Steward taffaċċja ħemel ta’ kawżi fil-qrati fuq kontijiet mhux imħallsa

Read in English.

Wara dak li ġie żvelat dan l-aħħar, jiġifieri li kumpanija żgħira Għawdxija fetħet kawża kontra Steward Health Care fuq kontijiet mhux imħallsa, jidher li aktar kumpaniji qed jiftħu kawżi oħrajn fil-qrati biex jitolbu lill-konċessjonarju mneħħi tal-isptarijiet biex iħallas il-kontijiet li għadhom pendenti b’rabta ma’ servizzi varji.

Sorsi qrib l-Isptar Ġenerali t’Għawdex qalu lil The Shift li s’issa diġà nfetħu xi tmien kawżi fil-qrati kontra Steward, u fil-ġimgħat li ġejjin hemm mistennija bosta oħrajn għax il-kumpanija qed tirrifjuta li tħallas għas-servizzi li rċeviet u dan minkejja l-mijiet tal-miljuni tal-ewro li ngħatat mill-gvern Malti. Skont is-sorsi tagħna, diriġenti ta’ Steward qalu lid-debituri biex imorru jistaqsu lill-gvern għax il-problema issa m’għadhiex iżjed tagħhom.

Minn riċerka li għamel The Shift jidher li l-ogħla kawża, mil-lat ta’ valur, fetħitha Zenith Malta Division Ltd, parti mill-grupp tal-konsulenza Zenith, li qed titlob li jitħallsu kontijiet li jaqbżu l-miljun ewro.

Skont il-kawżi miftuża fil-qrati, Steward naqset li tħallas ukoll xi €160,000 lil Signal 8 Security Services Ltd, xi €155,000 lil Malta Healthcare Caterers Ltd, xi €678,000 lil Support Services Ltd, xi €64,000 lil Health Services Group Ltd, u xi €181,000 lil Orthopaedic Centre Malta Ltd.

Dawn apparti l-€10,000 għall-kafè mhux imħallas ta’ Gelluxa Ltd mill-Qala u l-kont pendenti ta’ €37 miljun f’VAT li Steward baqgħet ma ħallsitx lill-gvern minkejja li l-Qorti ddikjarat li għandu jitħallas.

The Shift għandu informazzjoni wkoll li hemm bosta kontijiet oħra pendenti mal-gvern, li aktarx se jwasslu biex jinfetħu iżjed kawżi.

L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat (ix-xellug) ma’ Armin Ernst minn Steward Healthcare / VGH.

Steward, li ħadet il-konċessjoni skandaluża tal-isptarijiet pubbliċi għal 30 sena mingħand il-Vitals Global Healthcare (VGH) wara li din tal-aħħar iddikjarat insolvenza sempliċiment ftit snin wara li kienet iffirmat il-ftehim mal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat, kellha tippakkja u titlaq is-sena l-oħra wara s-sentenza tal-Qorti Maltija li l-ftehim kien frawdulenti.

Bejn l-2015 u l-2023, il-gvern ħallas lil Steward madwar €400 miljun, u dan allavolja ftit wara li kienet ħadet it-tliet spartijiet f’idejha, feġġew bosta kwistjonijiet ta’ insolvenza tal-VGH.

Il-VGH – kumpanija mhux magħrufa li fl-2015 ingħatat il-konċessjoni, fl-2018 ġiet imġiegħla tittrasferixxi l-konċessjoni tagħha lil Steward wara li l-konċessjonarju oriġinali spiċċa f’baħar ta’ problemi finanzjarji. Biex setgħu jagħmlu dan, il-VGH u Steward ingħataw l-approvazzjoni tal-gvern, u saħansitra d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien sejjaħ din il-bidla “the real deal”.

Kemm il-VGH, kif ukoll Seward, it-tnejn naqsu milli jimplimentaw l-obbligi kuntratti li kienu daħlu għalihom fil-ftehim.

Barra minn hekk, Steward qed taffaċċja wkoll sensiela sħiħa ta’ kawżi fl-Istati Uniti fuq kirjiet u kontijiet għal servizzi li ma tħallsux, u djun oħrajn.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo