L-Inkjesta Vitals tikxef il-bsaten fir-roti tal-gvern biex jipproteġi lil dawk investigati

Read in English.

Filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela kemm-il darba ħareġ jiddubita “it-tempistika”, jiġifieri l-mument tat-tlestija tal-inkjesta, u sejjaħ lill-Maġistrata “terrorista politika”, l-inkjesta li kellu f’idejh tispjega b’mod ċar in-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tal-pajjiż bħala raġuni ewlenija għal dak id-dewmien.

L-Inkjesta Vitals issemmi “it-tfixkil kbir u/jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż li huma obbligati jkunu kostitwent attiv fl-ilqugħ preventiv kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.”

“F’din l-inkjesta, ħafna mill-istituzzjonijiet tal-gvern u/jew uffiċjali tal-gvern, banek u/jew l-impjegati tagħhom, u kumpaniji tal-gvern u/jew l-impjegati tagħhom ippruvaw jagħmluha impossibbli għall-inkjesta biex tiskopri eżattament x’ġara b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.”

Fosthom l-inkjesta ssemmi lill-BOV, lill-Malta Enterprise, lil Projects Malta, awtoritajiet tat-taxxa, (in-nuqqas ta’ sejbiet minn) ir-reġistru pubbliku, Identità Malta, u ssemmi wkoll lill-Pakistani Shaukat Ali, li l-inkjesta tgħid li daħħal fil-but miljuni tal-ewro mill-ftehim, pereżempju.

“Minkejja li l-Membri tal-Parlament Ewropew, li Malta hi membru tiegħu, ħadu d-deċiżjoni li l-persuni b’interessi leġittimi, bħall-ġurnalisti, ir-rapportaturi, il-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, biex ma nsemmux ukoll lill-Maġistrati, il-Prosekuturi u l-Imħallfin, għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw il-bosta reġistri tal-pajjiż, aħna tħabatna bil-kbir tul din l-inkjesta biex inkunu nistgħu niksbu informazzjoni preċiża, u dan minħabba t-tfixkil mill-aktar mifrux u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni,” jiddikjaraw il-konklużjonijiet tal-inkjesta.

Il-Maġistrata ssemmi b’mod partikolari ċertu informazzjoni li ntalbet dwar Shaukat Ali, il-persuna wara dan il-ftehim li wliedu u n-nisa tiegħu ħaxxnu bwiethom bil-miljuni mill-konċessjoni tal-isptarijiet, u dan kollu jikkonferma r-rappurtaġġ ta’ The Shift wara diversi investigazzjonijiet ma’ kmamar tal-aħbarijiet oħrajn matul is-snin.

L-inkjesta tiddikjara li Identità Malta ma setgħetx issibhom ir-rekords ta’ Shaukat Ali allavolja kien hemm ħemel ta’ evidenza li kellu kard ta’ residenza u passaport Malti. Għalhekk, il-Maġistrata kienet obbligata tissekwestra d-dokumenti: “Dan hu biss eżempju u juri għalfejn din l-inkjesta ħadet daqshekk fit-tul, minħabba t-tfixkil kbir u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni.”

Għalfejn kulħadd kien qed jipproteġi lil Shaukat Ali?

Fl-2019, The Shift irrapporta li Shaukat Ali kien fil-qalba nett tal-ftehimiet kollha relatati mal-Vitals Global Healthcare f’Malta u barra minn xtutna – fatt li issa qed tikkonfermah l-inkjesta.

Minn investigazzjonijiet oħrajn li kien wettaq The Shift id f’id mat-Times of Malta u l-OCCRP joħroġ fid-dieher li bosta miljuni tal-ewro spiċċaw fil-bwiet ta’ wliedu u taż-żewġ nisa tiegħu. Malli l-gvern kien qed iħallas il-miljuni, il-flus kienu qed imorru f’kontijiet bankarji personali. Minn investigazzjonijiet tal-ġurnalisti nkixef ukoll li Shaukat Ali kien fuq il-payroll tal-konċessjonijiet tal-isptarijiet wara insistenza ta’ Keith Schembri.

Skont l-Inkjesta Vitals, “Shaukat Ali u familtu jidher li huma benefiċjarji kbar tal-flejjes li nħarġu mill-fondi tal-konċessjoni b’diversi modi. Barra minn hekk, bosta miljuni tal-ewro tħallsu lil Mark Pawley u lil Ram Tumuluri, għalkemm jidher probabbli li dawn kienu obbligati jgħaddu proporzjon sostanzjali minnhom lil ħaddieħor.”

Joseph Muscat kien jaf dwar dan

Importanti ħafna nsemmu li l-inkjesta tikkonkludi li “xejn minn dan ma seta’ jitwettaq mingħajr il-palata ta’ uffiċjali ewlenin imqiegħda f’karigi apposta, b’mod partikolari ministri u pożizzjonijiet għoljin fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.”

Fil-fatt, l-inkjesta saħansitra tiddikjara li Joseph Muscat kien jaf dwar dan kollu u li Keith Schembri kien involut f’kull pass tal-proċess: “Aħna sibna li r-relazzjoni mill-qrib bejn Keith Schembri u l-familja ta’ Shaukat Ali kienet kruċjali biex jirnexxu l-movimenti tal-konċessjoni u li l-aġir ta’ kull parti għandu t-timbru ta’ prattiċi korrotti u manipulazzjoni biex dan is-suċċess seta’ jinkiseb.”

L-Inkjesta Vitals tiddikjara wkoll li dan seta’ jiġri biss bis-saħħa tal-ħbiberija ta’ Shaukat Ali ma’ Keith Schembri, iċ-chief of staff li kellu l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat. L-inkjesta tikxef li Shaukat Ali kien qed jiftaħ kontijiet bankarji għal Keith Schembri u Konrad Mizzi fid-Dubaj.

Minkejja n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet, mid-dokumenti ssekwestrati mill-qorti joħroġ li Aasia Parveen, waħda min-nisa ta’ Shaukat Ali, xtrat appartament f’Tigne Point għal €1 miljun. Ħareġ ukoll li MIDI plc kienu ħallsu l-prezz tax-xiri f’isimha. Dwar dan, il-Maġistrata rrakkomandat aktar investigazzjonijiet b’rabta ma’ evażjoni tat-taxxa.

Shaukat Ali Abdul Ghafoor Tigne

Shaukat Ali Abdul Ghafoor (fuq ix-xellug) ma’ John Portelli (fin-nofs) il-kap tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Malti Joseph Muscat f’Tigne Point, Tas-Sliema.

Il-Maġistrata tenfasizza n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-awtoritajiet Maltin b’rabta mal-investigazzjoni fuq Shaukat Ali. Tgħid li, “Il-fatt li ldentità Malta ma sabet l-ebda rekord tiegħu hu ta’ tħassib kbir u jwassal għall-mistoqsija ovvja ta’ kemm-il passaport u kartà tal-identità nħarġu mingħajr ma nżammu rekords. Dan jaf ikun jixraqlu li jsiru investigazzjonijiet futuri.”

L-Inkjesta Vitals issemmi li minkejja l-fatt li Shaukat Ali fetaħ kont bankarju ta’ residenza f’Malta u l-familjari tiegħu kisbu ċertifikati ta’ residenza permanenti, l-awtoritajiet ma setgħux isibu fajls jew rekords dwaru.

Aġenti ta’ Shaukat Ali

L-Inkjesta Vitals ħarġet fid-dieher ukoll li Shaukat Ali uża lil bosta persuni bħala fronti, fosthom lil Ram Tumuluri u lil Mark Pawley.

“Id-dejta b’mod ripetut turi li meta Ram Tumuluri kien involut f’xi proġett, Shaukat kien qed jiġi infurmat. U meta Shaukat kien qed jiġi infurmat, hekk ukoll ħafna drabi jkun Keith Schembri,” ikkonkludiet l-inkjesta.

Uriet ukoll li Shaukat Ali kien ġie introdott f’Malta mill-eks Kummissarju tal-UE diżonorat John Dalli li Joseph Muscat qabbad bħala konsulent tal-kura tas-saħħa wara li Dalli kien żgiċċa mill-akkużi kriminali.

“John Dalli kien attiv fil-Libja waqt ir-reġim ta’ Gaddafi, meta fl-istess żmien Shaukat Ali kien residenti fil-Libja. Hemm ħemel ta’ dokumenti li jixhdu r-rabtiet kummerċjali bejn il-familja ta’ Shaukat Ali u l-familja ta’ John Dalli.”

Front ieħor għal Shaukat Ali, li l-inkjesta ssejjaħlu “aġenti ta’ Shaukat Ali”, kien Ivan Vassallo tat-Technoline.

F’Jannar tal-2019, The Shift kien irrapporta li l-kumpanija Vitals Global Healthcare użat €5 miljun mill-flejjes tal-poplu Malti biex jixtri l-kumpanija Technoline permezz ta’ kumpaniji miftuħa f’Jersey. L-inkjesta tikkonferma dawn is-sejbiet.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Carmelo borg
26 days ago

Tiskanta META IKUN HEMM IT TGERFIX U QERQ DEJJEM JISSEMA JOHNNY CASH DALLI U UMBAD TISMA LIL HUH IL QASSIS JGHID LI QABDU mieghu

Related Stories

Il-Qorti tannulla d-deċiżjoni dwar l-inċineratur ta’ €600 miljun
Read in English. Il-konsorzju multinazzjonali Hitachi-Terna għadu kif rebaħ
Direct order ta’ €365,000 lil kumpanija tal-Corinthia għal fiera agrikola
Read in English. Il-gvern għadu kif ħallas direct order

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo