Is-serqa tal-isptarijiet: investigat Joseph Muscat minħabba l-konsulenza Svizzera u ħwejjeġ oħra

This article is available in English

L-investigaturi qed jiflu bir-reqqa l-kuntratt ta’ konsulenza li kellu l-ex prim ministru Joseph Muscat ma’ kumpannija Svizzera ssuspettata li għaddiet il-fondi pubbliċi lura lill-investituri involuti fil-Vitals Global Health Care (il-VGH).

B’dan il-kuntratt, Muscat kellu jaqla’ 15-il elf Ewro fix-xahar għal tlett snin, li jiġu b’kollox 540,000 Ewro. Dan il-kuntratt kellu jiġġedded awtomatikament għal tlett snin oħra, imma twaqqaf ħesrem wara li leħqu saru biss erba’ pagamenti għax l-Accutor falliet.

L-investigaturi qed jiflu b’ħafna reqqa wkoll aspetti usa tal-finanzi ta’ Muscat. Qed jeżaminaw ukoll x’sehem kellhom f’dan il-ftehim l-ex ministru tas-saħħa Konrad Mizzi u l-ex chief of staff ta’ Muscat, Keith Schembri.

Skont id-dokumenti li kiseb l-OCCRP, l-Organised Crime and Corruption Reporting Project, u li wera lil sħabu hawn Malta – The Shift u The Times of Malta, l-investigaturi finanzjarji flew id-dikjarazzjonijiet tad-dħul li għamel Muscat kif ukoll il-kontijiet bankarji tiegħu, fil-kuntest ta’ investigazzjoni ta’ korruzzjoni li għandha x’taqsam mal-ftehim dwar l-isptarijiet.

L-investigaturi qed jiffukaw fuq il-kwistjoni jekk il-kuntratt ta’ konsulenza li għamel Muscat mal-kumpannija Svizzera Accutor wara li rreżenja, kienx sempliċement mod kif jirċievi l-kickbacks minħabba l-konċessjoni tal-isptarijiet pubbliċi.

Il-pagamenti ta’ 15-il elf Ewro kull xahar bdew isiru fis-sajf tal-2020, imma twaqqfu wara li leħqu saru biss erba’ pagamenti li jiġu b’kollox 60,000 Ewro, u dan wara li l-kumpannija iddikjarat li falliet. U f’Settembru tal-2020 ġiet illikwidata.

Biċċa mill-kuntratt ta’ Joseph Muscat ma’ Accutor

Bejn Marzu u Ġunju tal-2020, Muscat irċieva erba’ pagamenti ta’ 15-il elf Ewro il-wieħed, xahrejn biss wara li rreżenja minn prim ministru.

Żewġ pagamenti tathomlu l-Accutor, u t-tnejn l-oħra għaddiethomlu l-kumpannija Spring Xmedia AG, kumpannija oħra Svizzera tal-istess sid – in-negozjant Pakistani Wasay Bhatti.

Din il-kumpannija nstab li kienet ukoll qed tgħaddi pagamenti ta’ miljuni ta’ Ewro li kellhom x’jaqsmu ma’ VGH u Steward Health Care.

Bħal Muscat, kien qed jitħallas ukoll mill-kumpanniji ta’ sid l-Accutor, Bhatti, l-investitur sigriet fil-VGH, Shaukat Ali u ibnu Asad Ali.

Bħal Bhatti, Shaukat Ali huwa mill-Pakistan u lill-investigaturi qalilhom li l-Accutor kienet impjegatu bħala “konsulent anzjan”, u kien jirċievi salarju minn għandha.

Żewġ ex impjegati anzjani tal-kumpannija, lill-investigaturi qalulhom li d-dokumenti bl-informazzjoni kienu spiss jitqattgħu trietaq, u l-boroż b’dal-materjal kienu joħorġu regolarment mill-uffiċini tal-kumpannija fi Zurich.

Dil-ħaġa Bhatti ma nnegahiex meta staqsewh, imma qal li mxew “skont il-liġi stretta tal-privatezza fl-Isvizzera, anki in vista tat-tip ta’ negozju involut … kellna data sensittiva ħafna u kien hemm protokol legali li l-impjegati kellhom jimxu miegħu”.

Skont il-kuntratt li ġie f’idejn l-investigaturi, Bhatti kien sid Accutor AG sa mill-2015, bis-saħħa ta’ ishma “bearer”. Bhatti huwa wkoll sid Accutor Consulting AG, bis-saħħa ta’ struttura simili; u sal-2018 din kienet magħrufa bħala VGH Europe.

Dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom l-istess indirizz bħal dak ta’ kumpannija oħra, propjetà ta’ Bhatti. Din hija Spring Xmedia, il-kumpannija li lil Muscat kienet qed tħallsu 15-il elf Ewro fix-xahar għas-servizzi tiegħu.

Wasay Bhatti, sid il-kumpanniji Svizzeri Accutor AG u Spring Xmedia AG, li bagħtu l-pagamenti lill-ex prim ministru diżonorat Joseph Muscat

Dawn il-kumpanniji huma kollha marbutin ma’ xulxin.  L-investigaturi sabu li tnejn minn dawk il-pagamenti tal-bidu saru bis-saħħa ta’ kumpannija li darba kien jisimha VGH Europe AG. Isem il-kumpannija nbidel u sar Accutor Consulting AG f’Jannar tal-2018, ftit qabel ma Steward Health Care ħadu f’idejhom il-konċessjoni tal-isptarijiet minn għand VGH.

The Shift kienet żvelat li Shaukat Ali kien iffirma memorandum of understanding sigriet mal-gvern għall-konċessjoni tal-isptarijiet. Dan kien fattur fundamentali fid-deċiżjoni tal-Qorti biex tħassar il-konċessjoni wara li sabet li l-ftehim kien sar bil-qerq mill-bidu nett.

Investigata wkoll il-konnessjoni mal-programm ta’ residenza Ċina – Malta

Skont id-dokumenti finanzjarji li ra t-team internazzjonali ta’ ġurnalisti, l-investigaturi qed jindagaw ukoll is-servizzi ta’ konsulenza li offra Muscat lill-kumpannija Ċiniża rreġistrata Malta, li tispeċjalizza fl-għajnuna li toffri lill-applikanti għall-visa ta’ residenza skont il-programm Malta Residency Visa Programme – Mediterranean Heart Malta.

Alfred Mifsud, li reċentement tqabbad bħala arbitru fis-servizzi finanzjarji, ukoll kien ħadem, għallinqas fl-imgħoddi, bħala konsulent għal din il-kumpannija.

Mediterranean Heart Malta hja l-propjetà ta’ JWP Malta Ltd, irreġistrata f’Malta f’Ġunju tal-2017, meta Muscat kien prim ministru. Muscat darba kien jaħdem ma’ Mifsud fil-kumpannija Crystal Finance.

L-investigaturi qed jiflu kif fil-21 ta’ Awwissu 2021, il-kumpannija ippruvat tħallas kont ta’ 5,900 Ewro li bagħtilha Muscat. Imma din it-tranżazzjoni, il-fergħa Maltija tal-bank JWP ma għaddihiex. F’Ottubru tal-2021 kien hemm trasferiment ieħor tal-istess ammont għal kont ta’ Muscat f’bank Belġjan, u dan ukoll m’għaddiex.

Bhatti tal-Accutor ‘ikkuntattjani wara li rriżenjajt’

Meta kkuntattjawh, Muscat ċaħad li r-raid li għamlu f’daru l-pulizija f’Jannar tal-2022, setgħet kellha x’taqsam mal-kuntratt li kellu mal-Accutor, jew minħabba xi suspetti li dan il-kuntratt seta’ kien falz u sempliċi mezz biex jirċievi l-kickbacks minħabba l-konċessjoni tal-isptarijiet.

Dawn l-allegazzjonijiet dwar il-kuntratt, Muscat ċaħadhom bil-qawwa kollha, u insista li wettaq xogħol leġittimu u ddokumentat in konnessjoni ma’ dan il-kuntratt.

Meta staqsewh, Muscat insista li ma kienx jaf li Shawkat Ali, il-moħħ wara l-konċessjoni tal-isptarijiet, flimkien ma’ ibnu Asad, kienu huma wkoll konsulenti għal Accutor.

Huwa qal li snin qabel, lil Bhatti kien introduċihulu l-ex chief of staff tiegħu Keith Schembri. Imbagħad Bhatti kien kelmu “wara li ħabbart li kont se nirreżenja”.

Mit-tranżazzjonijiet ta’ Accutor AG, il-kumpannija Svizzera li tħallas il-pagi u li kellha sehem kruċjali biex il-fondi tmexxihom minn għand VGH-Steward u Bluestone, jidher li dawn il-kumpanniji, lil Accutor bagħtulha mill-inqas 7 miljun Ewro; imbagħad din ħallset lid-diretturi ta’ VGH u lill-investituri l-oħra li ma jidhrux.

Hemm is-suspett li f’dawn il-kumpanniji, intuża metodu ta’ saffi biex jinħeba minn fejn oriġinaw dawn il-fondi.

Muscat jinsisti li l-kuntratt ta’ konsulenza kien ‘leġittimu’

Meta kkuntattjawh il-ġurnalisti, l-allegazzjonijiet dwar il-kuntratt, Muscat ċaħadhom bil-qawwa kollha, u insista li “għamel xogħol leġittimu u ddokumentat in konnessjoni ma’ dan i-kuntratt”.

Imma meta ntalab jagħti xi xhieda ta’ dan, Muscat irrifjuta. Huwa qal: “Hija evidenza li turi l-proġetti li kont qed naħdem fuqhom, flimkien mal-laqgħat li kelli”.

“Ma naħsibx li għandi nikxifhom, ħlief li għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.”

Muscat lanqas ma ried jikkonferma li l-kuntratt kien itterminat wara erba’ pagamenti biss, imma insista li “kollox sar kif suppost”.

Biċċa mill-kuntratt ta’ Joseph Muscat ma’ Accutor, bid-data u l-firma

Meta saqsewh jekk jiddispjaċihx għall-mod kif spiċċat il-biċċa tal-isptarijiet, Muscat qal, “Ovvjament, issa li nistgħu nħarsu lura, l-affarijiet kulħadd seta’ għamilhom aħjar.”

Imbagħad żied jgħid, “Jiddispjaċini li tlifna okkażjoni enormi, l-iktar għax l-interessi li kien hemm qatt ma setgħu jħalluha ssir.”

Muscat insista wkoll li l-isuċċessur tiegħu, il-prim ministru attwali Robert Abela, qatt ma talbu xejn fir-rigward tal-konċessjoni tal-isptarijiet qabel ma rreżenja. Qal biss, “Jien kemm introduċejtu lill-istakeholders prinċipali.”

Muscat kien involut ukoll fl-offerta li ma rnexxietx għall-Crystal Palace FC

Minn mindu rreżenja, il-ħsieb ta’ Muscat għal dak li hu l-football Malti kien ċar biżżejjed; biss biss kien elett iċ-chairman tal-Malta Professional Football Clubs Association. B’dan kollu, kien qed jimmira wkoll għall-Premier League Ingliża, u  lil Bhatti kien tah parir jipprova jixtri l-Crystal Palace FC, l-eqdem club tal-league.

Imma tqajmu ħafna suspetti dwar l-offerta ta’ Bhatti minħabba s-suspett dwar kwistjonijiet finanzjarji foloz.

L-investigaturi ġew f’idejhom dokumenti tal-akkwist, u minn dawn irriżulta s-sehem ta’ kumpannija legali fir-Renju Unit, kif ukoll dak ta’ bank li bis-saħħa tiegħu kien hemm l-possibbiltà ta’ faċilità ta’ self li b’hekk seta’ jsir it-trasferiment.

Il-proċess tal-akkwist kien jinvolvi struttura finanzjarja mhux tas-soltu, bi spejjeż sostanzjalment ogħla mis-soltu.

Bhatti ċaħad li kien jaf b’dan l-eżerċizzju ta’ kontabilità falza, imma kkonferma li Muscat kien issieħeb miegħu għal dan il-ftehim.

Bhatti ċaħad ukoll li xi dokumenti li ppreżenta għall-ftehim kienu foloz, u insista li l-“għedewwa tiegħu” ippruvaw iċappsuh b’diversi modi. Insista li kien safa vittma tal-frodi.

Imma Muscat isostni li hu kien involut biss lejn tmiem il-ftehim għal Crystal Palace għax il-ftehim waqa’.

“Is-sitwazzjoni, ntlabt nimmonitorjaha għan-nom ta’ Bhatti, u minħabba l-interess li kellu fi grupp involut fil-ħtif tal-clubs fi ħdan l-industrija tal-football.”

Huwa jinsisti li ma kien jaf xejn dwar il-kwistjonijiet li qamu. Barra minn hekk, il-fatt li offra konsulenza dwar il-ftehim għal Crystal Palace, huwa xhieda li għamel xi xogħol għal Bhatti.

Għafas fuq il-ħolqiet li jmiss għar-risposti kompluti ta’  Joseph Muscat u Wasay Bhatti.

Riċerka addizzjonali pprovduta mid-Daphne Caruana Galizia Foundation.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
makjavel
makjavel
1 year ago

Any bets , Muscat will come up with a Fake Signature fairy tale?
Well Muscat spend the last 3 months of his reign touring the Finance Centers north of the Equator with his DIPLOMATIC PASSPORT , BAGGAGE AND FAMILY. I guess Signature were required there and then on the spot , and his was not in the plans.
So he had to go and get some living wages from Accutor in Switzerland and the Parrot Seller in Malta . So his plundered gold is the hands of his family and very thrusted friends.
Even the architect of the factory that crashed down by its own weight on a victim taking photos for the architect , who works from home, allegedly did the same with her own riches.
It seems to be the standard procedure with dubious wealth stashes.

Last edited 1 year ago by makjavel

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo