Aktar dewmien fil-bini tal-pixxina f’Għawdex, issa qed jippjanaw li jlestu f’Ġunju 2024

Il-ftuħ tal-pixxina l-ġdida tant mistennija – kbira daqs il-pixxini tal-Olimpjadi – li qed tinbena biswit il-faċilità sportiva tar-Rabat Għawdex, reġa’ qed jiġi pospost peress li l-bini tagħha qed iġarrab dewmien kbir filwaqt li l-infiq tal-proġett qed jaqbeż bil-bosta l-baġit li kien allokat fil-bidu.

Il-proġett oriġinarjament kien tressaq fuq il-mejda tal-Kamra fl-2012 iżda matul dawn is-snin inbidel u ddewwem diversi drabi. Fil-passat, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kien wiegħed li l-pixxina kienet se tinfetaħ fl-2021, iżda meta kien ġie mistoqsi mill-eks Membru Parlamentari Nazzjonalista Joe Ellis f’Ottubru ta’ dik is-sena, Camilleri kien qal li l-pixxina kienet se tinfetaħ f’Ottubru 2022.

Madankollu issa, f’Ottubru 2023, meta mistoqsi minn Alex Borg, il-Kelliem Nazzjonalista għal Għawdex, dwar id-data meta mistenni jitlesta dan il-proġett, il-Ministru Camilleri qal li l-proġett jinsab fil-‘fażi finali’ tiegħu iżda se jitlesta f’Ġunju 2024.

F’Ottubru 2021, il-Ministru għal Għawdex kien qal lill-Parlament li l-proġett kien se jibda jintuża f’Ottubru 2022.

Din is-sensiela ta’ posponimenti kienet tfisser ukoll li l-pixxina qabżet data oħra meta kellha titlesta u l-intenzjoni tagħha li tintuża għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fir-rebbiegħa li għaddiet.

Il-bini tagħha beda sitt snin ilu, fl-2017, meta l-offerta ngħatat lil PoliExcel Ltd li dak iż-żmien kienet sħubija bejn Charles Polidano magħruf bħala ċ-Ċaqnu u kumpanija Torka li kienu involuti fiha l-kuntrattur ewlieni Għawdxi Joseph Portelli u soċji tiegħu.

Aktar tard, Mark Agius magħruf bħala ta’ Dirjanu kien irreżenja mill-bord tal-kumpanija.

Għall-bidu, il-proġett kien stmat xi €9 miljun. Madankollu, minflok iffoka fuq il-bini tal-pixxina biswit il-kumpless sportiv Għawdxi, il-proġett spiċċa nbidel f’rinovazzjoni sħiħa tal-kumpless u miegħu splodiet ukoll in-nefqa.

Sa Mejju li għadda, il-gvern kien diġà ħallas €13-il miljun lill-kuntratturi, u l-ispejjeż mistennija jibqgħu jiżdiedu sakemm aktarx jilħqu d-doppju tal-istima oriġinali, jiġifieri €18-il miljun.

Matul is-snin, Camilleri ma spjegax għalfejn il-proġett kellu daqshekk skossi u għalfejn sal-lum għadu ma tlestiex.

Kważi kull proġett Għawdxi mmexxi mill-Ministeru għal Għawdex qed jispiċċa jiswa lill-poplu ferm aktar milli kien allokat fil-bidu, filwaqt li jitlesta ferm u ferm wara d-data ppjanata, ħafna drabi bla spjegazzjoni.

Każ partikolari kien il-bini tat-triq ewlenija li tagħti għan-Nadur, li tlestiet erba’ snin tard u swiet id-doppju tal-baġit allokat għaliha.

Sal-lum għadu ma sar l-ebda awditjar tal-valur għal flus il-poplu li għandhom dawn il-proġetti, jew jekk in-nefqiet akbar li saru humiex ġustifikati.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest


0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo