Hekk isiru l-affarijiet

Jekk dan mhux il-qiegħ tal-qiegħ, mela ma nafx x’inhu. It-tweġibiet imnawrin tal-prim ministru Robert Abela dwar l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan jixhdu t-tħassir li ilu s-snin jaħkem lill-politika Maltija.

Hemm hi, id-difiża ta’ “hekk jagħmel kulħadd” spikkat għax skandaluża daqskemm impressjonatna bl-istupitaġni sfaċċata tagħha. Ma kienx hemm skandlu, qalilna Abela. Dan mhuwiex prova ta’ korruzzjoni. Dan hu l-mod kif nagħmlu l-affarijiet.

Min-naħa, nieħdu ftit ir-ruħ naraw lil rappreżentanti tas-soċjetà kummerċjali u ċivili ta’ pajjiżna joħorġu jikkritikaw u jiddiżapprovaw kliem il-prim ministru bl-aktar mod ċar. U min-naħa l-oħra, il-protesti donnhom jitilfu t-tifsira tagħhom meta wieħed iqis li, sa ċertu punt, Abela… kien qed jgħid il-verità. U hawn il-bużillis!

Hekk hu, Abela mhux qed jaqla’ minn żniedu meta jgħid li dan hu l-mod kif taħdem il-politika f’Malta. Ilkoll nafuh dan. Fil-fatt, issa li tajt daqqa t’għajn lejn xi ktibt jien tul is-snin fuq il-blogg tiegħi, J’accuse, ninnota li jien ili iżjed minn 15-il sena nħambaq fuq dan l-element partikolari tas-sistema politika Maltija.

“Il-politika tal-ħokkli dahrek biex inħokklok tiegħek”, insejħilha – negozjar tal-influwenza pulit pulit.

Il-mod kif il-PL/PN jagħmlu l-affarijiet (in-negozju tal-politika tagħhom) wassal biex bil-mod il-mod infirxet xibka kbira ta’ pjaċiri u tpartit tal-karigi influwenti, li ntisġet ħaġa waħda mas-sistema politika tagħna.

U n-nies qegħdin fil-politika biex ikollhom sehem f’dik is-sistema. Hi l-unika mod kif tvinċi. Bl-istess mod, ir-rabta taċ-ċittadini, tan-negozji żgħar u bla dubju tal-ħuta l-kbira mal-politika tistrieħ għalkollox fuq jekk jirnexxilhomx ibillu subgħajhom f’dak il-fonti tal-ilma mbierek.

Slogan li smajna kemm-il darba f’xi waħda mill-kampanji sofistikati ta’ Joseph Muscat fis-suq tal-ħolm kien “Mhux lil min taf, imma x’taf”. Jiġifieri li ċ-ċavetta li tiftaħlek il-bibien għall-Ħolma Maltija l-Ġdida hija l-ħiliet u mhux xi parrinu.

Ilkoll nafu kif issarraf dan il-kliem. Intrema’ ‘l barra mit-tieqa l-għada tal-elezzjoni u ntesa għalkollox – il-meritokrazija baqgħet kastell fl-arja li tar mar-riħ.

Iva, hekk isiru l-affarijiet u hekk għamilniehom għal bosta snin. Il-liċenzji, il-permessi, l-approvazzjonijiet u l-benefiċċji saru l-muftieħ għad-dinja tal-avvanz politiku.

Biex tkun parti mill-ħolma, ikollok tinża’ kull sens ta’ integrità (dik ma tiswa xejn, le?) u tbaxxi rasek għas-sistema tal-klijenteliżmu.

Aktar ma naqdu lin-nies, aktar niżguraw voti. U aktar ma niżguraw voti, aktar niggranfaw mas-siġġu tal-poter. U aktar ma nsaħħu l-pożizzjoni tagħna fil-kurituri tal-poter biex inroxxu aktar ħolm u favuri, aktar niġu aġevolati.

U issa li dan ġie kkonsolidat, sar parti minn kif “nibżgħu għan-nies tagħna” u “x’jippurtani, dak mhux magħna”, kif ħareġ fid-dieher fiċ-chats tal-Whatsapp ta’ Mansueto.

Minkejja r-riskju li nispiċċa waħdi nirrepeti l-istess mantra kif għamilt għal bosta snin, qed ninsisti li din is-sistema hija endemika kull fejn tħares. Il-Labour irnexxielu jorqomha għall-perfezzjoni, jekk teżisti xi perfezzjoni fil-korruzzjoni lampanti.

Meta qal li, hekk nagħmluhom l-affarijiet, fil-fatt Abela kien korrett. Li hu gravi, speċjalment meta wieħed iqis li Abela hu avukat u prim ministru, hi t-tama tiegħu li hekk b’xi mod qed jiġġustifika dak li effettivament hu mġiba illegali.

In-negozjar tal-influwenza niżżel lil bosta rjus kbar mill-poter, irjus ferm akbar minn Ian Borg u Abela (mhux għax hi xi ħaġa diffiċli biex tkun akbar).

In-negozjar tal-influwenza, in-negozju tal-politika tat-tpartit, iwaqqgħu għaż-żufjett ir-rappreżentanza demokratika, iwarrbu kull forma ta’ rappreżentanza vera u mbagħad jissoktaw ifarrku t-tħaddim tal-istituzzjonijiet.

Dan hu dnub mejjet kontra s-Saltna tad-Dritt. U issa qiegħed ċar quddiemna… evidenza iswed fuq l-abjad tat-tnawwir tal-politika Maltija. Hekk nagħmluhom l-affarijiet, u nagħmluhom ħażin.

“Il-PN irid jispiċċa” hi mantra li jien naħti li ili nirrepeti għal ħafna snin. Wasal iż-żmien li naġġornaha. Il-PLPN irid jispiċċa.

Il-forzi tal-politika Maltija ilhom żmien li skadew. L-affarijiet jafu “jagħmluhom” biss billi jeqirdu t-tessut politiku u istituzzjonali tagħna… U l-unika mod kif ipattu għal għemilhom hu billi jibdew kollox mill-bidu nett. Tabula rasa.

Hekk għandna nagħmluhom l-affarijiet.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo