€10,000 bonanza: l-iskema tal-għajnuna legali mnedija mill-Awtorità tad-Djar mifqugħa bil-qraba u l-ħbieb tal-ministru

This article is available in English

L-Awtorità tad-Djar ħolqot skema biex il-familji żvantaġġati tgħinhom jiffaċċaw il-bidliet fil-liġi tal-kera. Biss, din l-iskema spiċċat okkażjoni biex lill-qraba tal-ministri, il-ħbieb u l-canvassers, il-gvern joħorġilhom mijiet ta’ eluf ta’ Ewro extra fi dħul.

Il-ministru Roderick Galdes huwa responsabbli prinċipalment biex iqassam din il-bonanza, iffinanzjata mit-taxxi tal-poplu. Galdes huwa responsabbli direttament għall-Awtorità tad-Djar u rranġa biex uħud mill-canvassers l-aktar viċin tiegħu jkollhom iċ-ċans jirċievu 10,000 Ewro extra biex jipprovdu servizzi legali lill-Awtorità.

Meta wieħed janalizza l-lista ta’ direct orders li ħarġet l-Awtorità tad-Djar, isib li fl-ewwel nofs tas-sena tpoġġew f’dik li qed tissejjaħ il-‘pre-95 list’ 24 avukat, il-parti l-kbira minnhom għadhom żgħar u m’għandhomx esperjenza.

Dan is-servizz ta’ għajnuna legali, l-Awtorità tad-Djar introduċietu biex dawk il-familji li jikru l-propjetà u jkollhom problemi legali mas-sidien minħabba l-ammont tal-kera, l-għajnuna legali tagħtihielhom b’xejn.

Lil The Shift, sorsi fi ħdan l-Awtorità qalulha li uffiċjalment kienet saret sejħa pubblika għall-avukati li jipprovdu dan is-servizz, imma fi kważi 80 % tal-każi, l-għażla finali saret wara li ngħataw rakkomandazzjonijiet ‘minn fuq’.

Minn barra avukati li jiġu mill-ministri, u anki mill-prim ministru, fil-lista hemm xi avukati li diġà lill-gvern qed jagħtuh xi servizz ieħor.

F’ħafna mill-każijiet, l-avukati ‘magħżula’ għal din l-iskema mill-Awtorità tad-Djar, diġà qed jirċievu ħlas ieħor għax kienu ngħażlu fis-snin li għaddew għal xogħol mal-gvern li jrendi.

Mill-avukati li ngħażlu, hemm mill-inqas tlieta li jiġu direttament minn xi ministru fil-kabinett.

Ngħidu aħna Albert Zerafa, li jiġi ħaten il-Prim Ministru Robert Abela, kien wieħed minn tal-ewwel li ngħażel għal din il-bonanza ta’ 10,000 Ewro. U dan, barra x-xogħol l-ieħor, imħallas ukoll mit-taxxi tal-poplu, bħala Segretarju tal-Bord tal-Malta Government Technology Investments Ltd, ħatra li għaliha huwa responsabbli l-Uffiċju tal-Prim Ministru.

Charlene Grima, oħt il-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima, ukoll qed taqla’ salarju doppju minn għand l-Awtorità. Mhux biss daħħluha fil-lista ta’ avukati li jgħinu lill-fqar, imma qed taqla’ wkoll 10,000 Ewro oħra fl-istess ħin bħala segretarja tal-bord tal-Private Residential Leases Act.

Grima tqabbdet ukoll minn ministeru ieħor biex isservi fl-isteering committee nazzjonali tas-cyber-security, u naturalment ta’ dan qed titħallas ukoll.

Alexia Farrugia Zrinzo, oħt Stefan Zrinzo Azzopardi, il-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi, hi ukoll qed ‘isservi’ lill-Awtorità tad-Djar għall-ħlas ta’ 10,000 Ewro fis-sena. F’dawn l-aħħar snin, oħt il-ministru rċeviet diversi għotjiet mill-gvern, inklużi dawk li taha ħuha meta kien segretarju parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-kumpannija legali li fiha Stefan Zrinzo Azzopardi kien sieħeb, tirċievi hi wkoll id-direct orders mill-Malta Gaming Authority. Dil-kumpannija issemmiet diversi drabi fil-qorti f’każijiet li għandhom x’jaqsmu mas-C-Planet data breach u l-kxif illegali tad-dettalji personali ta’ eluf ta’ persuni fir-Reġistru Elettorali. Din id-data allegatament ‘inkixfet’ mill-Partit Laburista meta Zrinzo Azzopardi kien il-president tal-partit.

Leon Camilleri huwa avukat żagħżugħ impjegat mad-ditta legali ta’ Farrugia Zrinzo: hu wkoll ingħażel biex lill-Awtorita jipprovdilha s-servizzi legali.

U f’każ ċar ta’ kunflitt ta’ interess, l-avukat żagħżugħa minn Ħal Qormi, Alicia Borg, is-segretarju tal-bord tal-Awtorità tad-Djar, lilha wkoll inkludewha fil-lista ta’ avukati ‘Pre-95’, minkejja l-funzjoni l-oħra tagħha mal-Awtorità.

Borg hija canvasser magħrufa tal-Ministru Galdes, u l-aħħar elezzjoni għaddietha ttejjeb il-profil pubbliku tal-ministru bil-posts fuq is-social media. Galdes għażilha wkoll bħala segretarju tal-bord tal-Awtorità. Fost l-avukati magħżula biex jipprovdu servizzi lill-Awtorità tad-Djar hemm ukoll Yanica Barbara Sant u r-raġel tagħha Thomas, it-tnejn minn Ħal Qormi. Barbara ġiet fl-aħbarijiet xi snin ilu meta tawha l-warrant ta’ avukat allavolja kellha fedina kriminali.

F’dan il-grupp ta’ avukati hemm ukoll Diane Galea, minn Ħal Qormi: lill-Partit Laburista hija tirrappreżentah fil-Kummissjoni Elettorali. Hemm ukoll Joey Reno Vella, membru tal-bord ta’ JobsPlus u Elaine De Giorgio, impjegata mal-gvern u attivista tal-Partit Laburista minn Raħal Ġdid. Hemm ukoll Ingrid Zammit Young: wara li l-gvern ma rnexxilux jaħtarha maġistrat, impjegawha fil-ministeru tas-saħħa; u Rachel Powell, canvasser tal-Ministru Ian Borg li qed taħdem ma’ Infrastructure Malta.

B’kollox, dan is-servizz legali, lill-poplu se jiswielu mal-240,000 Ewro fis-sena.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

3 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Mario P. Attard
Mario P. Attard
1 year ago

Some animals are supper equal than others. George Orwell

AD38
AD38
1 year ago

The list of expenses is quite extensive.
240k from taxpayers money add the Airmalta redundancy packages at 50Million.
Happy days ahead !

Toni Borg
Toni Borg
1 year ago

more pigs at the trough!

Are you happy with all this dear Prime Minister???

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo