Changpeng Zhao, is-CEO tal-akbar kambjulatur tal-cryptocurrency fid-dinja, Binance, ammetta l-ħtija f’għadd ta’ reati tal-ħasil tal-flus, irreżenja u aċċetta li jħallas iżjed minn $4.3 biljun biex jagħlaq każ li kellu mad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti.
Il-kumpanija Binance, li kienet topera minn Malta għal 18-il xahar sħaħ mingħajr ma ħallset ċenteżmu ta’ taxxa, fost l-oħrajn qed tiġi akkużata li kienet tħaddem kambjulatur tas-sigurtajiet mhux irreġistrat, li kisret il-liġijiet tas-sigurtà tal-Istati Uniti u li naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha rigward il-ħasil tal-flus.
Zhao, li kien ilu jmexxi l-kumpanija minn mindu nfetħet, ammetta anki akkużi li naqas milli jevita li l-pjattaforma tintuża bħala veikolu għall-ħasil tal-flus. Ammetta wkoll li kiser l-Att dwar is-Segretezza Bankarja u li kiser il-programm tas-sanzjonijiet, inkluż li suppost kellu jirrapporta u jimmonitorja t-tranżazzjonijiet suspettużi.
F’dikjarazzjoni, Binance ammettiet li għamlet “deċiżjonijiet sgwidati” u rrikonoxxiet “responsabbiltà għal ksur storiku u kriminali tal-konformità”.
L-awtoritajiet tal-Istati Uniti qalu li Binance fetħet il-bibien għal iżjed minn 1.5 miljun attività virtwali tal-kambju li kisru s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti għall-benefiċċju tal-Hamas, tal-alQaeda u ta’ kriminali oħrajn, kif ukoll ta’ oħrajn li jappoġġaw ċerti “attivitajiet fosthom abbuż sesswali tat-tfal, narkotiċi illegali, terroriżmu, u dan b’aktar minn 100,000 tranżazzjoni.”
Minkejja l-lista xokkanti tal-illegalitajiet, Binance ma ppreżentat l-ebda rapport ta’ attività suspettuża fuq l-ebda tranżazzjoni.
Il-maġistrat kien ċar li Zhao “kien jaf li ma kellux il-kontrolli fis-seħħ,” akkuża li għaliha l-eks CEO wieġeb, “Iva Sur Maġistrat.”
Zhao, li aktar kmieni kien ġie akkużat li allegatament iddirezzjona illegalment ċerti fondi tal-klijenti, mar fuq X biex jgħarraf id-deċiżjoni tiegħu li jirreżenja, iżda ma semmiex li kien ammetta l-ħtija.
“Illum, irreżenjajt minn CEO ta’ Binance. Ngħid is-sew, ma kinitx ħaġa faċli emozzjonalment li nitlaq ir-riedni. Iżda naf li hi l-ħaġa t-tajba li jeħtieġ nagħmel. Għamilt l-iżbalji u allura jeħtieġ nerfa’ r-responsabbiltà. Hekk hemm bżonn għall-komunità tagħna, għal Binance, u għalija nnifsi,” kiteb bl-Ingliż.
L-eks CEO qal ukoll li “Binance se tibqa’ tikber u tirnexxi bil-kapaċità li għandha” u mbagħad ħabbar li l-eks kap dinji tas-swieq reġjonali, Richard Teng, se jkun qed joħodlu postu fit-tmun.
Filwaqt li rrefera għall-każ mal-gvern tal-Istati Uniti bħala “riżoluzzjonijiet mal-agenziji Amerikani”, qal ukoll l-awtoritajiet qatt ma allegaw li Binance wettqet xi miżapproprijazzjoni tal-fondi tal-utenti jew li wettqet manipulazzjoni tas-suq.
Apparti l-multi kbar, Binance aċċettat li jsir monitoraġġ estern min-Network tat-Teżor Amerikan maħsub għall-Infurzar tar-Reati Finanzjarji, biex b’hekk tiżgura li hija konformi mal-liġijiet federali.
Binance f’Malta
Binance ġiet Malta fl-2018 meta l-amministrazzjoni tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat kienet imbuttat il-pożizzjoni biex Malta ssir “Blockchain Island”.
Il-gvern kien irnexxielu jgħaddi tliet liġijiet maħsuba biex jirregolaw il-cryptocurrency u attivitajiet relatati, iżda fetaħ perjodu tranżitorju għan-negozju li matulu kien għalaq għajn waħda fejn jidħol l-infurzar regolatorju.
Binance baqgħet 18-il xahar f’Malta filwaqt li fl-istrutturi tagħha kienu qed jgħaddu biljuni tal-ewro, u mbagħad telqet mill-pajjiż malli r-regolamenti daħlu fis-seħħ, bħalma għamlu ħafna mill-kambjulaturi l-oħra li kienu fetħu f’Malta wkoll fl-istess perjodu.
Meta l-kumpanija kienet topera minn Malta, din ma ħallset l-ebda taxxa għax mal-Kummissarju tat-Taxxa rrappurtat li kienet għamlet it-telf.