Il-bdoti tal-Air Malta jilħqu ftehim, u jwaqqgħu l-kawża kontra l-Prim Ministru

Jonfqu aktar flejjes pubbliċi biex jagħmlu tajjeb għal ftehim sigriet li kien għamel l-eks ministru Konrad Mizzi, filwaqt li Robert Abela kien l-avukat tiegħu.

 

Read in English.

Bosta bdoti tal-Air Malta għadhom kif waqqgħu l-kawża li kellhom kontra l-Prim Ministru Robert Abela – ftit ġranet biss qabel l-aħħar titjira tal-linja tal-ajru – filwaqt li kollox jindika li saru ftehmiet barra l-qorti biex tissolva t-tilwima.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Piloti (l-ALPA) kienet fetħet il-kawża kontra Abela fl-2020 wara ħemel ta’ sensji mil-linja tal-ajru falluta. F’dik il-kawża, l-Assoċjazzjoni kkwotat ftehim kontroversjali li kien sar mal-gvern fl-2018 u li jiggarantilhom l-impjiegi.

L-Air Malta se ttir għall-aħħar darba fit-30 ta’ Marzu li ġej. Imbagħad, il-linja tal-arju l-ġdida KM Malta Airlines, imħabbra f’Ottubru li għadda, se tibda ttir mill-għada b’injezzjoni kapitali mill-gvern ta’ mill-anqas €350 miljun.

Skont il-minuti tal-Qorti fil-kawża tal-ALPA kontra Abela, ippubblikati l-Ħamis li għadda, id-deputat reġistratur tal-Qorti jinnota li saru “serje twila ta’ noti ta’ ċessjoni”. Minħabba f’hekk, il-Qorti eskludiet lil dawk li ppreżentaw in-noti mill-kawża, jiġifieri lill-ALPA, u effettivament “mhix se tieħu konjizzjoni aktar tal-kawża”.

The Shift ipprova jikkuntattja lill-President tal-ALPA George Frank Mizzi, iżda dawn l-isforzi kienu għalxejn.

Skont esperti legali li tkellem magħhom The Shift, in-noti ta’ ċessjoni jindikaw li l-kawża ġiet abbandunata, jew inkella saru xi ftehimiet barra l-qorti mal-bdoti kkonċernati.

Il-minuti tal-Qorti ppubblikati l-Ħamis jinnutaw li matul din il-kawża “ġew ippreżentati serje twila ta’ noti ta’ ċessjoni”.

Element ewlieni f’din il-kawża kien ftehim sekondarju sigriet li kien ġie ffirmat mal-piloti fl-2018. Dak il-ftehim kien jagħti “garanziji ta’ impjiegi” mill-gvern lill-bdoti bl-istess kundizzjonijiet li jkollhom f’dak il-mument.

Il-ftehim sekondarju kien iffirmah l-eks ministru Konrad Mizzi, filwaqt li kien abbozzat u nnegozjat minn Robert Abela meta kien għadu avukat prattikanti.

Fl-2021, The Shift kien żvela kif uħud mill-bdoti tal-Air Malta ssensjati kienu tqiegħdu baxx baxx f’impjieg mal-gvern biex jiġi onorat il-ftehim ta’ Mizzi.

Skemi tal-irtirar kmieni u bosta ftehimiet sekondarji

Il-ftehim sekondarju ta’ Mizzi u Abela tal-2018 hu separat mill-iskemi tal-irtirar kmieni li ġew offruti lill-bdoti tal-Air Malta bi ftehim kollettiv wara l-ieħor mill-2007 sal-lum.

Meta s-sena l-oħra tħabbret il-linja tal-ajru l-ġdida, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kien qal li jekk l-iskemi tal-irtirar kmieni jittieħdu kollha, se jkunu qed jintefqu madwar €90 miljun.

Il-ftehim kollettiv iggarantixxa dawk l-iskemi tal-irtirar kmieni, li permezz tagħhom il-linja tal-ajru trid tħallas żewġ terzi tas-salarji tal-bdoti li għalqu l-55 sena u li qabel l-età tal-irtirar ikunu pprovdew 25 sena ta’ servizz.

Il-ftehim sekondarju ta’ Konrad Mizzi tal-2018 mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Piloti, l-ALPA.

Dakinhar, Caruana ma kienx spjega kif il-gvern kien se jindirizza l-kundizzjonijiet tal-ftehim sekondarju ta’ Mizzi. B’differenza mill-iskema tal-irtirar kmieni, li hija parti mill-ftehim kollettiv tal-bdoti mal-Air Malta, il-ftehim sekondarju kien ġie ffirmat mal-gvern.

Dan ifisser li l-ftehim sekondarju ta’ Mizzi u Abela jibqa’ japplika, u jorbot lill-gvern biex jonorah, anki meta l-Air Malta tkun spiċċat.

Skont żviluppi riċenti fil-Qorti, jidher li l-gvern qed jissetilja l-każijiet individwali b’aktar flejjes pubbliċi, iżda d-dettalji tagħhom għadhom mhumiex ċari.

Aktar kmieni, The Shift kien irrapporta kif il-bdoti li kienu se jitilqu mill-Air Malta kienu qed jiġu offruti promozzjonijiet u taħriġ interni qabel tinbidel il-linja tal-ajru.

Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, kull mistoqsija li The Shift għamel lill-Prim Ministru Abela, lill-Ministru Caruana, u lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Piloti l-ALPA baqgħu ma tweġbux.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo