Il-gvern xtara l-aħħar biċċa art f’Birżebbuġa m’għand il-privat, biex jagħti palata għal żvilupp enormi

Read this article in English.

Biċċa art żgħira li tifforma parti mill-impjant tal-Enemalta – issa magħluq – li kien jintuża għall-mili tal-LPG fil-Qajjenza, Birżebbuġa, qed tiġi esproprijata mill-Awtorità tal-Artijiet għal dak li qed tiddikjara li huma “skopijiet pubbliċi”.

Ix-xiri ta’ din il-biċċa art mingħand il-privat jagħti palata ġmielha lill-iżviluppatur Paul Attard tal-GAP fit-tentattiv tiegħu biex jieħu f’idejh din iż-żona kollha u jbiddilha fi proġett privat multimiljunarju li jkun jinkludi mijiet ta’ appartamenti mal-baħar.

Skont avviż ippubblikat dan l-aħħar fil-Gazzetta tal-Gvern, l-Awtorità tal-Artijiet iddikjarat li din il-biċċa art ta’ 680 metru kwadru u li tifforma parti minn dak li kien l-impjant fil-Qajjenza, qed tiġi akkwistata għal “skopijiet pubbliċi” u se jitħallsu €1,028. Dan il-prezz ġie stabbilit ftit ilu wara valwazzjoni kkummissjonata tal-perit Patrick Spiteri Fiteni.

L-avviż tal-gvern biex jikseb it-titolu tal-art.

L-istess avviż iddikjara wkoll li l-art, li kienet ġiet akkwistata b’xejn 46 sena ilu fl-1978, “għadha meħtieġa għal skopijiet pubbliċi”. Madankollu, l-impjant tal-mili kien ingħalaq snin ilu, u għalhekk f’dan il-każ mhuwiex ċar eżattament x’inhuma l-“iskopijiet pubbliċi” meħtieġa bil-liġi għall-esproprijazzjoni tagħha.

Meta mistoqsija minn The Shift biex jiddikjaraw l-“iskopijiet pubbliċi” għal dan l-akkwist, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Ministru tal-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi ma weġbux.

Meta mistoqsi jekk ladarba din il-biċċa art “tiġi akkwistata” kinitx se terġa’ tinħareġ għall-bejgħ, il-gvern ma weġibx lanqas.

Is-sit immarkat bl-aħmar li l-gvern irid jixtri għal “skopijiet pubbliċi”

Ix-xiri ta’ din il-biċċa art mill-gvern ifisser li permezz tal-Awtorità tal-Artijiet u l-Enemalta, il-gvern se jkollu t-titolu taż-żona kollha.

B’hekk tkun qed tinfirex it-triq biex din l-art kollha tingħadda b’sejħa għall-offerti lil Attard għall-iżvilupp kummerċjali tiegħu, peress li sejħa għall-offerti bħal din tkun tista’ tinħareġ bi klawżola tad-dritt tal-ewwel rifjut, eżatt kif ġara fl-art tal-Mellieħa li kienet tinvolvi lil Attard ukoll.

Din it-tattika tiftaħ il-bibien biex Attard ikun jista’ jieħu l-art ladarba jkun ikkonkluda arranġament ieħor ma’ sidien privati ta’ biċċa art oħra biswit din l-art iż-żgħira li qed jixtri l-gvern.

Meta mistoqsi minn The Shift jekk kienx diġà xtara l-proprjetà biswit il-proprjetà pubblika fil-Qajjenza, Attard ma weġibx.

Hemm żewġ biċċiet art li Attard jeħtieġlu jakkwista kollha kemm huma, u dawn it-tnejn huma tal-istess sidien. Huma s-sidien tal-art li l-gvern qed jesproprija. Fl-istess waqt, dawn għandhom biċċa art li The Shift hu infurmat li diġà qablu li jbigħuha lil Attard.

Il-ġimgħa l-oħra, The Shift żvela kif il-pjanijiet tal-perit li Attard ippreżenta lill-Awtorità tal-Ippjanar kienet iddisinjathom Nadine Micallef, mart iċ-chief of staff tal-Prim Ministru, Glenn Micallef.

Glenn Micallef – iċ-chief of staff tal-Prim Ministru Robert Abela – u martu Nadine.

Skont l-impjegatur tagħha Stefan Vancell, eks uffiċjal tal-Awtorità tal-Ippjanar, Micallef tipprovdi servizzi professjonali. Din hi l-ewwel darba li l-iżviluppatur Attard ikkummissjona x-xogħol għand id-ditta ta’ Vancell għall-bosta proġetti tal-iżvilupp li għandu madwar il-pajjiż.

Il-pjanijiet ta’ Attard

F’April li għadda, Attard, permezz ta’ Katari Developments Ltd, ressaq applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex ibiddel l-istatus taż-żona tal-iżvilupp tal-eks impjant tal-mili tal-LPG fil-Qajjenza, Birżebbuġa, biex ikun jista’ jbiddel l-art fi tmien blokok tal-appartamenti u għadd ta’ unitajiet kummerċjali.

Filwaqt li partijiet miż-żona, madwar terz, huma proprjetà tal-familja Mifsud, ħafna minnha (iż-żewġ terzi l-oħra) huma proprjetà pubblika li bħalissa huma f’idejn l-Enemalta jew l-Awtorità tal-Artijiet.

Biex iwettaq dan il-proġett multimiljunarju, qabelxejn Attard irid jakkwista l-proprjetà pubblika mingħand il-gvern jew jidħol f’xi tip ta’ sħab, biex ikollu d-dritt li jiżviluppaha.

Skont il-pjanijiet lokali, filwaqt li ż-żona hi maħsuba għall-iżvilupp, hi żona ristretta għal bini sa tliet sulari. Madankollu, skont il-pjanijiet li qed jipproponi Attard, beħsiebu jibni mijiet ta’ flettijiet fi blokok li jlaħħqu t-tmien sulari.

Filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tikkunsidra din l-applikazzjoni, irċeviet ħemel ta’ oġġezzjonijiet, ħafna minnhom jinsistu mal-gvern li din l-art, bħala wieħed mill-aħħar spazji ħodor f’Birżebbuġa, għandha tinbidel f’park pubbliku.

Anki l-Kunsill Lokali Laburista ta’ Birżebbuġa qed joġġezzjona u jfakkar lill-Ministru Miriam Dalli, responsabbli mill-Enemalta, li din iż-żona kienet ġiet imwiegħda li ssir park ekoloġiku u mhux “żvilupp ieħor li jikkonsisti minn mijiet ta’ flettijiet”.

Għalkemm il-ministru qalet li l-Enemalta m’għandha l-ebda pjan li tittrasferixxi l-art tagħha fil-Qajjenza lil Attard, l-Awtorità tal-Artijiet qed tkompli tixtri l-art li m’għandhiex bżonn.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent
Il-VistaJet tiftaħ kawża ta’ €386 miljun kontra kumpanija rivali
Read in English. Il-kumpanija tat-titjiriet privati VistaJet, irreġistrata f’Malta,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo