Robert Abela kompromess u ma jistax jieħu passi fuq l-iskandlu tal-mara tal-ministru

Read in English.

Is-sejbiet ta’ kundanna li ħarġu mill-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, b’rabta ma’ żewġ ministri li kisru sfaċċatament il-kodiċi tal-etika ministerjali, ġabu lill-prim ministru dahru mal-ħajt peress li hu jinsab kompromess għalkollox f’din is-sitwazzjoni u effettivament ma jistax ikeċċi lil dawn iż-żewġ ministri mill-aktar leali lejh.

Ir-rapport jagħmilha ċara li l-Prim Ministru Robert Abela approva, darbtejn, permezz taċ-chief of staff tiegħu biex il-maħbuba tal-Ministru Bartolo, Amanda Muscat, tkun tista’ tingħata kuntratti finta ta’ konsulenza mħallsin tajjeb minn flus il-poplu, għal karigi li ma kinitx ikkwalifika biex taqdi.

Filwaqt li l-prim ministru kien jaf eżattament x’kien għaddej fl-uffiċċju tal-Ministru Bartolo, għażel li jagħlaq għajnejh għal dik is-sitwazzjoni imbarazzanti.

Il-prim ministru kellu kopja tar-rapport kundannanti bosta ġranet qabel ġie ppubblikat għax għaddielu kopja tiegħu l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, li hu membru tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards.

Madanakollu, ħadd miċ-ċirku tiegħu ma kien sorpriż bil-mod kif Abela rreaġixxa pubblikament biex jeħlisha ħafif lil dawn iż-żewġ ministri minflok ma keċċiehom.

The Shift ġie infurmat li waqt laqgħa tal-kabinett il-ġimgħa l-oħra, Abela informa lill-ministri tiegħu li ma kienet se tittieħed l-ebda azzjoni kontra l-ministri Clayton Bartolo u Clint Camilleri minkejja s-sejbiet skandalużi li hemm fir-rapport.

“Il-ġimgħa l-oħra l-prim ministru informa lill-membri tal-kabinett li hu kien qara r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards u ma sab xejn allarmanti li seta’ jiġġustifika azzjoni iebsa kontra ż-żewġ ministri,” qalet lil The Shift persuna li kienet preżenti għal-laqgħa tal-kabinett.

Skont uffiċjali veterani tal-gvern, din il-pożizzjoni ta’ Abela tkompli ddgħajjiflu l-kontroll diġà dgħajjef li għandu Abela fuq il-kabinett tiegħu.

Deċiżjonijiet fil-ħin propizju biex iħawdu l-imħuħ dwar is-sejbiet tal-investigazzjoni

Minn analiżi dettaljata li wettaq The Shift ta’ żewġ investigazzjonijiet simili li għamel il-Kummissarju għall-Istandards, waħda li wasslet għat-tkeċċija tal-eks Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana u l-oħra dwar il-maħbuba ta’ Clayton Bartolo, toħroġ fid-dieher bosta koinċidenzi propizji li jippuntaw subgħajhom lejn ordnijiet u azzjonijiet minn naħa ta’ Robert Abela biex isalva ġieh dawn iż-żewġ ministri mill-aktar leali lejh.

Kien f’Diċembru 2020 meta Clayton Bartolo kien ta kuntratt lill-maħbuba tiegħu ta’ kważi €70,000 fis-sena bħala konsulenta politika minkejja li kienet is-segretarja tiegħu u mingħajr għarfien f’dak ix-xogħol tal-konsulenza. Il-kuntratt kien iżid il-paga tal-maħbuba tiegħu b’madwar €25,000.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz taċ-chief of staff ta’ Robert Abela, kien approva l-kuntratt mingħajr ma staqsa għas-CV ta’ Amanda Muscat, aġir li jikkomprometti lill-prim ministru. Mill-investigazzjoni ħareġ li Muscat għandha żewġ A levels u diploma, li mhumiex biżżejjed għal dik il-pożizzjoni mogħtija.

Fir-rapport tiegħu, il-Kummissarju għall-Istandards kiteb, “M’hemm l-ebda indikazzjoni li Amanda Muscat kellha xi kwalifiki, esperjenza jew għarfien dwar l-industrija tat-turiżmu. Wieħed jistenna li l-konsulenti ingaġġati jkunu f’pożizzjoni li jagħtu pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-politiki jew l-istrateġiji għall-industrija rilevanti, kif mistenni skont il-Manwal tal-gvern għall-Prassi u l-Proċeduri tal-Ingaġġi. Dan kien impjieg li jeħtieġ esperjenza u speċjalizzazzjoni estensiva.”

DATI
X’ĠARA DAKINHAR:
April 2020 Amanda Muscat ingaġġata ma’ Clayton Bartolo bħala s-segretarja privata tiegħu.
Diċembru 2020 Il-Ministru Bartolo jagħti kuntratt ta’ konsulenza lill-maħbuba tiegħu – il-paga tagħha tiżdied b’€25,000.
21 ta’ Mar. 2021 Il-Kummissarju għall-Istandards Hyzler jirċievi lment biex jinvestiga lil Justyne Caruana u l-impjieg lill-maħbub tagħha.
26 ta’ Mar. 2021 Amanda Muscat tirreżenja għal għarrieda mill-konsulenza tagħha mal-maħbub tagħha.
April 2021 Amanda Muscat tingħata konsulenza ġdida mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri b’€5,000 aktar minn ta’ qabel. Lejn Għawdex ma tersaq qatt.
14 ta’ Diċ. 2021 George Hyzler ippubblika r-rapport li jsib lil Justyne Caruana ħatja ta’ ksur tal-etika. Abela jippressaha biex tirreżenja
31 ta’ Diċ. 2021 Il-kuntratt ta’ Amanda Muscat mal-Ministeru għal Għawdex jintemm qabel iż-żmien mingħajr raġuni.
Jannar 2022 Robert Abela jieħu passi biex Hyzler jikseb kariga għolja mal-UE, u tneħħa minn Kummissarju għall-Istandards.

L-affarijiet bdew sejrin ħażin

Nhar il-21 ta’ Marzu 2021, il-Kummissarju għall-Istandards ta’ dak iż-żmien George Hyzlerv kien irċieva lment biex jinvestiga lill-Ministru Justyne Caruana talli kienet tat kuntratt lill-maħbub tagħha, l-eks footballer Daniel Bogdanovic, ta’ ingaġġ għal konsulenza.

It-talba għal investigazzjoni minnufih xegħlet il-bozoz lil Robert Abela u Clayton Bartolo.

Ħamest ijiem wara, fis-26 ta’ Marzu 2021, u tliet xhur biss wara l-kuntratt ġdid tagħha ta’ konsulenza, Amanda Muscat irreżenjat għal għarrieda.

Meta mistoqsija mill-Kummissarju biex tispjega għalfejn kienet irreżenjat hekk għal għarrieda mill-ingaġġ tagħha, Muscat qalet li ċ-chief of staff tal-Ministru Bartolo, John Grima – kanvażer Mellieħi tal-ministru – kien issuġġerielha tagħmel hekk “minħabba r-relazzjoni li kienet bdiet mal-ministru.”

Grima ma kkonfermax dak li qalet Muscat.

Amanda Muscat qalet lill-Kummissarju għall-Istandards li l-Kap tas-Segretarjat John Grima kien issuġġerielha tirreżenja, iżda hu mbagħad qal mod ieħor.

Grima ta l-impressjoni lill-Kummissarju li ma kienx jaf bir-relazzjoni li l-ministru tiegħu kellu ma’ Amanda Muscat.

Hu insista li Muscat kienet irreżenjat minn jeddha u hu ma kienx jaf ir-raġuni. Il-Kummissarju deherlu li din ma kinitx kredibbli.

Iċ-chief of staff John Grima (lemin) qal li Amanda Muscat qabdet u rreżenjat, imma l-Kummissarju m’emmnux.

F’April 2021, f’tentattiv ieħor biex il-Ministru Bartolo jinżamm kuntent u fl-istess ħin ikunu evitati aktar investigazzjonijiet futuri dwar l-aġir tiegħu, bħal dak li ġara lil Justyne Caruana, Amanda Muscat ingħatat kuntratt ġdid, mill-ġdid bħala konsulenta, did-darba mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Għal darb’oħra, Robert Abela approva dan il-kuntratt, u kompla jikkomprometti l-pożizzjoni tiegħu, u dan avolja kien jaf li Muscat kienet se tibqa’ taħdem ma’ Bartolo.

Did-darba, Muscat ingħatat żieda ma’ dik li kellha qabel ta’ €5,000 bħala allowance għall-għarfien espert tagħha. U anki din l-allowance kienet approvata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u din mingħajr ma ntalbet kopja tas-CV tagħha. Muscat irċeviet aktar minn €70,000 fis-sena permezz ta’ dn it-tieni kuntratt finta.

Nhar it-22 ta’ Diċembru 2021, ftit wara li l-eks Kummissarju għall-Istandards Hyzler kien ħareġ ir-rapport tiegħu li jsib lil Justyne Caruana ħatja ta’ ksur tal-kodiċi tal-etika, Abela kien talab lil Justyne Caruana biex tirreżenja.

Ftit ġranet wara, fil-31 ta’ Diċembru 2021, il-ministeru ttermina, minnufih u qabel iż-żmien, il-kuntratt falz li Amanda Muscat kellha mal-Ministeru għal Għawdex. Mill-ġdid, ma ngħatat l-ebda raġuni għal din id-deċiżjoni ħabta u sabta.

Meta l-Kummissarju għall-Istandards staqsa dwar dan, Muscat mewtitha u qalet li kienet riedet pawsa fil-karriera tagħha u li kienet lestiet il-kompiti mogħtija lilha. Il-Kummissarju ma qabilx li hi kellha x’taqsam mal-proġetti li qalet li kienet involuta fihom.

L-investigazzjoni żvelat li hi ma kellha l-ebda uffiċċju fil-Ministeru għal Għawdex u qatt ma bagħtet emails lill-Ministru Camilleri minkejja li kienet impjegata bħala persuna ta’ fiduċja tiegħu. Hi, minflok, kompliet tmexxi l-appuntamenti tal-maħbub tagħha, il-Ministru Bartolo, fl-istess ħin meta suppost kienet qed taqdi dmirha bħala konsulenta politika ta’ Camilleri.

F’Jannar 2022, f’manuvra oħra biex jaħbi dak li kien qed jiġri u jevita investigazzjoni oħra bħal ta’ Justyne Caruana, Robert Abela ħabbar li lill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler kien offrielu impjieg imħallas tajjeb mal-UE.

Dak kien ifisser li Hyzler kien tneħħa pulit pulit mill-pożizzjoni li kellu bħala Kummissarju għal-Istandards, u Abela seta’ jsib persuna oħra “aktar minn tagħna” biex tokkupa dik il-kariga.

Iżda qabel ma telaq lejn il-Lussemburgu għall-impjieg mogħti mal-UE, Hyzler kien diġà ġabar kull evidenza kompromettenti. Is-suċċessur tiegħu, magħżul mill-Prim Ministru, imbagħad ma kellux triq oħra għajr li jissokta bl-investigazzjoni u jasal għall-konkużjonijiet kundannanti ppubblikati ftit jiem ilu.

L-analiżi u l-konklużjonijiet ta’ Azzopardi huma ċari kristall: dawk involuti gidbu bil-ġurament, użaw is-sistema għall-vantaġġ tagħhom, u Amanda Muscat kienet ingħatat impjieg u salarju li ma kienx jistħoqqilha. U dan kollu bil-barka tal-prim ministru.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo