Read in English.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina qal fi stqarrija li s-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna rnexxielha tirbaħ il-pressjoni li għamlilha l-Prim Ministru Robert Abela, hekk kif il-qorti llum iddeċidiet li hemm biżżejjed evidenza biex l-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur attwali tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, fost l-oħrajn, jgħaddu ġuri.
Din id-deċiżjoni tal-qorti tfisser li issa xxejnu għalkollox it-tamiet tal-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne li jikseb xi kariga fil-Kummissjoni Ewropea. Tfisser ukoll li se jissoktaw is-sejħiet biex il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jirreżenja mill-kariga attwali tiegħu.
Fearne kien il-ministru tas-saħħa meta kien qal lin-nies li l-konċessjoni tat-tliet sptarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin lil Steward Healthcare kienet ir-“real deal” minkejja evidenza ppubblikata mill-ġurnalisti dwar il-ftehim frawdulenti li l-gvern kien għamel mal-Vitals Global Healthcare.
Steward Health Care ħadet f’idejha l-konċessjoni mingħand il-Vitals Global Healthcare għal ewro biss, f’nofs kontroversja ta’ frodi u korruzzjoni. Eventwalment, il-ftehim ġie ddikajrat null mill-qorti Maltija.
Il-Gvernatur attwali tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna kien il-ministru tal-finanzi meta sar dan il-ftehim. Skont ma ddikjara hu stess, hu ma kienx infurmat bl-iżviluppi li kienu qed isiru, u li d-deċiżjonijiet kien ħadhom il-“kitchen cabinet” tal-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat. Minkejja dan, il-qorti xorta waħda ddeċidiet li hemm evidenza biżżejjed biex jissoktaw il-proċeduri kontrih.
Is-sentenza issa qed twassal għal bosta sejħiet biex il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jirreżenja, fosthom mill-MEP David Casa, li staqsa x’għandu jkun biex Scicluna jagħżel li jirreżenja. Minkejja dawn l-appelli, iżda, Scicluna għamilha ċara li ma kellu l-ebda ħsieb li jirreżenja u li ħadd ma seta’ jkeċċih.
Anki l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sejjaħ għar-riżenja immedjata tiegħu, u qal li “Kull jum li jgħaddi Robert Abela qed jikkonferma aktar li huwa kien u għadu kompliċi fl-akbar frodi li qatt seħħ f’pajjiżna.”
L-akkużati qed jitressqu l-qorti fuq frodi. Oħrajn, fosthom l-eks segretarji permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa, l-eks avukata tal-VGH Deborah Chappell u s-segretarju permanenti attwali Ronald Mizzi, qed jitressqu wkoll fuq miżapproprjazzjoni.
Akkużati hemm ukoll l-avukati Kevin Deguara, Kenneth Deguara u Jean Carl Farrugia minn DF Advocates, ditta li kienet involuta f’diversi ftehimiet kontroversjali kbar meta Keith Schembri kien chief of staff f’Kastilja.
ALLURA Dan il VERGNI HADD MA JISTA GHALIH JIRID IKOMPLI JETFA DA L AHHAR KA MEJJET BIL GUH?
Daqsxejn onesta, diċenża u mħabba għal Malta, pajjiżu, li Scicluna niżżel fl-aktar fond ta’ l-abissi!