Mill-2013 ‘l hawn, il-kumpanniji taċ-Chairman tal-BOV daħħlu €1.4 miljun minn kuntratti ta’ konsulenza mal-gvern

Iċ-Chairman tal-BOV, Gordon Cordina, inħatar f’Ottubru tal-2020 u għadu jagħmel xogħol privat ta’ konsulenza.

 

You can read the article in English here.

Mill-2013 ‘l hawn, il-kumpanniji E-Cubed Consultants Ltd u E-Cubed iSlands Ltd, daħħlu miljun Ewro punt 4 minn kuntratti ta’ konsulenza mal-gvern. Dawn il-kumpanniji huma propjetà parzjali taċ-Chairman attwali tal-Bank of Valletta (BOV), l-ekonomista Gordon Cordina.

Cordina għandu 50% ta’ dawn il-kumpanniji u l-50% l-oħra huma tal-ekonomista Stephanie Vella. F’Marzu tal-2021, Vella nħatret bħala gvernatur fuq il-board tal-Malta Financial Services Authority (l-MFSA). Cordina nħatar Chairman tal-BOV f’Ottubru tal-2020. Fl-2016, wara l-iskandlu tal-Panama Papers, Cordina u n-nies tiegħu kienu telqu minn Nexia BT.

F’dawn l-aħħar disa’ snin, il-kumpanniji E-Cubed Consultants Ltd u E-Cubed iSlands Ltd, b’kollox ħadu 64 direct order u tender. Il-maġġorparti tagħhom kienu direct orders: dan huwa l-metodu li jippreferi l-gvern għall-kuntratti pubbliċi.

M’hemmx liġi li lil Cordina ma tħallihx jokkupa l-pożizzjoni ta’ chairman tal-Bank of Valletta waqt li fl-istess ħin jagħmel xogħol ta’ konsulenza. B’dan kollu The Shift ikkuntattjat lil xi sorsi u dawn huma mħassba dwar il-possibbiltà ta’ konflitt ta’ interess, speċjalment billi Cordina għadu jagħmel xogħol privat ta’ konsulenza. 

Il-fatt li Vella tagħmilha ta’ konsulent tal-gvern u fl-istess ħin hija gvernatur fil-board tal-Malta Financial Services Authority, ukoll iwassal għall-istess tħassib, billi din l-Awtorità taqdi l-funzjoni ta’ regolatur waqt li lill-gvern tagħtih ukoll pariri dwar ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu mal-politika ekonomika. Kemm lil Cordina, kif ukoll lil Vella, saqsejnihom dwar din il-kwistjoni ta’ kunflitt potenzjali ta’ interess.

Cardona wieġeb li m’hemm “l-ebda kunflitt inerenti ta’ interess” bejn iż-żewġ funzjonijiet tiegħu: jgħid li “dan huwa arranġament tipiku ħafna” meta “min ikollu funzjoni non-esekuttiva fuq board,  jagħmel ukoll xogħol ieħor professjonali”, għax din it-tip ta’ funzjoni hija part-time u għal żmien limitat.

Cordina qal ukoll li dan l-arranġament kien iddikjarah, u approvawh ir-regolaturi. U kieku stess kellu jinqala’ xi kunflitt ta’ interess, dan kien jiddikjarah.

“Dawn is-salvagwardji kollha tal-gvern qegħdin hemm biex jiżguraw li wieħed iġib ruħu kif imiss: fl-istess ħin jiena konxju ħafna tas-sensitività kollha li ġġib magħha din il-funzjoni, anki għaliex iċ-Chairman jinħatar mill-gvern. U fost il-klijenti ta’ E-Cubed Consultants Ltd, kemm lokalment u barra minn Malta, hemm għadd ta’ entitajiet mis-settur pubbliku”, qal Cordina.

“Għalhekk il-ħin kollu nagħmel ħilti biex niżgura li d-deċiżjonijiet li nieħu u l-mod kif inġib ruħi, ikunu r-riżultat tal-oġġettività u l-indipendenza professjonali. F’dan kollu jien irid nagħti kont tiegħi nnifsi lir-regolaturi, lill-Board u lix-shareholders. U fuq livell personali, jekk tippermettili, l-integrità professjonali tiegħi kif ukoll ir-reputazzjoni tiegħi, jiddependu minn dan kollu,” żied jgħid.

Lil The Shift, Vella qaltilha li l-funzjonijiet tagħha bħala direttur esekuttiv ta’ E-Cubed Consultants  u bħala gvernatur fil-board tal-MFSA huma “mifruda minn xulxin”.

“L-involviment tiegħi f’E-Cubed kif ukoll ix-shares li għandi fiha, kollha ddikjarajthom. Kieku stess jinqala’ kunflitt ta’ interess, jiena niddikjarah, skont il-policy u l-prattika. F’dawn iż-żewġ pożizzjonijiet, jiena nagħmel xogħli bl-aħjar mod li nista’ u b’mod oġġettiv,” żiedet tgħid Vella. 

Meta dawn l-64 kuntratt li semmejna, wieħed iħares lejhom iktar mill-viċin, isib li s-servizzi ta’ konsulenza ekonomika li ta Cordina, fil-parti l-kbira tagħhom jinvolvu l-studju, l-assesjar u l-analiżi ta’ proġetti li kien bi ħsiebu jwettaq il-gvern.

Eżempju reċenti ta’ din it-tip ta’ konsulenza lill-gvern jinvolvi analiżi cost-benefit li għamlu Cordina u l-ekonomista Victoria Apap, waħda mill-impjegati tiegħu f’E-Cubed iSlands Ltd.

Din l-analiżi ppubblikawha fi Frar, u saret għan-nom tal-ministeru għal Għawdex biex jara jaqbilx ekonomikament li l-heliport abbandunat li hemm ix-Xewkija, Għawdex, jinbidel f’airstrip żgħira ta’ 450 metru għall-ajruplani żgħar.

Skont l-analiżi ta’ Cordina u Apap, dan il-proġett huwa ġustifikabbli ekonomikament u jista’ jwassal għal kważi 70,000 titjira fis-sena. Il-biljett huwa stmat li jkun jiswa bejn wieħed u ieħor 30 Ewro. Il-ministru għal Għawdex Clint Camilleri din l-analiżi qed jużaha bħala ġustifikazzjoni u ħalef li se jkompli jistinka biex dan il-proġett isir.

Fl-imgħoddi dawn iż-żewġ kumpanniji ta’ Cordina u Vella għamlu xogħol simili: wieħed mill-akbar xogħlijiet ta’ konsulenza kien il-proġett tas-Central Link, li imbagħad il-gvern użah biex jiġġustifika l-proġett.

E-Cubed Consultants Ltd għamlu analiżi cost-benefit ta’ dan ix-xogħol u ta’ proġetti oħra ta’ toroq li għamlet Infrastructure Malta. Dil-kumpannija tħallset ukoll għal xogħol ieħor ta’ konsulenza f’inizjattivi kbar oħra tal-gvern.

Hemm tlett każijiet importanti oħra fejn tqabbad Cordina: wieħed in konnessjoni mal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017; ieħor, analiżi cost-benefit tal-mina bejn Malta u Għawdex; u t-tielet wieħed, analiżi tal-kuntratt li kellu jingħata mill-gvern, għal servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex.

L-inkwiet tal-BOV

Cordina leħaq chairman tal-board tal-BOV ftit xhur wara li l-predeċessur tiegħu ddeċieda li jirriżenja f’Mejju tal-2020. Il-BOV kellu għadd ta’ skandli u rapporti kritiċi ħafna kemm qabel ma leħaq Cordina kif ukoll wara. Fl-2019, Reuters irrapporta b’mod esklussiv li l-Bank Ċentrali Ewropew kien ilu jammonixxi lill-bank mill-inqas sa mill-2015, minħabba l-protokol dgħajjef li kellu dwar il-ħasil tal-flus.

Sirna nafu mill-istess artiklu li minkejja li żdied ħafna l-għadd ta’ klijenti barranin high-risk li kienu qed jiftħu kontijiet lokali, il-BOV xorta ma żiedx il-kontrolli: kien hemm għadd ta’ każijiet fejn il-bank ma kellu l-ebda informazzjoni minn fejn kienu ġejjin il-fondi.

Fl-2019, il-BOV tilef l-aħħar correspondent bank għad-dollaru Amerikan, l-ING. Dan ġara wara li l-ING għamel eżerċizzju biex jillimita r-riskji, u kkonkluda li n-negozju li kellu mal-BOV sempliċement ma kienx jaqbillu jkomplih minħabba l-klima akuta ta’ skrutinju finanzjarju kemm fil-pajjiż kif ukoll mad-dinja kollha.

Sentejn wara, il-Malta Financial Intelligence Analisis Unit (l-FIAU), lill-BOV immultatu 2 miljun Ewro punt 6 għax m’għamlitx eżerċizzju ta’ due diligence dwar pussess benefiċjarju ta’ 2,442 kumpannija.

Il-BOV kellha ħafna inkwiet ukoll meta wara seba’ snin sħaħ, waslet fi tmiemha l-istorja  tad-Deiulemar Trust. Il-bank kellu jħallas 182 miljun Ewro punt 5. Minħabba dan l-arranġament, għal-ewwel żewġ kwarti tas-sena 2022, il-BOV irreġistra telf ta’ 76 miljun Ewro punt 6. 

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru
Read in English. Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni
ESKLUSSIVA Villa Rosa: il-gvern biegħ mogħdija ta’ €3 miljun lil Tal-Franciz għal €134,000
Read in English. The Shift jista’ jiżvela b’mod esklussiv

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo