.

Skont il-liġi, dawn il-konċessjonijiet ma jistgħux ibiddlu l-idejn jekk ma jkollhomx l-approvazzjoni tal-gvern.

Fl-2022, imprenditur ġdid, Dominic Micallef Jr, li għandu d-diskoteka Aria f’San Ġwann, ftaħar fuq il-midja soċjali li kien għadu kemm akkwista l-lido ta’ Baia Beach u li kien se jbiddlu fl-ewwel lido f’Malta tal-Buddha Bar.

Micallef ħabbar pubblikament li kien kiseb il-konċessjonijiet fil-bajja tal-Armier. Din it-tħabbira m’għadhiex tidher iżjed.

Ix-xogħol tar-rinovazzjoni fuq il-binja fl-Armier kien beda iżda eventwalment twaqqaf u ġie abbandunat nofs leħja. Aktar tard l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet ordni ta’ waqfien u infurzar li tiddikjara li l-ebda parti mix-xogħlijiet ma kellha l-permess meħtieġ.

Aktar tard, Jonathan Mangion, li ma riedx iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ The Shift dwar jekk kienx għadda l-konċessjoni lil Micallef, applika biex jissanzjona x-xogħol illegali li għamel Micallef u biex ikompli jiżviluppa dan is-sit.

Sal-lum, l-Awtorità tal-Ippjanar għadha ma ħarġitx ir-rakkomandazzjoni tagħha, u l-applikazzjoni għadha tistenna.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo