Opinjoni: Għal Keith Schembri, kollox għaddej l-istess

Fit-12 ta’ Diċembru 2021,  iż-żagħżugħ biljunarju tal-kripto Sam Bankman Fried affaċċja diversi akkużi fl-Istati Uniti fosthom li kkonfoffa biex iwettaq frodi u ħasil tal-flus permezz tal-kumpanija tiegħu fil-Karibew. F’inqas minn sena wara, nhar it-2 ta’ Novembru 2022, il-ġurati ħadu biss erba’ sigħat jiddeliberaw biex sabuh ħati għall-akkużi kollha. U għalhekk issa qed jistenna b’tant ansjetà sal-24 ta’ Marzu li ġej meta se jingħata s-sentenza, li jista’ jlaqqat sa 110 snin ħabs. Kiber mix-xejn bħala ġenju u filantropista u spiċċa saħansitra fuq il-faċċati tal-megezins Forbes u Fortune, b’kumpanija li tiswa aktar minn $32 biljun.

Madankollu, dan l-imprenditur b’dehra sempliċi, dieħel għal-laqgħat bix-xorz u bix-xagħar imħabbel, irnexxielu jisraq il-biljuni mid-depożiti tal-klijenti tiegħu biex jagħmel tajjeb għan-nefqiet personali, għall-ivvjaġġar bl-ajruplani privati u għax-xiri tal-proprjetà – fosthom il-penthouse fil-Karibew li tiswa xi $35 miljun fejn kien jgħix.

Minkejja l-kumplessità tal-każ, id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti rnexxielu jestradih lejn l-Istati Uniti, iressqu, jakkużah u jikkundannah fi żmien 11-il xahar biss.

Persuna oħra b’kumpanija wkoll fil-Karibew tressqet il-Qorti wkoll b’akkużi simili: frodi, konfoffa kriminali, ħasil tal-flus, korruzzjoni, xhieda falza u falsifikazzjoni. Il-prosekuzzjoni allegat li din il-persuna offriet tixħim, iffabrikat dokumenti, għamlet dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi u ħadet ġuramenti foloz meta xehdet quddiem maġistrat inkwerenti.

Dan ġara fl-20 ta’ Marzu 2021, kważi tliet snin ilu, madankollu Keith Schembri għadu persuna libera u mingħajr ħjiel ta’ kundanna.

Fil-frattemp, Schembri għadu jwettaq in-negozju. Agħar minn hekk, l-entitajiet governattivi saħansitra għadhom jagħtu d-direct orders li jiswew l-għexieren tal-eluf tal-ewro lill-kumpaniji tiegħu. L-akbar daqqa ta’ ħarta, iżda, kienet meta l-Imħallef Lawrence Mintoff tah kumpens finanzjarju wara li kkonkluda li kien inkiser id-dritt ta’ Schembri li jgawdi l-proprjetà tiegħu meta Qorti oħra imponiet iffriżar tal-assi. Mintoff qatagħha li “mhux raġonevoli” li “persuna milquta minn ordni ta’ sekwestru […] għandha tieqaf għal perjodu saħansitra ta’ sena […] qabel ma tkompli bl-attivitajiet kummerċjali tagħha jew attivitajiet oħra skont il-liġi.”

Iddeċieda li “l-ordni ta’ sekwestru ġabet numru ta’ konsegwenzi negattivi” għall-applikant u allura qatagħha li Schembri għandu jingħata kumpens finanzjarju, u li tliet kwarti tal-ispejjeż tal-qorti għandhom iħallsuhom l-Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija. Imma dawn l-ispejjeż ma ħallsuhomx minn buthom. Aħna ħallasniehom.

Filwaqt li l-każijiet ta’ Schembri għadhom pendenti, il-ġudizzju ma ħax fit-tul min-naħa tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan. Schembri minnufih beda jitqies mhux eliġibbli iżjed biex jidħol fl-Istati Uniti minħabba l-involviment tiegħu f’korruzzjoni sinifikanti. Id-Dipartiment tal-Istat sab “informazzjoni kredibbli” li Schembri uża l-poter uffiċjali tiegħu għall-benefiċċju personali, u li kien involut fi skema korrotta li involviet l-għoti ta’ kuntratt tal-gvern biex jinbena impjant tal-enerġija bi tpartit għal tixħim, u l-“azzjonijiet imminaw s-saltna tad-dritt”.

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan wasal għal dawk il-konklużjonijiet aktar minn sentejn ilu, iżda hawn f’Malta, Schembri lanqas biss tressaq fuq dawk l-allegazzjonijiet. L-akkużi miġjuba kontrih f’Marzu 2021 għandhom x’jaqsmu biss ma’ allegat tixħim fix-xiri tal-magni tal-istampar mill-grupp tal-Allied Newspapers. Allegatament, Schembri għadda aktar minn €650,000 lil Adrian Hillman permezz ta’ aktar minn 30 “tranżazzjoni suspettuża”.

Hu ssuspettat li Hillman irċieva aktar minn miljun ewro fi ħlasijiet mhux spjegati permezz ta’ kumpaniji offshore. Allegatament ukoll, Schembri għadda xi flejjes lis-soċju fin-negozju tiegħu, Malcolm Scerri u oħrajn lil direttur tal-Allied Newspapers, Vince Buhagiar.

Iżda allegazzjonijiet aktar serji dwar l-attivitajiet ta’ Schembri u martu għadhom lanqas biss waslu l-qorti. Il-kickbacks li allegatament kiseb permezz tal-proġett tal-Electrogas huma wieħed minnhom, iżda hemm ferm iżjed.

Waħda mill-kumpaniji ta’ Schembri, 3City Design, irċeviet għexieren tal-eluf tal-ewro mingħand il-Vitals u Steward. Il-prosekuturi allegaw li din il-kumpanija tal-interior design “kienet qed tintuża bħala parti minn skema kumplessa tal-ħasil tal-flus”. Meta l-Vitals kienet fix-xifer li tfalli, xorta ħallset għexieren tal-eluf lil Schembri biex jipprovdi “pjanijiet għal parkeġġ b’diversi sulari f’Tal-Pietà”. Dak il-parkeġġ kien tħalla f’idejn il-kunsill lokali ta’ Tal-Pietà, u allura m’hemmx raġuni ċara għalfejn il-Vitals kienet qed tħallas lil Schembri għal dawk il-pjanijiet.

Anki kumpanija oħra, FSV Ltd, proprjetà ta’ Josette, mart Keith Schembri, irċeviet l-eluf mingħand il-Vitals. F’Settembru 2017 ġie ffirmat ftehim partikolari mal-Vitals għall-kiri ta’ proprjetà f’Pendergardens li jiswa €28,800 fis-sena, ftit ġimgħat biss qabel Steward ħadet ir-riedni tal-isptarijiet f’idejha. Dik il-bidla fis-sidien ma biddlet xejn mill-affarijiet għax Steward sempliċiment kompliet bil-kiri u kompliet tħallas l-għexieren tal-eluf tal-ewro lil Josette Schembri, sakemm waqfu f’Ottubru 2018. Meta Steward intalbet twieġeb dwar dan, ma tat l-ebda kumment.

F’Settembru 2021, imbagħad, Josette Schembri tressqet il-Qorti fuq ħasil tal-flus, u l-prosekuturi allegaw li hi ħaslet aktar minn €1.5 miljun permezz tal-kumpanija tagħha. U anki hi ma tistax tidħol fl-Istati Uniti.

Dawn it-tranżazzjonijiet finanzjarji kienu aktar u aktar suspettużi meta wieħed iqis ir-rwol ta’ Keith Schembri fin-negozjati ma’ Steward.

Armin Ernst, l-eks CEO tal-Vitals u li eventwalment sar president ta’ Steward Healthcare, ikkomunika bil-moħbi ma’ Schembri minn wara dahar il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Ernst uża l-email personali tiegħu, mhux l-email uffiċjali tiegħu ta’ Steward, biex jikteb lil Schembri fuq l-email personali tiegħu, mhux fuq l-email tiegħu tal-gvern, u qallu: “Keith, Chris talabni aġġornament. Jien m’għedtlu xejn iżda jeħtieġ inkellmu lura. Xi kummenti?”

“Ir-reati allegali huma estremament serji,” iddikjarat il-Qorti meta Keith Schembri kien tressaq quddiemha xi tliet snin ilu.

L-avukat difensur ta’ Schembri, Edward Gatt, xejjer l-akkużi fl-arja u b’leħen għoli nstema’ jgħid, “Se jkolli xalata nġib dawn biċċiet”. Imma milli jidher s’issa, mhux se jkollu għalfejn.

Filwaqt li komplew għaddejjin is-snin, bil-memorja li kontinwament qed jitlef, u l-memorja li qed jitilfu l-prosekuturi u x-xhieda potenzjali, il-kundanna qed issir iżjed improbabbli.

Fil-każ ta’ Bankman-Fried, meta tħabbar il-verdett li hu ħati, l-Avukat Ġenerali Merrick Garland iddikjara, “Sam Bankman-Fried ħaseb li hu ’l fuq mil-liġi. Il-verdett tal-lum juri li kien żbaljat.”

Fil-frattemp, Keith Schembri ssokta b’ħajtu, bin-negozji tiegħu, u bid-direct orders. Hu ħaseb li kien ’il fuq mil-liġi. U kellu raġun.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo