Opinjoni: Flusna m’huma ġejjin lura qatt

Read in English.

Robert Abela qed jiftaħar li qed jaħdem ma’ avukati mustaċċuni Maltin u internazzjonali biex iġib lura l-flejjes kbar li l-Labour għadda fil-bwiet ta’ Steward Health Care.

Xi kemm huma dawn il-miljuni, jekk humiex għaxriet jew mijiet, Abela ma jgħidilniex.

Biss biss, hu għaddielhom aktar minn €257 miljun minn flusna, u issa ħareġ jgħid li se jġibhomlna lura. Jista’ jinsiehom!

Steward kellha bilfors tammetti quddiem imħallef fil-kawża tal-falliment fi Houston l-Amerka li għandha tagħti US$9 biljun.

US$1.2 biljun minnhom huma dovuti għas-self tagħha, u US$6.6 biljun oħra għar-renti tal-kirjiet li ma tħallsux b’rabta mal-isptarijiet tagħha.

Dil-kumpanija taf biljun ieħor lill-fornituri tagħha li ma ħallsitx, u għandha tagħti US$290 miljun lill-ħaddiema tagħha f’salarji li lanqas dawn ma ħallset.

Steward falluta. U f’Mejju 2024 fetħet kawża għal protezzjoni waqt falliment.

Ray Schrock, avukat ta’ Steward, ammetta mal-Imħallef Chris Lopez li “il-kumpanija dejjem kienet qrib li tispiċċa mingħajr flus”.

Dan hu l-hekk imsejjaħ “real deal” tal-Labour. Dawn suppost kellhom jinvestu €200 miljun fis-servizz tas-saħħa ta’ pajjiżna; iżda l-avukat tagħhom ammetta li l-kumpanija qatt ma kellha l-flus biex twettaq dak.

Is-sitwazzjoni ta’ Steward hija gravi ħafna. Ħarġet l-isptarijiet kollha tagħha għall-bejgħ biex tiġbor il-flus li teħtieġ biex tibda tħallas id-djun li għandha. Ippjanat li tirkanta l-isptarijiet tagħha fit-28 ta’ Ġunju, iżda l-ġurnata ġiet, għaddiet, u ma sar l-ebda rkant.

Steward kellha bilfors tipposponi l-irkant għall-15 ta’ Lulju iżda, anki dakinhar, Steward reġgħet ipposponietu. “L-estensjoni tagħti ċ-ċans biex kulħadd jilħaq ifassal offerta soda,” qalet Steward.

Madankollu, fil-verità, il-posponiment kellu jsir bilfors għax l-uniċi offerti li rċeviet ġew irtirati. Optum, waħda mill-akbar fornituri tas-saħħa fl-Amerka, hija waħda mill-kumpaniji li rtirat l-offerta tagħha biex tixtri l-isptarijiet ta’ Steward.

Wieħed jistaqsi, imma għalfejn Optum dawret denbha? Ir-raġuni hi għax id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan qed jinvestiga lil Steward għal ksur potenzjali tal-Att dwar Prattiki Korrotti barra mill-Pajjiż.

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja qed jindaga lil Steward għall-parti tagħha fl-“iskandlu tsunami” tal-konċessjoni tal-isptarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Infatti, Steward ikkonfermat li kienet qed tiġi investigata fuq frodi u korruzzjoni fi ftehim kummerċjali li kienet għamlet barra mill-pajjiż – jiġifieri l-konċessjoni frawdulenti tal-Labour.

Lil dawk li kkonfoffaw ma’ Steward f’din is-serqa madornali minn flus il-Maltin, din it-tħabbira għandha tniżżlilhom l-imsaren f’saqajhom.

Imbagħad li għandu jkun iżjed tat-twerwir għal dawk li orkestraw dik il-konċessjoni – Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi – hu li Steward ħabbret ukoll li “qed tikkoopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni li qed iwettaq id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan.” U l-Istati Uniti għandhom trattat ta’ estradizzjoni ma’ Malta.

Laura Coordes, Professura tal-Liġi fl-Università tal-Istat ta’ Ariżona qalet li “ħafna qed jixħtu għajnejhom b’attenzjoni fuq din l-investigazzjoni.”

Indubjament, Joseph Muscat se jkun qed jixħet għajnejh fuqha b’ħafna tensjoni u gdim tad-difrejn. “Steward diġà qed issibha diffiċli biex tbigħ l-assi tagħha, u din żgur li mhix se tgħinha fiċ-ċirkostanzi,” żiedet tgħid Coordes.

L-ebda kumpanija li tibża’ għal ġieħha ma trid li jkollha x’taqsam b’xi mod ma’ Steward, issa li d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan qed jinvestigaha. U Steward mhi se tikseb l-ebda flus jekk l-offerenti se jkomplu jdabbru rashom.

U allura Malta mhi se ġġib l-ebda ċenteżmu lura. Anki jekk l-arbitraġġ internazzjonali li tant qed isemmi b’pompa Robert Abela jiddeċiedi favur pajjiżna, għax Steward sfat fixxa u niexfa qoxqox. Baħħ.

Il-flejjes spirixxew fil-bwiet tal-ħbieb ta’ Joseph Muscat.

Hu rrappurtat li l-Kap ta’ Steward International, Ralph de la Torre, ħa salarju ta’ US$3.7 miljun is-sena l-oħra. Disa’ uffiċjali differenti ta’ Steward tħallsu aktar minn US$1 miljun kull wieħed fl-2023.

Steward ħallset aktar minn €7.6 miljun lill-familja ta’ Shaukat Ali.

Is-CEO f’Malta, Armin Ernst, ħabib ieħor ta’ Muscat, irranġa biex Shaukat Ali jitħallas €80,000 oħra kull xahar, apparti l-opportunitajiet tal-ekwità.

Ernst innifsu tħallas salarju ta’ €400,000 fis-sena u għadd ta’ bonusijiet diskrezzjonarji mill-kumpanija ta’ bejn il-€100,000 u l-€200,000 fis-sena.

Is-€7.6 miljun lil Shaukat Ali spiċċaw għand Accutor AG, il-kumpanija li ħallset l-eluf tal-ewro lil Joseph Muscat fil-kont bankarju tiegħu fil-BOV.

Skont il-Boston Globe, il-kumpanija Accutor kienet “ċentru ewlieni tal-ħasil tal-flus għal miljuni ta’ dollari li tħallsu lill-eks prim ministru Joseph Muscat, liċ-chief of staff tiegħu, lill-ministru tas-saħħa tiegħu (Konrad Mizzi) u lil Ali.”

F’email partikolari f’Awwissu 2019, Ernst kiteb li “Aħna għamilna ftehim ta’ konsulenza ma’ Accutor biex nappoġġaw attivitajiet u laqgħat politiċi u tal-gvern. Il-ħlas hu €100,000 fix-xahar… Ralph (de la Torre) jaf b’dan.”

De la Torre hu l-persuna li allegatament offra post lil Joseph Muscat fil-bord tad-diretturi ta’ Steward. Ernst hu l-persuna li Muscat ħa miegħu Kastilja biex jillobbja ma’ Robert Abela ħalli jinnegozja ftehim “bankabbli iżjed” għal Steward.

De la Torre u Ernst kellhom karigi għoljin fil-ġerarkija ta’ Steward. Kienu involuti ħafna f’din il-konċessjoni frawdulenti. Kienu mħuħ tal-konfoffa wara l-akbar frodi f’Malta.

“Ralph u jien naħdmu id f’id ma’ żewġ prinċipjanti – il-missier u l-iben Ali (iġifieri Shaukat Ali u ibnu). Aħna tajna l-kelma lil xulxin li din qegħdin fiha flimkien,” kiteb Ernst, “u se nieħdu ħsieb lil xulxin.”

“Iftakar li mingħajrhom, lanqas qatt ma kien ikollna ċans f’Malta, u ħafna mill-prospetti tagħna huma marbutin mar-relazzjoni tagħna magħhom u mal-isforzi tagħhom,” żied jgħid Ernst.

Meta l-Boston Globe ippruvat tikkuntattja lil de la Torre u lil Ernst, it-tnejn għażlu li ma jikkummentawx. Imbagħad meta l-Boston Globe ikkuntattjat lil Joseph Muscat, qalilhom “Dawn ma wettqux xogħolhom – jekk kienx tort tagħhom, jekk kienx tort tagħna jew ta’ ħaddieħor, kien x’kien… dawn ma wettqux dak li kellhom iwettqu,” qalilhom.

L-uniku xogħol li wettqet Steward hu li għaddiet miljuni tal-ewro mill-flus tal-Maltin u tal-Għawdxin lil Accutor AG u f’ħakka t’għajn din għaddiet pagamenti fil-kont bankarju ta’ Muscat għal “konsulenzi”.

Għaddew miljuni oħra wkoll lil kumpaniji tal-intelliġenza sigrieti biex ikissru lid-deputat prim ministru ta’ Malta, skond it-Times of Malta.

Steward għandha tagħti US$9 biljun. Bħalissa qed tiġi investigata mid-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan. Qed taqla’ fwiedha biex forsi jirnexxilha tbigħ l-isptarijiet tagħha.

Jgħid xi jgħid Robert Abela, Malta mhu se jirnexxilha ġġib lura l-ebda ewro. Tħallihx jgħaddik biż-żmien.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Godfrey Leone Ganado
Godfrey Leone Ganado
5 months ago

Tajjeb wiehed jinnota li minkejja li nispiccaw ma niehdu xejn lura, il-Gvern xorta wahda huwa marbut li jhallas lill Steward il-mitt miljun li intrabat Konrad Mizzi li jhallashom ukoll jhekk il-kuntratt jigi ddikjarat invalidu mill qrati kif fil-fatt gara.

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo