Read in English.
Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dejta għadu kif ħareġ notifika ta’ infurzar kontra l-Uffiċċju tal-Prim Ministru (l-OPM) dwar il-mod kif tratta t-Talba tal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) li għamel The Shift, u ordnalu jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-2023 tal-kabinett tal-ministri fi żmien 20 ġurnata.
F’deċiżjoni li ħareġ ftit tal-ħin wara li The Shift ressaq l-ilment tiegħu, l-OPM ingħata 20 ġurnata biex jippubblika d-dokumenti mitluba jew jipprovdi raġuni “skont il-liġi” biex jiġġustifika għalfejn qed jirrifjuta t-talba.
Il-Kummissarju Ian Deguara ddikjara li t-“tweġiba mogħtija mill-OPM lil The Shift News ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Att tal-FOI, u b’mod speċifiku ma tispeċifikax ir-raġuni(jiet) xierqa għar-rifjut skont l-Artikolu 14 tal-Att. L-OPM għandu jikkonforma ma’ din in-notifika ta’ infurzar b’effett immedjat u fi żmien sa 20 jum tax-xogħol mid-data tan-notifika.”
Il-Prim Ministru jirrifjuta li jippubblika d-dikjarazzjonijiet
Fil-passat, il-Prim Ministru Robert Abela kien ippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-2021 u għall-2022 tal-membri tal-kabinett tiegħu mingħajr diffikultà. Iżd’issa ilu bosta xhur jirrifjuta li jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-2023.
Id-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-2021 u għall-2022 tal-prim ministru ma jsemmu xejn dwar ix-xiri tal-art fix-Xewkija biex jiftaħ lukanda.
Wara li The Shift żvela l-aħbar li d-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-2023 kien għadhom ma ġewx ippubblikati, Abela insista fil-parlament li d-dokumenti kienu diġà ġew ippubblikati.
Madanakollu, meta ppressat, ħareġ ċar li dan ma kienx minnu għax fil-verità d-dikjarazzjonijiet tal-assi qatt ma kienu ġew ippreżentati fil-parlament.
Sussegwentement, Abela biddel diskorsu u beda jgħid li d-dikjarazzjonijiet ma kinux se jiġu ppubblikati għax kien qed jaħdem fuq riforma li ttejjeb it-trasparenza. Xahrejn ilu qal li r-riforma kienet fi “stadju avvanzat”, iżda fil-frattemp ma ħarġux aktar dettalji.
Anki l-Kummissarju għall-Istandards talab lill-prim ministru biex jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-2023 u qal li ma teżisti l-ebda raġuni leġittima għal dewmien fil-pubblikazzjoni tagħhom sakemm għaddejja l-ħidma fuq ir-riforma.
It-talbiet għad-dokumenti li saru permezz ta’ talbiet FOI lis-segretarju tal-kabinett tal-prim ministru Ryan Spagnol ġew rifjutati wkoll. L-OPM argumenta li dawn id-dokumenti kienu għall-iskrutinju tal-prim ministru.
Il-mistoqsija iżda hija, min qed jagħmel l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet ta’ Robert Abela?
Mistoqsijiet fuq id-dettalji finanzjarji ppubblikati
Id-dikjarazzjonijiet tal-assi ta’ Abela għall-2021 u għall-2022 ħolqu bosta kontroversja għax l-introjtu li ddikjara ma kienx jidher konsistenti mal-istil tal-ħajja li jgħix u mal-kisbiet tal-proprjetà li għamel, fosthom il-biċċa art li xtara f’Għawdex. Infatti d-dettalji finanzjarji li ppubblika wasslu għal spekulazzjonijiet li ċerti assi kienu qed jinżammu minn martu Lydia Abela biex ikunu jistgħu jinqabżu r-rekwiżiti tat-trasparenza.
Infatti wieħed jista’ jinnota li fid-dikjarazzjonijiet għall-2021 u għall-2022, Abela ma ddikjarax l-assi li kienu qed jinżammu minn martu.