Inkwiet għal eluf ta’ ħaddiema barranin hekk kif l-aġenziji tagħhom qed joperaw illegalment

Read in English.

Eluf ta’ ħaddiema barranin, ħafna minnhom ċittadini ta’ pajjiżi minn barra l-UE, u li jaħdmu f’Malta fis-settur tal-ospitalità, qed jissograw li jirċievu multi sostanzjali u possibbilment li jintbagħtu lura f’pajjiżhom hekk kif ħafna mill-aġenziji tar-reklutaġġ li qed jingaġġawhom għadhom mingħajr liċenzja.

Mill-1 ta’ Ġunju daħlet fis-seħħ liġi li teżiġi li l-kumpaniji u l-individwi li jaġixxu bħala aġenzija tar-reklutaġġ jew tal-kuntrattar tax-xogħol jeħtieġ ikollhom liċenzja maħruġa mill-gvern.

The Shift hu infurmat, iżda, li s’issa l-gvern ħareġ biss madwar 30 liċenzja. Fl-istess waqt, bosta aġenziji oħrajn li għad m’għandhomx il-liċenzja, fosthom individwi, qed jibqgħu jipprodu s-servizzi tagħhom illegalment lil dawn il-persuni minn barra l-UE biex jaħdmu f’Malta fis-settur tal-lukandi, ir-ristoranti u l-bars u fl-industrija tal-manifattura.

Bosta aġenziji tar-reklutaġġ li ma nħarġitilhomx il-liċenzja għax ma jissodisfawx il-kriterji, xorta għadhom qed joperaw, u r-regolatur –  id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) – li jiġi fir-responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul għadu ma ħax azzjoni.

Bosta meniġers mill-industrija tal-manifattura u mil-lukandi li tkellmu ma’ The Shift iddeskrivewlna s-sitwazzjoni “redikola” li jinsabu fiha. Qalulna li l-gvern daħħal dik il-liġi biex sempliċiment jagħmilha tabirruħu li kien qed jikkontrolla s-settur tal-impjiegi. “Imma d-dipartiment inkarigat biex jirregola lill-aġenziji tar-reklutaġġ lanqas biss għandu l-ispetturi biex jiżgura l-infurzar tal-liġi,” qalilna lukandier partikolari.

Persuna oħra li tkellmet ma’ The Shift qaltilna, “Qed insibu ruħna maqbudin ġo Catch-22, għax nafu li wħud mill-aġenziji li qed jipprovdulna l-ħaddiema temporanji qed joperaw b’mod illegali, iżda fl-istess ħin m’għandniex għażla oħra ħlief li ningaġġaw lill-ħaddiema tagħhom; inkella ma nistgħux inkampaw. Nisperaw li l-gvern ma jaqbadx u jaqtagħha fil-qasir u jibda joħroġ multi kontrina u kontra l-ħaddiema minflok kontra l-aġenziji tar-reklutaġġ li qed joperaw illegalment!”

Koas sħiħ fis-settur

L-aġenziji tar-reklutaġġ u tal-kuntrattar tax-xogħol kotru bil-bosta fl-aħħar snin, u għexieren tal-eluf ta’ ħaddiema minn barra l-UE qed jinġiebu Malta u jingħataw kuntratti temporanji ma’ kumpaniji li ħafna minnhom joperaw fis-settur tal-ospitalità u fl-industrija tad-divertiment.

Billi dak iż-żmien ma kinux jeżistu regolamenti, il-gvern ippermetta li l-industrija tar-reklutaġġ tissokta mingħajr kontrolli, u dan wassal għal sfruttament tal-ħaddiema barranin, b’mod partikolari dawk ingaġġati ma’ aġenziji żgħar tal-kuntrattar tax-xogħol li mhumiex regolati.

Is-sondaġġi politiċi negattivi s-sena l-oħra bdew juru li l-popolarità tal-Prim Ministru Robert Abela kienet qed titnaqqar minħabba t-tħassib tan-nies dwar it-tkabbir żejjed tal-popolazzjoni, u għalhekk il-gvern ipprova jdaħħal regoli aktar stretti f’dan is-settur.

Persuni mill-industrija li tkellmu ma’ The Shift qalulna li issa li wħud minn dawk li jirreklutaw ma rnexxilhomx jiksbu l-liċenzja ta’ aġenzija tar-reklutaġġ, bħalissa hemm mijiet ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu ttrasferiti għal fuq il-kotba ta’ xi aġenziji tar-reklutaġġ kbar li huma liċenzjati sakemm l-oħrajn jipprovaw jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Dawn l-aġenziji bil-liċenzja, madankollu, issa ma jistgħux ilaħħqu maż-żieda fid-domanda.

Il-gvern fil-muta

F’April li għadda, is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Andy Ellul indirizza konferenza tal-aħbarijiet u matulha wissa lill-aġenziji tar-reklutaġġ biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom sal-1 ta’ Ġunju għax il-gvern kien se jkun iebes fuq min jikser il-liġi.

Diane Vella Muscat, id-Direttur Ġenerali tad-DIER, iżda, irrifjutat li twieġeb il-mistoqsijiet ta’ The Shift dwar kemm inħarġu liċenzji sal-1 ta’ Ġunju, meta daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida. Lanqas ma spjegat għalfejn bosta aġenziji li għadhom bla liċenzja, xorta waħda qed jitħallew joperaw.

Sorsi li tkellmu ma’ The Shift qalulna li d-dipartiment diġà identifika xi kwistjonijiet dwar l-aspett regolatorju ta’ din il-liġi mdaħħla bil-għaġġla, fosthom li m’għandux il-kapaċità u l-persunal biex jinfurzaha, iżda sal-lum għadu ma sar xejn biex dawn il-kwistjonijiet jissolvew.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo