Opinjoni: Il-President, għadu qed jonqos minn dmiru

Meta taħseb li l-President George Vella ma jistax jinżel aktar fil-baxx, hekk jagħmel. Did-darba, il-kap tal-istat iddiżappuntana lkoll meta ġie mistoqsi dwar l-iskandlu Laburista tal-liċenzji tas-sewqan u ma kienx kapaċi jikkundanna dak kollu li sar. Imma konna qed nistennew xi ħaġa aħjar?

Il-Ministru Ian Borg, bil-kompliċità ta’ ġgajta mill-Partit Laburista, kien qed jgħaddi d-dettalji ta’ kandidati li kienu se jagħmlu t-test tas-sewqan lil uffiċjali ta’ Transport Malta. Dawk il-kandidati mbagħad kienu qed jittrattawhom bi preferenzi u jqabbżuhom il-kju, filwaqt li ħaddieħor kien qed jitħalla jistenna għal xhur sħaħ.

Uħud minnhom irnexxielhom jgħaddu mit-test minkejja li kienu theddida serja għal ħaddieħor fit-triq, iżda l-Prim Ministru Robert Abela qalilna li Ian Borg u l-uffiċjali l-oħra tal-customer care tal-Partit Laburista kienu ‘sempliċiment qed jagħmlu xogħolhom’.

F’dan it-tnawwir morali kollu, Vella ngħata l-opportunità biex jikkundanna l-klijenteliżmu u n-nepotiżmu deplorabbli. Kellu kull ċans biex jistmerr it-tifrik tad-dritt bażiku taċ-ċittadini għal trattament ugwali u ġust.

Bħal donnu jgħaddi mingħalik li l-President ikun mismut bħall-bqija minn fostna meta jassisti għall-abbuż ta’ Abela mill-kariga pubblika – tant ta’ tħassib – u għad-difiża immorali tiegħu.

Il-President Vella kellu opportunità tad-deheb biex joħroġ għonqu favur is-sewwa, il-ġustizzja u d-diċenza, u jikkundanna l-ħażin u t-tradiment sfaċċat Laburista ta’ kull fiduċja.

Minflok, bis-soltu stil goff u aggressiv tiegħu, qalilna: “X’għandu x’jaqsam il-President f’dan kollu? Allura, għandi nidħol jien fejn jidħol it-traffiku ta’ filgħodu?”

Dan il-bniedem suppost hu l-mexxej morali tagħna, iżda Vella wriena baħħ morali li lanqas jitwemmen.

Għall-kap tal-istat tagħna, it-traffiku ta’ filgħodu hu ekwivalenti għal ministru li jabbuża mill-kariga tiegħu biex jagħti xi privileġġi speċjali lil xi ftit magħżulin għad-detriment tal-bqija kollha u b’sogru għal ħajjitna.

Għall-President, il-frustrazzjonijiet fit-toroq fl-eqqel ħinijiet tal-ġurnata huma moralment ekwivalenti għal prim ministru jrewwaħ imġiba evidentement kriminali ta’ ministru tiegħu, ta’ chiefs of staff u ta’ uffiċjali tal-customer care.

Għal Vella, it-tkomplija tal-kultura tal-impunità minn Abela toħloq l-istess sfida morali daqs it-traffiku.

Filwaqt li Abela nawwar għalkollox it-tessut morali tal-pajjiż, Vella kompla miegħu billi naqas milli jlissen imqar l-iċken kundanna għal dak li hu evidentement ħażin.

Vella jidhrilu li r-rwol tiegħu mhuwiex ta’ missier in-nazzjon iżda ta’ tarka għar-reputazzjoni tal-Partit Laburista. Meta ngħata l-opportunità biex jagħmel u jgħid dak li mistenni minnu, kull darba rrovinaha.

Meta t-Times of Malta, b’kollaborazzjoni ma’ bosta ġurnalisti internazzjonali, kixfu li Yorgen Fenech kien sid 17Black – il-klijent ippjanat li kellu jħallas miljun ewro lill-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama – Vella ddefendihom.

Meta Marlene Farrugia sejħet għal vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi, Vella attribwixxa l-intenzjonijiet ħżiena lil dawk li ppruvaw ireġġgħu lura d-diċenza.

Vella kien akkuża lill-oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien li qed “tieħu vantaġġ biex ittappan ir-reputazzjoni tal-gvern”. Hu kien attakka lid-deputat kap tal-oppożizzjoni talli kien “semma l-kelma ‘korruzzjoni’ iżjed minn darba”. 

Hu kien instema’ jgħajjat fil-parlament, “Nisfidah isemmi fatti konkreti”.

Vella għandu l-fatti kollha.  Għandu l-messaġġi tal-WhatsApp mingħand Ian Borg, mijiet ta’ messaġġi oħra mingħand ajjutanti tal-Partit Laburista – uħud minnhom vulgari, oħrajn oxxeni.

Għandu ċertifikati falsifikati mingħand Silvio Grixti u għandu ħemel ta’ evidenza mill-qorti ta’ aktar minn 120 każ li jinvolvu dikjarazzjonijiet frawdulenti għall-allowance tad-diżabbiltà. Jistgħu l-fatti jkunu aktar konkreti?

Imma dak hu George Vella. Hu kien ivvota biex jipproteġi lil Konrad Mizzi u rrifjuta li jikkummenta dwar il-ftehim frawdulenti tal-isptarijiet lil Vitals-Steward, saħansitra anki wara bosta rapporti kundannanti tal-NAO u sentenza tal-qorti.

Dik il-“ftehim frawdulenti” seraq mijiet ta’ miljuni tal-ewro bi proġett evidentement imnawwar. Il-Vitals kienet scam bil-wiċċ ta’ Ram Tumuluri, bniedem li qatt ma mexxa imqar klinika, aħseb u ara sptar, iżda l-Labour xorta ffirma Memorandum ta’ Qbil sigriet mal-ispekulaturi dubjużi tiegħu.

Ġew ippubblikati mijiet ta’ paġni ta’ dettalji, ċifri, kontijiet, investigazzjonijiet u testimonjanzi, iżda Vella xorta waħda se jibqa’ jistenna “sakemm jirċievi rapport oġġettiv”. Forsi qed jistenna l-fatti konkreti.

Il-fatti konkreti jinsabu l-Isptar San Luqa li qed jaqa’ biċċa biċċa, fil-ħofra tal-Isptar il-Ġdid t’Għawdex u fl-iskola l-ġdida li suppost inbniet għan-nurses, u fl-450 sodda addizzjonali li qatt ma ngħataw. 

Il-fatti konkreti jinsabu fl-għexieren jekk mhux fil-mijiet ta’ miljuni tal-ewro li tberbqu u ngħataw lil kumpaniji barranin dubjużi bħal Accutor AG. Għexieren ta’ eluf tal-ewro minn ta’ Accutor oħroġ il-għaġeb spiċċaw fil-kont bankarju tal-BOV ta’ Joseph Muscat iżda Vella qed jibqa’ jinsisti li r-“rapport oġġettiv” li kien qed jistenna “għadu ma ġiex ippreżentat”.

Sorpiżi? Użgur li le! 

Vella rrifjuta li jixhed fil-qorti dwar informazzjoni vitali li kien qallu Ġanni Psaila l-Pupa li potenzjalment kienet kruċjali biex jissolva l-qtil ta’ Raymond Caruana.

Il-Pupa kien qal lil Vella x’kien ġara dak il-lejl meta ġew sparati bosta tiri b’machine gun fuq il-każin Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien. Dik l-istess arma xi żmien wara kienet intużat biex inqatel Raymond Caruana.

Il-pulizija kienu sabu dik l-arma u xeħtuha fir-razzett ta’ Pietru Pawl Busuttil biex jiffremjaw lil Busuttil u jakkużawh b’mod falz li kien wettaq il-qtil. Għalkemm għad għandu dik l-informazzjoni li tista’ tagħti serħan u paċi lill-familja Caruana, Vella mhuwiex lest jiżvelaha.

George Vella kien ikkundannat bis-sħiħ, flimkien mal-kollegi tiegħu fil-kabinett, mill-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. “Għall-Bord, dik l-inattività tal-Kabinett f’dawn iċ-ċirkostanzi li għażlu li jħarsu n-naħa l-oħra jew sempliċiment biex ma jintilifx il-ġid li kien qed jinħoloq u li naqsu li jeżiġu bħala gvern li jittieħdu passi biex jassiguraw li s-saltna tad-dritt tkun rispettata, tfisser li l-Ministri kollha individwalment min b’mod u min b’ieħor, kienu qed jissottoskrivu u javallaw id-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jħalli kollox għaddej.”

“Dan huwa att ta’ omissjoni gravi u jammonta għal illeċità ċensurabbli. Aġir simili f’pajjiż li jirrispetta l-valuri demokratiċi għandu jimporta sanzjonijiet politiċi.”

Madankollu, Vella xorta għadu jokkupa l-kariga ta’ President tar-Repubblika, minn fejn qed jissokta jagħti “l-approvazzjoni taċita tiegħu, jekk mhux il-barka” għat-tnawwar oxxen tal-ġustizzja.

Il-President jista’ jitneħħa mill-kariga jekk jekk xi djgħufija tal-ġisem ixxekklu milli jaqdi dmirijietu. M’hemmx dubju li n-nuqqas ta’ sinsla tiegħu jissodisfa dal-kriterju.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Geoffrey Attard
Geoffrey Attard
1 year ago

Naħseb wasal iż-żmien li l-President tar-Repubblika ma jintagħżilx mill-arena politika ħalli jkun fil-liberta’ li jitkellem mingħajr ma jkun vittma tal-imgħoddi tiegħu stess!

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo