Il-Malta MedAir se jillikwidawha flimkien mal-Air Malta

You can read the English version of this article here.

Il-Malta MedAir hija kumpannija tal-ajru ‘fantażma’ rreġistrata fl-2018. Użawha f’eżerċizzju elaborat ta’ kontabilità biex jagħtu l-impressjoni li l-Air Malta kienet qed tagħmel il-qligħ. Imma issa, skont il-pjan sigriet tal-gvern biex iktar tard din is-sena, joħloq kumpannija nazzjonali tal-ajru ġdida, il-MedAir mistennija tkun illikwidata flimkien mal-Air Malta.

Sorsi viċin il-ministeru tal-finanzi, lil The Shift qalulha li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana issa ddeċieda li l-Malta MedAir jagħlaqha u l-impjegati tagħha jrendihom żejda, biex ikun jista’ jwaqqaf kumpannija nazzjonali tal-ajru ġdida mill-qiegħ nett. Dan kollu jagħmel parti mill-pjan alternattiv tal-gvern li qed jistenna deċiżjoni negattiva mill-Kummissjoni Ewropea dwar it-talba tiegħu biex jgħaddi iktar għajnuna statali lil din il-kumpannija tal-ajru li qed tfalli.

Dan il-pjan iddettaljat, il-Prim Ministru Robert Abela diġà approvah, imma għadhom qed jiddiskutuh fi Brussell. Skont dan il-pjan, l-assi kollha tal-Malta MedAir, b’mod partikolari is-slots f’Heathrow u f’Gatwick li jiswew madwar 50 miljun Ewro, se ‘takkwistahom’ il-kumpannija tal-ajru l-ġdida.

U dawn l-assi mbagħad jintużaw bħala garanzija għall-benefiċċju tal-banek u tal-istituzzjonijiet l-oħra li din l-intrapriża l-ġdida, il-gvern jitlobhom jiffinanzjawha.

B’dan il-pjan, l-impjegati kollha tal-Air Malta li jkunu għadhom jidhru fuq il-kotba tal-kumpannija meta tispiċċa, jiġu żejda. Imma xi impjegati ‘importanti’ tal-Air Malta xorta ħa jaħsbu fihom, l-aktar dawk viċin il-Partit Lanurista fil-gvern. Huwa mistenni li dawn it-talin ‘timpjegahom’ il-kumpannija nazzjonali tal-ajru l-ġdida, u jingħataw l-ogħla impiegi fil-management. Biss, il-kuntratti l-ġodda mhux se jkunu attraenti daqs dawk li qed toffri l-Air Malta bħalissa. 

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ma riedx jeskludi li l-Air Malta jista’ jkun li jillikwidaha, imma l-bieraħ stqarr li fil-linja nazzjonali, “kollox miexi skont il-pjan”.

Sorsi fil-gvern, lil The Shift qalulha li l-istqarrija ta’ Caruana “hija ‘l bogħod ħafna mill-verità” u hija maħsuba biss biex tagħti impressjoni falza, l-iktar lill-impjegati, biex b’hekk iżommu l-moral tagħhom.

Dawn is-sorsi qalulna: “Il-ministru ppospona t-trasferiment tal-impjegati tal-Air Malta għal fuq il-kotba tal-gvern minn Awwissu għal Diċembru, biex ikun hemm tranżizzjoni iktar kwieta għall-pjan sigriet li diġà hejja”.

Is-sorsi kkonfermaw ukoll li għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar id-data meta se tispiċċa l-Air Malta, għalkemm aktarx li dan jiġri fil-ħarifa li ġejja. Il-gvern qed jippjana li ‘jwaħħal’ politikament fil-Kummissjoni Ewropea għal din id-deċiżjoni ‘furzata’.

Ftit ġimgħat ilu, The Shift kienet żvelat b’mod esklussiv id-dettalji tal-pjan alternattiv tal-gvern għall-Air Malta. 

Il-probabbiltà hi li minn Brussell, il-pjan tal-gvern li lill-Air Malta jgħaddilha 290 miljun Ewro oħra, se jirrifjutawh.

Skont dan il-pjan, l-Air Malta għandhom iżarmawha u minflokha joħolqu kumpannija nazzjonali ġdida tal-ajru. Imma dan il-pjan, il-gvern żammu mistur, u kemm l-impjegati kif ukoll ir-rappreżentanti tagħhom ma għandhom l-ebda ħjiel ta’ x’qed jiġri.

Il-ftit assi li baqgħalha l-Air Malta, bl-eċċezzjoni tal-impjegati tagħha, se jgħaddu għand il-kumpannija l-ġdida, u din ħa tibda topera bi skeda imnaqqsa minn kif inhi bħalissa. Il-groundhandling, ix-xogħol ta’ inġinerija u l-ħtiġijiet l-oħra se jieħdu ħsiebhom kollha entitajiet privati.

Il-kumpannija l-ġdida se timpjega ħafna inqas nies milli hemm bħallissa l-Air Malta, u jkollhom salarji iktar baxxi. Dawn ikunu fil-livell ta’ dak li jħallsu l-kumpanniji low-cost li qed joperaw minn Malta.

Il-mistoqsijiet ta’ The Shift dwar dan il-pjan alternattiv, il-Ministru Caruana rrifjuta li jweġibhom.

L-Air Malta ilha tiffaċċa diffikultajiet finanzjarji serji għal ħafna snin allavolja l-minstru diżonorat Konrad Mizzi kien ħabbar li l-kumpannija kienet għamlet qligħ fl-2018. Dik is-sena kienet l-aħħar darba li l-kumpannija, il-kontijiet tagħha kienet ippubblikathom. Dan il-qligħ kien sar minħabba eżerċizzju kreattiv ta’ kontabilità, u l-Ministru Caruana dan issa ammettih

Fl-2012, l-UE, lill-Air Malta, il-gvern kienet ħallietu jgħaddilha 130 miljun Ewro f’għajnuna statali, imma bil-kondizzjoni li l-operazzjonijiet tagħha kellha terġa’ tistrutturahom mill-ġdid sal-2015. Il-kumpannija, dan il-programm ta’ ristrutturar kienet bdiet timplimentah, imma sfaxxa fl-aħħar sentejn, l-iktar minħabba management ħażin mill-uffiċjali l-aktar għolja tagħha, kif ukoll minħabba l-indħil politiku.

Il-pjan alternattiv tal-Ministru Caruana huwa kopja kważi eżatta ta’ dak li ġara xi snin ilu fl-Alitalia, meta l-gvern Taljan, il-kumpannija famuża tiegħu l-Alitalia xoljiha u ħoloq minflokha l-ITA – Italia Trasporto Aereo S.p.A.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo