Il-KM Malta Airlines diġà qed tirċievi l-ilmenti mingħand bosta klijenti mhux kuntenti, minkejja li għaddew biss ftit ġranet mit-tnedija tagħha, u dan saħansitra qabel ma tnediet il-website tagħha, li sal-lum għadha ma taħdimx.
Il-linja tal-ajru, li se tkun qed tieħu post l-Air Malta mill-1 ta’ April 2024, mhix qed tippermetti li l-passiġġieri jtellgħu bagalja fil-kabina jekk jixtru wieħed mill-biljetti bil-prezzijiet bażiċi u allura l-klijenti qed ikollhom bilfors jixtru biljetti bi prezzijiet ogħla biex ikollhom din il-possibbiltà.
Il-klijenti se jkunu jistgħu jġorru l-bagalja tal-10kg magħhom abbord biss meta jħallsu l-biljett tal-business class jew jixtru bagalja akbar tal-20kg.
Il-prassi tikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela li l-linja tal-ajru l-ġdida se tkun qed toffri kumdità u servizzi “aqwa mill-Air Malta” u mhix se tkun linja tal-ajru low-cost.
Barra minn hekk, il-klijenti li riedu jibbukkjaw xi titjira mal-KM Malta Airlines minn mindu tnediet tard fl-4 ta’ Diċembru kellhom bilfors imorru fiżikament għand xi aġenti privati jew inkella jibbukkjaw bit-telefown, għax sal-lum ma jeżisti l-ebda mod kif jistgħu jibbukkjaw online.
Skont stqarrija għall-istampa tat-3 ta’ Diċembru, is-sistema tal-ibbukkjar online għandha tkun disponibbli fuq website mill-ġimgħa ta’ wara, jiġifieri mit-Tnejn il-11 ta’ Diċembru, u l-KM Malta Airlines sejħet din il-mossa bħala tnedija “f’żewġ fażijiet”.
Is-sistema tal-bagalji tal-linja tal-ajru l-ġdida ma tħallix lill-klijenti jtellgħu bagalja żgħira tal-10kg magħhom fil-kabina jekk ma jixtrux biljett tal-business class, u allura qed iġġiegħel lill-klijenti jħallsu iżjed jew ikollhom jixħtu l-bagalja tagħhom mal-bagalji.
L-aġenti tal-customer care tal-KM Malta Airlines li tkellmu ma’ The Shift ikkonfermaw li ma teżisti l-ebda alternattiva biex tkun tista’ tittella’ bagalja żgħira tal-10kg abbord b’biljett tal-economy class. Notevolment, lanqas alternattiva ta’ aġenti li jitkellmu bil-Malti ma kienet teżisti dak il-ħin meta saret it-telefonata ta’ The Shift.
L-aġenti rrakkomandaw lill-klijenti biex iġorru biss basket ta’ 2kg fil-kabina, jixtru bagalja tal-20kg jew inkella jtiru b’biljett tal-business class biex ikollhom dik l-alternattiva.
Bosta klijenti saħansitra perċċu l-kritika u l-frustrazzjoni tagħhom online għan-nuqqas ta’ possibbiltà li jġorru bagalja tal-10kg fil-kabina, miżura li titqies standard għal linji tal-ajru oħrajn. Persuna saħansitra sejħitilha “a non-starter.”
“[Il-bagalja] trid bilfors tixteħet mal-bagalji, u allura jekk tkun mgħaġġel biex taqbad titjira oħra u t-titjira tal-KM tittardja, tispiċċa tirrovina ruħek!” qal klijent prospettiv ieħor.
Id-dewmien fit-tnedija, in-nuqqas ta’ website, u l-alternattivi mhux prattiċi tal-lingwa lkoll jikkuntrastaw direttament mad-dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela waqt it-tnedija ta’ din il-linja tal-ajru l-ġdida.
Meta wieġeb il-mistoqsijiet ta’ The Shift waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar it-tnedija ta’ din il-linja tal-ajru ġdida f’Ottubru li għadda, Abela qal li din mhijiex se topera bħal-linji tal-ajru low-cost biex tkun tista’ tiżgura l-profitabbiltà mwiegħda. Barra minn hekk kien qal ukoll li s-servizzi u l-possibbiltajiet offruti mil-linja tal-ajru l-ġdida se jkunu “aqwa minn dawk offruti mill-Air Malta bħalissa.”
Il-klijenti prospettivi li rreaġixxew għat-tnedija tal-linja tal-ajru l-ġdida matul il-ġimgħa l-oħra semmew ukoll il-konfużjoni fl-għażla tal-isem. Bħalissa l-linja tal-ajru xorta għadha tuża l-isem tal-kumpanija omm, KM Malta Airlines, minkejja li l-gvern kien wiegħed li din kienet se tibqa’ bl-istess isem: Air Malta.
Malli f’Ottubru tnediet il-linja tal-ajru l-ġdida, Abela u l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ddikjaraw li l-KM Malta Airlines kienet se tirbaħ l-isem permezz ta’ sejħa għall-offerti maħsuba għall-użu ta’ din l-isem.
L-isem u l-materjal kummerċjali tal-Air Malta se jinxtraw jew jinkrew mil-linja tal-ajru l-ġdida peress li dawn kienu inbiegħu lil kumpanja oħra tal-gvern fl-2018 bħala parti miċ-ċaqliq kreattiv fil-kotba finanzjarji li kien għamel l-eks ministru tat-turiżmu Konrad Mizzi.
The Shift kien irrapporta wkoll li l-Kummissjoni Ewropea opponiet li l-linja tal-ajru l-ġdida żżomm l-istess branding peress li l-assi tal-linja tal-ajru l-antika ma setgħux jiġu trasferiti direttament għax ikunu qed jinkisru r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u jkun hemm skontinwità ekonomika.
Sorsi fi Brussell dan l-aħħar qalu lil The Shift li jissuspettaw li l-gvern Malti beħsiebu joħloq it-tieni verżjoni tal-Air Malta li tikser il-ftehimiet mal-Kummissjoni Ewropea.