Jeffrey Pullicino Orlando se jsir ambaxxatur għall-Irwanda

Read in English.

Id-dentist Jeffrey Pullicino Orlando se jkun qed isir l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Irwanda, minkejja li Malta m’għandha kważi l-ebda konnessjonijiet diplomatiċi ma’ dan il-pajjiż fil-Lvant tal-Afrika li jinsab f’xifer ta’ gwerra.

Pullicino Orlando, eks Deputat Nazzjonalista li dar mal-Labour ftit qabel ma l-Partit Laburista kien se jieħu l-poter fl-2013, se jkun qed jirċievi onorarja ta’ ambaxxatur mhux residenti.

Hu diġà jirċievi l-paga ta’ €70,000 fis-sena mingħand il-gvern bħala ċ-chairman eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, aġenzija li taqa’ taħt il-ministeru tal-edukazzjoni.

Qabel din il-kariga, Pullicino Orlandi kien imexxi l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, kariga li okkupa għal tlettax-il sena.

Sorsi miċ-ċrieki diplomatiċi ddeskrivew din il-ħatra bħala mezz ieħor kif il-Prim Ministru Robert Abela jesprimi l-gratitudni tiegħu għall-mod kif Pullicino Orlando jiddefendi lill-Partit Laburista fuq il-midja soċjali, b’posts li ħafna drabi ftit li xejn ikunu diplomatiċi jew saħansitra jattakkaw lill-kritiċi tal-gvern.

Hu se jkun qed jibqa’ jokkupa wkoll il-kariga li għandu bħalissa mal-gvern filwaqt li jibqa’ jippratika fil-privat bħala dentist.

Pullicino Orlando kien spiċċa fuq nett fl-aħbarijiet l-ewwel darba fl-2008 meta pprova jbiddel biċċa art fl-ODZ tal-Mistra, sit ta’ Natura 2000, f’diskoteka. Minħabba dan il-każ, hu kien spiċċa fuq demm id-dars mal-gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien u qatt ma ngħata pożizzjoni fil-kabinett għalkemm kien tela’ minn żewġ distretti.

Sussegwentement, hu ingħaqad mal-Labour u saħansitra ħareġ għall-elezzjoni mal-Partit Laburista iżda ma telax għax il-votanti Laburisti ma jqisuhx “wieħed minnhom”. Madanakollu Pullicino Orlando baqa’ jokkupa kariga wara oħra mal-gvern minn mindu l-Labour tela’ fil-poter.

In-nominazzjoni tiegħu biex isir ambaxxatur issa tinsab f’ħoġor il-kumitat tal-parlament għall-ħatriet pubbliċi u dan se jkun qed jiddeċiedi dwarha fil-ġimgħat li ġejjin, flimkien ma’ nominazzjonijiet oħrajn li għamel il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg.

Fost dawn hemm il-kandidata Laburista Lorna Vassallo biex tinħatar ambaxxatriċi għall-Cabo Verde, l-eks CEO ta’ Transport Malta Jonathan Borg għall-Panama, eks sindku Laburista tax-Xagħra Għawdex Christian Zammit għall-Angola, u l-eks segretarju internazzjonali tal-Partit Laburista Marc Vella Bonnici għall-Iżlanda.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest


0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Jeffrey Pullicino Orlando se jsir ambaxxatur għall-Irwanda
Read in English. Id-dentist Jeffrey Pullicino Orlando se jkun
Is-sejħa tax-Chalet ordnata tkompli għax il-gvern kiser ir-regoli tal-evalwazzjoni
Read in English. Il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Michael Stivala,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo