Uffiċjal politiku bla esperjenza fil-politika tingħata promozzjoni qabel tiġi sekondata mal-Fondazzjoni Marigold

L-eks assistenta personali tal-eks ministru tat-trasport Joe Mizzi ġiet sekondata biex taħdem bħala segretarja eżekuttiva mal-Fondazzjoni Marigold ta’ Michelle Muscat b’paga mill-gvern ta’ €35,000 fis-sena, apparti l-perkaċċi.

Mariella Agius Vassallo kienet taħdem mal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) u ngħatat promozzjoni biex issir uffiċjal tal-politika mill-uffiċċju tas-CEO Manuel Sapiano.

Sorsi mill-EWA qalu lil The Shift li Agius Vassallo ngħatat il-promozzjoni xorta waħda allavolja m’għandha l-ebda kwalifika fil-politika. Qalulna li rarement kienet tkun preżenti fl-uffiċini tal-aġenzija minkejja li taqla’ xi €3,000 fix-xahar għall-pożizzjoni tagħha.

Il-ġimgħa l-oħra, The Shift irrapporta wkoll li l-gvern ħatar lil Agius Vassallo bħala membru fuq il-bord tad-diretturi ta’ Transport Malta.

The Shift imbagħad ikkuntattja lil Sapiano biex jistaqsi dwar ir-rwol tagħha. Hu ammetta li bħalissa mhix qed tkun preżenti għax kienet ġiet sekondata fuq struzzjoni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex taħdem ma’ organizzazzjoni fil-mandat tal-fondazzjoni ta’ mart l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat – organizzazzjoni li Michelle Muscat akkwistat mingħand il-Bank of Valletta għal €100 biss wara li dan il-bank ikkontrallat mill-gvern kien nefaq għexieren tal-eluf tal-ewro biex jistabbilixxi dik il-fondazzjoni.

Sapiano qal li minn Settembru 2022 sal-lum, Agius Vassallo “ġiet rilaxxata b’leave imħallas għal skopijiet ta’ politika pubblika biex taħdem mal-Alleanza Nazzjonali Maltija tal-Appoġġ għall-Mard Rari”.

The Shift staqsa kif dan seħħ malli ħadet il-promozzjoni biex taħdem fil-politika fl-uffiċċju tiegħu, u jekk din il-persuna għadhiex tirċievi l-bosta allowances u benefiċċji inklużi fil-kariga li kellha, iżda Sapiano ma weġibx.

Skont il-kuntratt tagħha li ġie f’idejn The Shift wara talba tal-libertà tal-informazzjoni, Agius Vassallo hi intitolata għal madwar €10,000 f’allowances apparti s-salarju bażiku tagħha mal-EWA.

Madankollu, dawk l-allowances huma marbuta strettament mad-deskrizzjoni tal-impjieg u r-responsabbiltajiet tagħha fl-EWA u mhumiex trasferibbli għall-pożizzjoni l-ġdida tagħha mal-NGO.

Sorsi qalu lil The Shift li Agius Vassallo ilha taħdem ma’ Michelle min ferm qabel ingħaqdet mal-aġenzija tal-gvern.

“Hawn fl-EWA skoprejna li ank’aħna għandha uffiċjal b’impjieg fantażma,” qalilna eżekuttiv mal-EWA filwaqt li qabbel dan l-impjieg mal-informazzjoni żvelata dan l-aħħar fuq Melvin Theuma u Rosianne Cutajar.

Hemm bosta impjegati oħra li qed jaħdmu mal-Fondazzjoni u li ġew sekondati mis-servizz pubbliku, fosthom ix-xufier tagħha.

Skont il-website tal-Alleanza Nazzjonali Maltija tal-Appoġġ għall-Mard Rari, din għandha rappreżentant ukoll fi New York, William Buttigieg, ir-raġel ta’ Michelle Buttigieg, sieħba kummerċjali f’dak li kien in-negozju privat tal-ġojellerija ta’ Muscat, Buttardi.

Fl-2014, ftit wara li Joseph Muscat kien sar prim ministru, Michelle Buttigieg, emigranta Għawdxija li tgħix New York, kienet inħatret rappreżentanta tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu f’dik il-belt Amerikana u kienet bdiet tingħata €5,000 fix-xahar. Sal-lum, Buttigieg għadha qed titħallas mill-MTA.

Skont l-aħħar kotba finanzjarji disponibbli tal-2021, il-Fondazzjoni Marigold ta’ Muscat, li ġġib il-finanzjament kważi kollu tagħha mingħand il-gvern u l-Bank of Valletta, nefqet kważi nofsu fuq avvenimenti u reklamar.

Il-kotba finanzjarji juru li minn €146,379 miksuba b’donazzjonijiet, 47% jew €68,956 intefqu fuq “kampanji, avvenimenti u spejjeż oħra tal-operat”.

Fi tmiem l-2021, il-Fondazzjoni ta’ Muscat kellha bilanċ ta’ €742,255. Skont il-liġi, suppost il-fondazzjoni tippreżenta l-kotba finanzjarji awditjati kull sena.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo