Il-Fond NDSF mill-bejgħ tal-passaporti m’għandux prassi kif iqassam il-miljuni – l-Awditur Ġenerali

Skont rapport ġdid tal-Awditur Ġenerali (l-NAO), il-Fond Nazzjonali Soċjali u tal-Iżvilupp, li jirċievi d-dħul tal-Iskema kontroversjali Maltija tal-Bejgħ tal-Passaporti, instab li m’għandu “l-ebda prassi jew proċedura” kif jalloka l-fondi lill-proġetti.

L-Awditur Ġenerali din il-ġimgħa ħareġ rapport dwar dan il-Fond li hu fir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Robert Abela. Ir-rapport jiddikjara li ma jeżistux kriterji trasparenti dwar kif dan il-fond alloka l-€14-il miljun li kellu lil 15-il proġett. Fl-awditjar tiegħu, l-NAO kien qed jipprova jistabbilixxi jekk il-fondi tal-NDSF kinux qed jitqassmu u jiġu investiti skont ir-regolamenti stabbiliti mill-bord, li bħalissa hu mmexxi miċ-Chairman Jonathan Cardona. Wara ħarsa kumplessiva, l-Awditur Ġenerali sab li ma setax ikompli bil-pjan inizjali tiegħu peress li “l-prassi ma kinitx dokumentata” u minħabba s-“soġġettività fl-approvazzjoni tal-proġetti għall-finanzjament.”

Minflok, l-Awditur Ġenerali ħa kampjun ta’ kif fl-2022 tqassmu l-fondi lil sitt proġetti, li jammontaw għal madwar €10 miljun. Hawn l-Awditur sab li l-“NDSF la għandu prassi formali dokumentata u lanqas proċedura standard ta’ kif jaħdem u jagħżel il-proġetti biex jingħataw finanzjament.” L-Awditur innota wkoll li l-fond għandu “jiżgura li titħares il-governanza t-tajba” billi tiġi adottata prassi formali.

Barra minn hekk, l-NAO sab li l-NDSF ilu mill-2020 ma jippreżenta l-kotba finanzjarji awditjati tiegħu, u skont l-NDSF dan ġara minħabba “kwistjonijiet tekniċi tal-kontabbiltà”. Minħabba n-nuqqas ta’ kotba finanzjarji awditjati ma setgħetx issir “valutazzjoni imparzjali u oġġettiva” tas-sitwazzjoni tal-Fond.

L-Awditur Ġenerali jinnota kif l-aġenziji tal-gvern ma tawx tqassim dettaljat tal-kostijiet tagħhom qabel ġie approvat il-finanzjament lilhom mingħand l-NDSF. L-uffiċċju tal-Awditur jinnota wkoll li dawn huma “għodod essenzjali” biex ikunu żgurati l-effiċjenza, it-trasparenza u l-akkontabbiltà.

F’Ġunju li għadda, The Shift diġà kien żvela n-nuqqas ta’ trasparenza fl-investiment kontroversjali ta’ €5 miljun fi SportMalta mogħti mill-NDSF bi tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ta’ din is-sena, u l-gvern baqa’ jirrifjuta li jippubblika d-dettalji.

L-uffiċċju tal-Awditur sab ukoll li l-ħidma fuq il-proġetti ffinanzjati mill-NDSF ma kinitx qed tiġi ċċertifikata qabel jingħataw il-fondi, u dan wassal biex il-fondi jitqassmu “biss abbażi ta’ fatturi/kontijiet mogħtija mill-benefiċjarji”, tant li l-proġetti li ħadu tliet snin kellhom “jiġu ċċertifikati b’mod retrospettiv.”

Il-fondi tal-NDSF jinkisbu mingħand tliet sorsi: l-Iskema Maltija taċ-Ċittadinanza b’Investiment, magħrufa aħjar bħala l-Iskema tal-Bejgħ tal-Passaporti, li kien daħħal il-gvern tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat, kif ukoll l-Aġenzija Komunità Malta u l-Aġenzija Residenza Malta, li qabel kienu parti minn Identity Malta, illum Identità.

Cardona, iċ-Chair tal-NDSF inkarigat mit-tfassil tal-prassi għat-tqassim tal-fondi, hu wkoll l-eks CEO tal-Enemalta. The Shift irrapporta diġà kif dan is-sajf Cardona tkeċċa minn dik il-kariga wara sensiela ta’ qtugħ tad-dawl estensiv mal-pajjiż kollu. Imbagħad Cardona kien ġie trasferit skont struzzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela lejn ir-rwol preċedenti tiegħu mal-gvern, biex ibigħ il-passaporti Maltin.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo