Adrian Hillman: imdaħħal ferm u ferm aktar milli ħsibna

Ir-rapport tal-Inkjesta Vitals jikkonkludi li Hillman kien front għal Schembri f'kumpaniji maħsuba biex jagħmlu l-qligħ mis-servizzi mħallsa bit-taxxi tan-nies

 

Read in English.

Filwaqt li l-Panama Papers kixfu u ħarġu fid-dieher l-involviment ta’ Adrian Hillman, eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers, mal-eks chief of staff diżonorat tal-Prim Ministru, Keith Schembri, issa l-Inkjesta Vitals skopriet evidenza li Hillman kien imdaħħal fl-operat ta’ Schembri ferm u ferm aktar milli ħsibna.

Wara li l-Panama Papers kienu kixfu li Hillman kien ikkonfoffa ma’ Schembri biex jinxtara makkinarju ta’ stamperija li jiswa xi €30 miljun – proġett li dgħajjef finanzjarjament lit-Times of Malta filwaqt li dawk involuti allegatament daħħlu f’buthom tixħim tramite bosta kumpaniji offshore – l-Inkjesta Vitals issa rnexxielha ġġonġi flimkien ix-xibka involuta kemm fil-bejgħ tal-binjiet li kienu tal-Allied Newspapers fil-Belt Valletta u anki fl-isforzi li għamel l-istess grupp ta’ persuni biex idaħħal il-miljuni minn fuq it-taxxi tan-nies li kienu qed jitħallsu lill-konċessjoni tal-isptarijiet.

Il-konċessjoni tirreferi għal Hillman u għal Pierre Sladden ta’ Redmap bħala liaisons għal Schembri filwaqt li dan tal-aħħar suppost kien iffukat fuq it-tmexxija tal-pajjiż. Minflok, iżda, ma’ kull ċans, Schembri kien qed jagħmel ħiltu biex japprofitta mill-ftehim minn kull aspett… mit-tagħmir tal-faċilità tal-kanċer, sal-kirjiet tal-proprjetà, u sal-faċilitajiet tal-ikel.

Skont l-Inkjesta Vitals li  wettqet il-Maġistrata, jidher li l-kumpaniji ta’ Schembri għamlu l-miljuni, u Hillman u Sladden kienu fost dawk fuq quddiem nett f’dan kollu. Dan meta, fil-fratemp, il-ftehim tal-isptarijiet pubbliċi ma kien qed jagħti l-ebda riżultat lin-nies.

Filmati li ħadu xi ġurnalisti f’Jannar 2023 li juru li partijiet kbar mill-Isptar San Luqa għadhom qed jaqgħu biċċiet. Ritratt: l-OCCRP / il-Fondazzjoni Daphne.

 

Minn dak li jistqarr ir-rapport tal-Inkjesta Vitals dwar Hillman, il-problema hi li l-aġir tiegħu għen biex tiddgħajjef it-Times of Malta. L-Allied Newspapers kellha tbigħ il-proprjetajiet tagħha fil-Belt Valletta biex tagħmel tajjeb għat-telf fl-investimenti li Hillman kien ippreżenta lill-bord tad-diretturi bħala viżjoni għall-futur ta’ dik il-gazzetta.

L-investigaturi kkonkludew, “Fil-fehma tagħna, li jista’ jagħmel sens mill-arranġament hu li Sladden u Redmap (kumpanija ta’ Sladden) setgħu jiġu involuti biss fil-proġett tal-bini tat-Times of Malta bil-permess ta’ Hillman u bl-influwenza ta’ Schembri.”

L-Inkjesta Vitals u bosta investigazzjonijiet tal-ġurnalisti juru li Hillman kien qed jaħdem ma’ Sladden u Schembri, u allegatament idaħħal il-mijiet tal-eluf tal-ewro.

Fl-istess żmien, il-kamra tal-aħbarijiet tat-Times fil-Belt Valletta bdiet tadotta miżuri ta’ awsterità li xekklu l-abbiltà tal-ġurnalisti li jwettqu investigazzjonijiet f’mument tant kritiku meta t-tmexxija tagħha kienet fil-lenti tal-iskrutinju wara dak li żvelaw il-Panama Papers.

Il-kumpanija kienet wettqet l-investigazzjoni tagħha stess, iżda r-rapport qatt ma ġie ppubblikat u qatt ma ngħadda lill-kamra tal-aħbarijiet tagħha.

L-investigaturi tal-Inkjesta Vitals isemmu li “Adrian Hillman hu persuna ta’ interess f’din l-inkjesta minħabba l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ persuni u entitajeit li huma suspettati li użaw fondi mill-konċessjoni tal-isptarijiet b’mod illeċitu għall-gwadann tagħhom… Hu bħalissa qed jiġi akkużat f’Malta b’reati finanzjarji varji, fosthom ta’ tixħim u ħasil tal-flus.”

L-inkjesta Vitals tinnota li Adrian Hillman kien strumentali wkoll biex Ram Tumuluri, il-front għal Vitals Global Healthcare li ngħatat il-konċessjoni tal-isptarijiet, jiddaħħal u jitlaqqa’ ma’ Ivan Vassallo. Fl-aħħar mill-aħħar dan wassal biex wara l-għoti tal-konċessjoni, il-kumpanija Technoline tingħażel bħala fornitur preferut tal-VGH.

Qiegħ ta’ sodda f’sala abbandunata tal-Isptar San Luqa. Ritratt: l-OCCRP / il-Fondazzjoni Daphne.

Fl-2019, The Shift kien żvela li aktar minn €5 miljun mill-fondi tat-taxxi tan-nies kien intużaw minn kumpaniji miftuħa f’Jersey mill-VGH għat-trasferiment tal-flejjes. Vassallo kien sales and marketing manager mal-kumpanija Technoline qabel irnexxielu jikseb il-miljuni li ried biex jixtri l-kumpanija.

Malli Technoline inxtrat, dawn tat setgħat lil din il-kumpanijan biex tieħu ċerti deċiżjonijiet dwar is-servizzi tal-isptarijiet, filwaqt li l-bqija tal-kompetizzjoni spiċċat fi żvantaġġ, u huma kienu garantiti l-akbar profitti mis-servizzi li kienu jeħtieġu l-isptarijiet.

Apparti Technoline, ir-rapport tal-Inkjesta Vitals isemmi kumpaniji oħrajn li kien involut fihom Hillman, bħala front għal Schembri jew biex jgħaddilu l-informazzjoni, fosthom Gateway Solutions Ltd, MMXVI Ltd, Eurybates Ltd, u Astromedic Ltd.

Dawk il-kumpaniji, ilkoll b’xi mod jew ieħor ippruvaw jaħtfu l-fondi pubbliċi li kienu maħsuba għall-isptarijiet.

L-investigaturi kkonkludew, “Fil-fehma tagħna, l-għarfien u l-involviment ta’ Adrian Hillman f’Technoline u f’Gateway u ma’ Ivan Vassallo u Ram Tumuluri jagħmluh persuna fdata fit-twettiq tal-attività illeċita li tikkonferna lil dawn il-persuni. Jidher ukoll li Ivan Vassallo ħass li seta’ jsemmi isem Keith Schembri f’xi komunikazzjonijiet dwar dawn il-materji, u dan ikompli jikkonferma l-fiduċja li kien igawdi Hillman.”

Malli nxtrat il-kumpanija Technoline, dawn ippruvaw jinvolvu lil kumpanija oħra, Gateway Solutions Ltd (li dak iż-żmien ma kellhiex valur).

“Qabel l-2015, Gateway Solutions Limited kienet kumpanija tal-IT bla valur, bi ftit jew bl-ebda prospett ta’ tkabbir fil-qligħ. Ma kinitx topera fis-settur farmaċewtiku jew tal-provvisti mediċi. F’Lulju 2015, Ivan Vassallo u erbgħa minn sħabu, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Adrian Hillman u Pierre Sladden, bdew jistinkaw biex jaraw lil Gateway tidħol fis-settur farmaċewtiku u tal-provvisti mediċi, u wassluha biex takkwista l-kumpanija Technoline Limited.

Fit-3 ta’ April 2016, Ivan Vassallo bagħat email lil Adrian Hillman bl-aħħar verżjoni tal-ftehim bejn VGH u Gateway agreement; u Hillman għadda l-email lil Keith Schembri, li mbagħad għaddieh lil Shaukat Ali. Adrian Hillman għadda wkoll l-istruzzjonijiet u l-amministrazzjoni ta’ Ivan Vassallo lil Keith Schembri biex Gateway tkun tista’ tixtri l-ishma ta’ Technoline. B’hekk, jidher li Adrian Hillman kien qed jintuża bħala proxy biex jingħaddu l-emails bejn Ivan Vassallo u Keith Schembri,” ikkonkludew l-investigaturi.

L-Inkjesta Vitals issib tidentifika lil Hillman, lil Vassallo u lil Sladden bħala mażuni.

Lejliet l-Ewwel tas-Sena tal-2015, Vassallo bagħat email lil Hillman biex jirrifletti fuq is-sena: “Qed nifhem li inti se taqbel miegħi li l-2015 kienet żmien pjuttost eċitanti. Jien, għal darba, hekk sibtha. Li jagħmilha memorabbli b’mod speċjali hu li sirt naf lilek. Hu privileġġ għalija li ċ-ċrieki tagħna ltaqgħu u rrid nistqarr miegħek li aktar milli tlaqqigħ, dan kongruwenza.

Jien nistma ferm in-natura inċiżiva u analitika tiegħek. Ċert li dawn l-attributi se jissarfu f’sinerġija realistika u ta’ ġid li se jkun diffiċli li tingħeleb. Qed nibgħatlek l-isbaħ xewqat tiegħi lilek u lill-għeżież tiegħek għal sena ġdida ta’ hena, saħħa u prosperità.”

Jekk humiex se jkomplu jaqtgħu l-frott ta’ dik “is-sinerġija ta’ ġid” għad irridu naraw. Ilkoll jinsabu l-qorti qed jaffaċċjaw akkużi kriminali.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Rita Caruana
Rita Caruana
13 days ago

JAQQ

Related Stories

ESKLUSSIVA: Schembri uża email falz biex jimmanipola n-negozjati tal-Electrogas
Read in English. Fil-qosor: Keith Schembri xehed bil-ġurament li
‘Forzi tad-Dlamijiet’ imponewlu Fearne u Ciantar lill-poplu Malti
Read in English. Carmen Ciantar ilmentat fuq l-“impatt devastanti”

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo