Lil hinn mill-istejjer: ħidmet The Shift fil-kamra tal-aħbarijiet u fuq barra

Din is-sena, The Shift kien fuq quddiem nett bi wħud mill-akbar stejjer tas-sena. Fosthom hemm l-istorja dwar it-tħejjijiet li kienu qed isiru baxx baxx għall-għeluq tal-Air Malta u l-istorja li tirrapporta dettalji dwar il-kuntratt frawdulenti ta’ “konsulenza” ta’ Rosianne Cutajar. Madankollu, il-kontribut ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet iffinanzjata mill-pubbliku jmur lil hinn minn sempliċiment rappurtaġġi investigattivi.

Issa li s-sena qed toqrob lejn tmiemha, jixraq nagħtu ħarsa lejn il-proġetti u l-kisbiet ewlenin ta’ The Shift matul l-2023, li lkoll setgħu jitwettqu bis-saħħa tal-appoġġ tal-qarrejja tagħna.

The Shift jirbaħ il-kawżi kollha li nfetħulu b’rabta mat-Talbiet tal-Libertà tal-Informazzjoni (l-FOI)

The Shift irnexxielu jirbaħ il-kawżi kollha tal-appell li nfetħu quddiem it-Tribunal tal-Kummissjoni tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni u tad-Dejta, immexxi mill-avukati Anna Mallia u Noel Camilleri. F’ħafna mill-każijiet, il-gvern fetaħ kawżi fil-qrati biex jappella dawk id-deċiżjonijiet, madankollu The Shift irnexxielu jirbaħ ukoll it-18-il kawża kollha li nfetħu fil-Qrati tagħna quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff, u l-ministeri ġew ordnati jipprovdu l-informazzjoni mitluba.

L-appelli għandhom x’jaqsmu ma’ Talbiet tal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) li għamel The Shift fl-2021 biex jitlob lill-ministeri u l-entitajiet governattivi jipprovdu kopji tal-kuntratti u l-ħlasijiet tal-konsulenzi li saru lil Saviour Balzan bħala konsulent privat ta’ ministeri u aġenziji differenti tal-gvern fl-istess żmien meta kien qed imexxi kamra tal-aħbarijiet indipendenti. Wara battalja ta’ sentejn għall-informazzjoni, fiż-żmien li ġej se nkunu qed nippubblikaw din l-informazzjoni.

Konferenza ta’ suċċess

Fil-konferenza ta’ The Shift imsejħa “Tissikket il-Libertà. Il-Liġi tintuża bħala Arma” li ttellgħet f’Ottubru li għadda ħadu sehem diversi kelliema pijunieri f’għadd ta’ suġġetti relatati u involvew ruħhom bosta esponenti mill-udjenza, li lkoll urew il-ħerqa għal aktar diskussjonijiet u tixrid tal-għarfien. Dan l-avveniment laqqa’ flimkien bosta esperti legali internazzjonali u lokali u membri oħrajn mill-komunità tal-midja biex jiddiskutu kif l-iSLAPPs u metodi legali oħrajn jistgħu jintużaw biex isikktu lill-ġurnalisti u kif dawn jolqtu direttament l-informazzjoni li tingħata lill-pubbliku. Id-dibattitu stħarreġ fil-fond ukoll in-natura evolventi u d-definizzjonijiet tal-iSLAPPs, l-impatt tagħhom fuq il-ħidma ta’ kuljum tal-ġurnalisti u fuq id-dritt tal-pubbliku li jkun jaf, u tratta wħud mill-għodod disponibbli kontra dawk it-tattiċi.

Investigazzjoni ta’ The Shift fost il-finalisti ta’ Premju Ewropew

Din is-sena, investigazzjoni ta’ The Shift ġiet nominata mal-finalisti għall-premju tal-Parlament Ewropew imsejjaħ il-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu minn fost 268 entrata minn kmamar tal-aħbarijiet differenti madwar l-UE. L-artiklu investigattiv ta’ The Shift imsejjaħ ‘Ninnammraw mal-Qatar: lil dawk li allegatament jiffinanzjaw lit-terroristi, il-President jistidinhom jinvestu f’Malta’ u miktub mill-Fundatriċi u l-Kap Editriċi Caroline Muscat f’Jannar li għadda, jittratta l-ftehimiet dubjużi ta’ Malta fil-Qatar.

L-artiklu ta’ The Shift ħareġ fid-dieher kif il-President George Vella beda jħajjar lil biljunarji Sirjani residenti l-Qatar biex jinvestu f’Malta meta xahrejn biss qabel dawn kienu ġew akkużati li ffinanzjaw grupp terrorista affiljat mal-Al-Qaeda. Sussegwentement, The Shift żvela wkoll li l-gvern tal-Qatar kien għamel tajjeb għal ħafna mill-ispejjeż ta’ bosta delegazzjonijiet minn Malta li żaru l-Qatar fi żmien ftit xhur.

Investigazzjonijiet kollaborattivi

The Shift ħa sehem ukoll f’diversi proġetti kollaborattivi. Fosthom hemm l-investigazzjoni profonda u mingħajr fruntieri li għamel The Shift ma’ sħab internazzjonali ewlenin u li matulha skopra kif bosta mijiet tal-eluf tal-ewro minn fondi tal-Istati Membri kienu qed jinħlew minħabba l-kaċċa f’Malta, prattika li qed titħalla tissokta bi ksur dejjem akbar tar-regoli tal-UE u bil-palata tal-gvern Malti biex “jassigura l-voti tal-lobby tan-nassaba u l-kaċċaturi”.

F’Mejju li għadda, The Shift kien parti wkoll minn investigazzjoni konġunta mal-Proġett tar-Rappurtaġġi tal-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP) u t-Times of Malta li skopriet kif il-kuntratt ta’ konsulenza tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat minn kumpanija Żvizzera kien suspettat li hu veikolu biex flus il-poplu jingħaddew lura lill-investituri wara l-Grupp Vitals Global Health Care (VGH), kuntratt li issa qed jiġi investigat fid-dettall. 

The Shift skopra wkoll li l-kumpaniji involuti fil-konċessjoni tal-isptarijiet kienu bagħtu mill-anqas €7 miljun lil Accutor. Din il-kumpanija tal-payroll Żvizzera qdiet irwol kruċjali biex jingħaddu l-flejjes bejn l-investituri. Skoprejna li dawk l-istess investituri kienu nefqu miljuni tal-ewro biex jgħixu ħajja axxellerata filwaqt li l-isptarijiet li kellhom jibnu jew jirrinovaw tħallew jaqgħu biċċiet.

Kampanji ta’ finanzjament mill-pubbliku u wirja tal-arti

L-investigazzjonijiet kollaborattivi ta’ 12-il xahar li għamilna matul l-2023 stajna nwettquhom bis-saħħa tas-sostenn tal-qarrejja tagħna. Biex irnexxielna nippubblikaw stejjer investigattivi fil-fond kien hemm bżonn ħinijiet twal ta’ xogħol u ħafna riżorsi, u għaldaqstant The Shift saħħaħ l-isforzi tiegħu biex jikseb il-fondi mingħand il-pubbliku biex b’hekk jiżgura li jissoktaw l-investigazzjonijiet ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet.

Biex jilħaq dan l-għan, The Shift nieda kampaniji ta’ ġbir ta’ fondi mingħand il-pubbliku u wirja tal-arti online. Il-wirja tinkludi 22 biċċa tal-arti magħżula u pprezzati minn uħud mill-aqwa artisti ta’ pajjiżna, li xi ftit minnhom għadhom għall-bejgħ. L-artisti jiksbu 30% tad-dħul filwaqt li l-bqija jmorru kollha għas-sostenn tal-ħidma ta’ The Shift.

Fil-frattemp, il-kampanja li qed inwettqu matul ix-xitwa għall-ġbir tal-fondi, imsejħa “We’re digging deeper to level up”, irnexxielha tilħaq kważi 70% tal-mira inizjali tagħha. Filwaqt li ġentilment inħeġġuk tkun ġeneruż magħna fi żmien il-Milied biex tgħinna nilħqu l-mira tagħna, aħna nwegħduk li niġu lura għandek b’aktar stejjer kbar.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo