Wara l-pranzu Portelli-Abela, Chloe il-bidwija jagħtuha store ieħor ODZ

Read in English

Lil Chloe Portelli, bint l-iżviluppatur Joseph Portelli, l-Awtorità tal-Ippjanar tatha permess biex tibni store agrikolu ieħor fuq it-tmintax-il tomna art li għandha f’qasam rurali n-Nadur, Għawdex.

Bint Portelli hija l-general manager tal-katina ta’ hotels li għandu missierha Għawdex, imma wara li b’għaġeb ta’ kulħadd, irreġistrat lilha nnifisha bħala bidwi, tlaqqmet ‘Chloe il-bidwija’. Il-PA approvatilha wkoll ġibjun u pump room li kienet bniet is-sena ta’ qabel. Biex ‘jissanzjonaw’ dawn l-illegalitajiet kollha, ta’ Portelli se jħallsu biss multa ta’ 1,500 Ewro.

Ta’ Portelli huma magħrufin il-liġi tal-ippjanar kemm jiddisprezzawha, u dan il-permess reċenti tal-PA waslilhom tlett ijiem biss wara li l-Prim Ministru Robert Abela kien il-mistieden tal-iżviluppatur għal pranzu f’restorant f’Għawdex.

Il-pranzu sar fl-istess jum li tal-Labour kienu qed jiġbru l-fondi għall-kampanja elettorali, u minn Għawdex irnexxielhom jiġbru s-somma rekord ta’ 215,000 Ewro. Għal dan il-pranzu mal-PM, Portelli kellu mistednin oħra, fosthom għadd ta’ kuntratturi u negozjanti Għawdxin li saru midħla tal-PL mill-2013 ‘l hawn.

Abela ammetta li mar għal dan il-pranzu privat imma ċaħad li l-permessi pendenti li għandu Portelli mal-PA ddiskutewhom: mhux biss, imma ċaħad ukoll li rċieva d-donazzjonijiet minn għand in-negozjanti.

L-art agrikola li akkwista Portelli xi snin ilu jgħidulha l-Ġebel l-Aħmar u tinsab taħt it-Torri ta’ Kenuna, in-Nadur. Wara li xtraha, din l-art Portelli ttrasferiha liż-żewġ uliedu. Waqt li kien qed jintefa’ r-radam illegalment fuqha, kien hemm xi ħaddiema li bdew jibnu l-ħitan għoljin tas-sejjieħ biex l-art jagħlquha.

F’dak il-ħin Chloe Portelli applikat biex tirreġistra bħala bidwi u rnexxielha, għalkemm għadha general manager tal-hotels ta’ missierha. L-enforcement order fuq il-ħitan tas-sejjieħ illegali, il-PA ħarġitu biss wara li tlestew.

Imma dan l-enforcement order malajr tneħħa għax il-ħitan illegali ġew issanzjonati u tħallset multa żgħira biss, minkejja l-oġġezzjonijiet tal-ERA u ta’ għadd ta’ NGOs.

Fl-2021 Portelli applika għall-permess biex jibni store agrikolu f’qasam li għandu veduti mingħajr xkiel tal-Fliegu.  Minkejja l-oġġezzjonijiet kollha li saru u minkejja li l-ERA wissiet li dan kien il-bidu ta’ żvilupp biċċa biċċa ta’ art ODZ, il-PA ma tatx kas u xorta ħarġet il-permess.

B’dan kollu l-istore li bnew ta’ Portelli ma kienx skont il-pjanta approvata. Barra minn hekk, il-kuntrattur bena wkoll illegalment ġibjun kbir u pump room.

Għal darb’oħra nħarġet enforcement order, imma wara li tlesta x-xogħol u l-iżviluppatur intalab jibdel l-ewwel store biex jiġi jaqbel mal-pjanta oriġinali li kienet approvata.

Il-bqija tal-illegalitajiet il-PA ssanzjonathom fit-8 ta’ Marzu, ftit ġranet biss wara li Portelli kien ippranza ma’ Abela fil-5 ta’ Marzu.

F’intervista ta’ darba fil li Portelli ta lil The Times of Malta s-sena l-oħra, huwa ammetta li jiltaqa’ mal-politiċi regolarment “biex l-affarijiet jgħaġġilhom”.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Critics slam St John’s €70,000 crib, question authenticity, personal interests
Experts in Malta’s cultural heritage, art, and baroque architecture
‘Super CEO’ lists meetings with chef, patissier to justify free cruise with wife
Pierre Fenech, the government-appointed CEO of the Institute for

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo