Read this article in English here.
Ġurnalist tal-Malta Today tella’ video taċ-chairman tal-PBS, maħtur mill-gvern. Dan iċ-chairman kien jidher li ma jiflaħx, kien qed iżomm mal-poġġaman b’idejh it-tnejn u kien qed imil b’mod perikoluż. Ħin minnhom waqa’ għal wiċċu, dar b’idu u waqa’ bi skoss għal fuq dahru. Kif kien minn tulu fl-art b’dirgħajh miftuħin beraħ deher ċar li kien stordut u n-nies marru jgħinuh.
Minflok ma marru jgħinuh, kien hemm żewġ individwi li baqgħu jiffilmjawh u ma tawx kas il-periklu li kien jinsab fih. Wieħed minn dawk li kien qed jiffilmja tant kien viċin tiegħu li saħansitra setgħet tinqara wkoll l-identity badge taċ-chairman.
Dan iċ-chairman tal-PBS kien Joe Mizzi. L-aġir irregolari u l-mixja xejn soda tiegħu kienu r-riżultat ta’ drink imbagħbsa. Il-ġurnalista akkużatu li kien fis-sakra u umiljatu billi il-video imbarazzanti ppubblikatu. Huwa rriżenja minnufih. Dan kien f’Mejju tal-2011. Il-ġurnalista li ppubblikat il-video kienet Julia Farrugia Portelli, il-Ministru għall-Inklużjoni, l-Organizzazzjonijiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Mizzi allega li kien lagħbu xi ħadd biex jagħmillu l-ħsara. Fil-video li tellgħet Farrugia Portelli, jinstema’ ċar raġel jidgħi. Meta ndunat li dik il-vuċi faċilment tintgħaraf, malajr neħħiet is-sound. Fil-post tagħha tat-23 t’Awwissu tal-2011, Daphne Caruana Galizia kienet identifikat ir-raġel li nstema’ jidgħi – Edward Montebello – li Mizzi kien akkużah li organizza l-frame-up kollu.
U issa Montebello, il-Prim Ministru Robert Abela ħatru l-kap tal-Kommunikazzjoni.
Il-kummissjoni tal-etika tal-ġurnalisti, lill-editur Julia Farrugia kien iċċensuraha bil-kbir minħabba din l-istorja. U la darba nkixef x’ġara sew, lil Joseph Mizzi reġgħu għamluh chairman tal-PBS. L-akkużi ta’ Caruana Galizia u ta’ Mizzi, Montebello qatt ma ċaħadhom.
Bħala ġurnalista, u iktar tard bħala Kap tal-aħbarijiet tal-One, Montebello kompla jgħawweġ il-verità u jivvinta l-istejjer.
F’Awwissu tal-2021, meta ċertu priġunier tkellem b’mod anonimu dwar il-kondizzjonijiet terribbli fil-ħabs, il-One, taħt it-tmexxija ta’ Montebello, lil Jordan Azzopardi akkużah b’qerq li t-talpa kien hu. Montebello malizzjożament kixef il-bniedem żbaljat. It-titlu tal-gazzetta tal-One kien jgħid: ‘Lil El Chapo ta’ Malta, il-media tal-PN intervistatu biex tiskredita x-xogħol tajjeb li qed isir il-ħabs’. Montebello ftaħar li “il-media tal-PN, l-identità tal-priġunier ħbietha, imma l-ONE News jista’ jikkonferma li kien il-persuna li jitqies l-El Chapo ta’ Malta u deher ukoll fuq NET News”. U r-ritratt ta’ Jordan Azzopardi deher kullimkien fuq il-ONE ta’ Montebello.
Talli għamel hekk, lil Montebello kkundannatu l-IGM (Institute of Maltese Journalists) għax ġab ruħu b’mod mhu etiku xejn meta pprova jikxef l-għejjun tal-ġurnalisti: mhux biss, imma b’mod irresponsabbli u bla kont ta’ xejn, il-ħajja ta’ dan l-individwu poġġiha fil-periklu.
Montebello kien jaf preċiż x’qed jagħmel. Lil dawk li setgħu resqu biex jikxfu l-abbużi xokkanti fil-ħabs ta’ Malta, kien qed jintimidahom. Montebello serva bħala l-kapurjun tal-Labour, jikxef lill-whistleblowers u jikkastigahom. Montebello pprova jbeżża’ lil min fil-futur seta’ tħajjar jikxef il-ħmieġ.
Il-messaġġ li kien qed jibgħat kien ċar. Ara tissugrax u titkellem mal-media ostili dwar l-iskandli tal-Labour. Naqbduk, insemmuk b’ismek u nġibuk fl-għajb. U tħallas il-prezz. U meta l-ġurnalisti, lil Montebello ppruvaw jieħdu l-kummenti tiegħu dwar dan it-theddid pubbliku, lanqas biss indenja jwieġeb.
Xhur qabel, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija lil ONE news ikkritikatu bil-kbir talli b’mod falz irrappurtat li l-assoċjazzjoni tagħhom kienet ikkundannat il-vjolenza u “l-attakk li għamlu dawk ta’ madwar Simon Busuttil”. L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija sqarret li “tiddeplora dan it-tip ta’ rappurtaġġ, li f’dan il-każ sar minn ONE news, rappurtaġġ li jgħawweġ l-istqarrijiet pubbliċi għall-gwadann politiku”. Ir-rapport tal-ONE, l-assoċjazzjoni ċaħditu b’mod kategoriku. Qatt ma kienu semmew lill-ex mexxej tal-Oppożizzjoni fl-istqarrija tagħhom. Il-ONE, il-biċċa kollha, sempliċement ivvintatha.
F’Novembru tal-2020, il-ONE, taħt it-tmexxija ta’ Montebello rrapporta digriet tal-qorti li bih, lil dawk li kienu żammew il-ġurnalisti Kastilja, iddikjarathom mhux ħatja. Il-ONE ikkummenta li “lill-ġurnalisti, il-prosekuzzjoni kienet iddefendiethom”. Imma l-prosekuzzjoni fil-fatt m’għamlet xejn minn dan. Il-prosekuzzjoni kienet mexxietha l-pulizija. Fil-fatt, id-digriet tal-maġistrat, lill-puliuzija kkritikahom talli l-każ ma investigawhx sew, tant li l-akkużati nħelsu. Imma l-ONE, dan id-digriet sfigurah kompletament.
Lil tal-IGM attakahom u għaddiehom biż-żmien talli lill-ġurnalisti li kienu rrappurtaw x’kien ġara Kastilja, tahom il-premjijiet. Lill-istampa ħielsa, il-ONE irridikolahom billi kkummenta li dan id-digriet “ċanfar il-media li ssejjaħ lilha nnifisha indipendenti”.
Meta rrappurta r-reazzjoni ta’ Joseph Muscat u ta’ Zammit Lewis għall-istorja dwar il-mawra tagħhom b’xejn fl-Alpi Franċiżi fl-Evian Les Bains Hilton ta’ Yorgen Fenech, il-ONE, lil Yorgen Fenech lanqas biss semmieh. Meta lil Montebello rrappurtawh lill-Awtorità tax-Xandir minħabba r-rappurtaġġ mgħawweġ tiegħu, hu ddefenda ruħu billi stqarr li “l-ebda dar tal media ma tippubblika kull stqarrija li ssir” u li “ ma kien hemm xejn fattwalment skorrett fir-rapport tal-ONE”. Imma kemm kien hemm li l-ONE ħeba mill-udjenza tiegħu.
Dan hu dak li wieħed jistenna minn Montebello – is-segretezza, in-nofs-veritajiet u l-attakki fuq “il-media li ssejjaħ lilha nnifisha indipendenti”. U agħar minn hekk, stejjer kompletament ivvintati.
Jien personalment għaddejt mill-esperjenza tal-gideb sfrenat ta’ Montebello. F’Mejju tal-2021, l-Awtorità tax-Xandir ikkonkludiet li l-ONE taħt Montebello kien gideb f’waħda mill-ħafna aħbarijiet dwari: “Ir-rapport li xandar il-ONE news fl-1 ta’ Marzu tal-2021 ma kien bl-ebda mod issostanzjat”. Il-ONE qal li jien kont wieħed minn dawk li “l-iżjed insista internament” fi ħdan il-PN u li ħdimt biex Bernard Grech isir il-kap tal-oppożizzjoni fi żmien meta ma kelli assolutament l-ebda konnessjoni jew rwol fil-partit. Din l-istorja Montebello sempliċement ivvintaha.
B’dan kollu lil Montebello ppremjawh bil-kbir ta’ dan ix-xogħol maħmuġ tiegħu. Kien imexxi aġenzija tal-gvern – il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żona Turistika – u kien jaqla’ 1000 Ewro fix-xahar waqt li fl-istess ħin kien imexxi l-ONE news. Mill-kontijiet ta’ din il-fondazzjoni jidher li l-ikbar spiża kienet ta’ 250,000 Ewro f’salarji u 110,000 Ewro oħra fi “spejjeż tal-istaff” mhux spjegati. L-aġenzija kienet biss skuża. Għax kieku stess din l-aġenzija għamlet xi manutenzjoni, l-ispejjeż prinċipali tagħha kellhom ikunu tal-materjal, tal-makkinarju, taż-żebgħa u tal-għodda. Imma dil-fondazzjoni ma kienet xejn ħlief skuża oħra biex il-propagandisti tal-Labour jitħallsu mill-fondi pubbliċi.
U issa lil Montebello, Robert Abela tah ir-rigal aħħari, kap tal-kommunikazzjoni fl-Offiċju tal-Prim Ministru. Bħala l-kap tal-komunikazzjoni, Abela għażel bniedem li kien lest, il-ħajja ta’ individwi vulnerabbli jipperikolaha bl-istejjer ivvintati.
Għażel bniedem li l-istejjer tiegħu kkundannawhom l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, l-IGM u l-Awtorità tax-Xandir. Għażel fanatiku li l-etika ġurnalistika jitmejjel minnha, il-media indipendenti jistmerrha u l-verità jiddisprezzaha. U dan kollu jikxef iżjed fil-fatt x’qatgħa hu Robert Abela milli x’inhu Montebello.