Il-Kummissarju għall-Istandards mitlub jinvestiga t-tieġ f’Għawdex tas-SegPerm wara l-aħbar ta’ TheShift

The Shift żvela li lejlet it-tieġ ta' bint is-Segretarja Permanenti Joyce Dimech inbidlet il-liġi biex tkun tista' tiżżewweġ fiċ-Ċittadella

 

Read in English.

Arnold Cassola għadu kif irrapporta lill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici mal-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi u akkużah bi mġiba inetika minħabba l-bidla għal għarrieda fil-liġi biex ikunu jistgħu jsiru t-tiġijiet fil-qalba storika taċ-Ċittadella f’Għawdex, biex b’hekk tgawdi membru tal-familja ta’ uffiċjal għoli fiċ-ċivil.

Cassola talab formalment lill-Kummissarju għall-Istandards Joseph Azzopardi biex jinvestiga “ksur serju tal-etika” li jinvolvi lill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici abbażi ta’ dak li ġie żvelat fir-rappurtaġġ ta’ The Shift.

L-ilment tiegħu hu relatat ma’ bidla fil-liġi li saret ħabta u sabta ftit jiem ilu rigward l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti privati, inkluż tiġijiet, fiż-żona storika protetta taċ-Ċittadella f’Għawdex, u din ġrat sempliċiment lejliet il-ġurnata tat-tieġ ta’ bint is-Segretarja Permanenti Joyce Dimech biex tkun tista’ tiżżewweġ fil-post li sa ftit ħin qabel ma kienx jippermetti fih dawn l-avvenimenti.

Iżda fl-14 ta’ Ġunju li għadda, il-Ministru Bonnici ħareġ l-Avviż Legali 135/2024 biex ikunu awtorizzati festini tat-tiġijiet fil-qalba taċ-Ċittadella skont l-Att dwar il-Wirt Kulturali.

Iż-żmien meta nħareġ dan l-Avviż Legali ħoloq bosta tħassib għax ħabat eżatt mat-tieġ ta’ Larissa Dimech, it-tifla tas-Segretarja Permanenti Joyce Dimech. Infatti l-festin tat-tieġ ta’ Larissa Dimech sar l-għada, il-15 ta’ Ġunju fiċ-Ċittadella u għalih kienu mistiedna bosta dinjitarji, fosthom il-Ministru Bonnici nnifsu.

Dawn il-fatti magħduda flimkien joħolqu bosta mistoqsijiet dwar jekk din il-bidla ħesrem kinitx maħsuba apposta biex ikun jista’ jsir dan l-avveniment partikolari.

Skont ir-regoli l-ġodda issa stabbiliti fl-Avviż Legali, dawn l-avvenimenti jeħtieġ jiġu bbukkjati mqar erba’ ġimgħat qabel u jintalab pagament ta’ €5,000.

Meta wieħed iqis iż-żmien meta nħareġ dan l-Avviż, hemm il-possibbiltà kbira li dawn ir-rekwiżiti ma ġewx issodisfati biex seta’ jsir it-tieġ ta’ Dimech u b’hekk hemm tħassib ukoll fuq il-possibbiltà ta’ ksur regolatorju.

Barra minn hekk, l-ilment jinnota li fil-ħin tat-tieġ, la l-formola tal-applikazzjoni u lanqas il-prassi ddokumenta li qed jeżiġu r-regolamenti l-ġodda ma kienu disponibbli, u dan ikompli jixħet dubju fuq il-leġitimità tal-proċess tal-awtorizzazzjoni.

Storikament iċ-Ċittadella kienet protetta minn dawn l-avvenimenti privati biex tkun tista’ titħares l-integrità tagħha u biex jibqa’ żgurat l-aċċess għall-pubbliku

L-involviment tal-Ministru Bonnici biex ikun jista’ jsir dan it-tibdil fil-liġi qed jitqies bħala abbuż potenzjali tal-poter; u l-preżenza ta’ bosta uffiċjali għoljin f’dan it-tieġ, flimkien mal-allegat injorar tal-proċeduri regolatorji, ikomplu jżidu t-tħassib.

Il-komunika tat-tim ta’ Cassola lill-Kummissarju Azzopardi tenfasizza l-bżonn ta’ investigazzjoni dettaljata f’ġieh it-trasparenza, il-ġustizzja u l-integrità. Huma qed jisħqu wkoll fuq l-importanza li dan il-każ ma jiġix mistħarreġ biss għall-effetti fl-immedjat iżda anki għall-impatt usa’ tiegħu fuq l-integrità tal-governanza pubblika.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo