Christian Borg jinsisti li lill-imħallfin għandu jipprovdilhom il-karozzi hu

This article is available in English

Apparti li qed ikun investigat għal reati oħra, fosthom il-ħasil tal-flus u t-traffikar tad-droga, Christian Borg huwa akkużat tal-ħtif. B’dan kollu xorta ħass li kellu jikkontesta d-deċiżjoni biex jitwaqqaf il-kuntratt ta’ 3 miljun Ewro li bih, lill-imħallfin kellu jipprovdilhom il-karozzi, inklużi lil dawk li kellhom jiddeċiedu l-każ tiegħu.

Borg oġġezzjona b’mod formali għax qal li d-Dipartiment tal-Kuntratti din id-deċiżjoni kien ħadha abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata ta’ dan it-tender ta’ ħames snin: l-intenzjoni waħdanija kienet li “l-offerta tal-kumpannija ta’ Borg irendiha invalida”.

Il-ġimgħa l-oħra The Shift żvelat kif il-ġudikanti kienu ssikaw lill-prim ministru biex dan il-kuntratt iħassru. U kienu heddew ukoll li jibbojkottjaw dawn il-karozzi jekk il-gvern ikompli jinsisti, u dan il-kuntratt jagħtih lil Christian Borg.

Borg kien klijent tal-Prim Ministru Robert Abela u kien anki bi sħab miegħu. U kienu daħlu wkoll għal biċċa negozju flimkien rigward ftehim fuq propjetà f’Ħaż-Żabbar. Minn dan in-negozju, Abela kien qala’ xi 45,000 Ewro fiż-żmien li fih kien il-konsulent tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Dan it-tender rebħitu l-kumpannija ta’ Borg, Princess Operations Ltd. Borg jgħid li din il-kumpannija għandha mal-1,500 karozza, imma issa “nstab li ma tikkonformax amministrattivament mar-rekwiżiti”.

Fl-oġġezzjoni tiegħu Borg jgħid ukoll li d-Dipartiment tal-Kuntratti m’għandux raġun meta jassumi li r-rata indikattiva ta’ 12-il Ewro u 11-il ċenteżmu kuljum għal kull karozza mhix realistika.

“Kieku l-Kumitat tal-Evalwazzjoni talab kjarifika fuq din il-kwistjoni, il-kumpannija kienet tkun tista’ turi kif bis-saħħa tal-operat tagħha li jinkludi xi 1,500 karozza għall-kiri, kienet tgawdi minn rati preferenzjali tal-assigurazzjoni, u b’hekk kienet f’pożizzjoni li setgħet toffri rati ta’ kuljum għall-kiri tal-karozzi li kienu iktar vantaġġużi minn dawk tal-kompetituri tagħha.”

Borg għandu 29 sena u rnexxielu jgħaqqad fortuna ta’ ħafna miljuni ta’ Ewro, barra l-ġid li ma jistax jispjega kif wasal għalih. B’dan kollu huwa oġġezjona għall-eżerċizzju ‘due diligence’ li għamel id-Dipartiment tal-Kuntratti.  Minnu jirriżulta li uħud mill-kuntratti li ssottomettiet il-kumpannija bħala xhieda ta’ kuntratti ta’ kera, m’offriethomx il-kumpannija stess, imma offriehom Borg innifsu. Dawn kienu kuntratti offruti kollha lil dipartimenti tal-gvern, fosthom l-Aġenzija tal-Ażil (AWAS), il-Wasteserv, il-Kummissarju tal-Pulizija u Malta Enterprise.

L-avukat ta’ Borg, Albert Libreri, ammetta li dan kien kollu minnu, imma qal li “wieħed għandu jqis li Christian Borg finalment huwa l-uniku shareholder tal-kumpannija”. Qal ukoll li “id-dħul jitniżżel fil-kontijiet tal-kumpannija, u kien għalhekk li dawn il-kuntratti, il-kumpannija tiddikjarahom daqslikieku kienu tagħha”.

Il-passat ta’ Borg huwa pjuttost varjat: fost atti kriminali oħra, iktar kmieni din is-sena kien akkużat bil-ħtif. Minkejja dawn is-sinjali kollha, iktar tard din is-sena stess, xorta ħallewh jissottometti offerta għal tender tal-gvern – u rebħu.

Wara l-akkużi li saru kontrih, Borg irriżenja mill-ħatriet kollha tiegħu bħala direttur fil-kumpanniji tiegħu u minfloku ħatar lil Joe Camenzuli, il-fotografu uffiċjali tal-Partit Laburista.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo