L-ebda riforma fil-liġi tal-ippjanar minkejja l-wegħda tal-Prim Ministru sena ilu

L-Awtorità tal-Ippjanar għad trid tieħu azzjoni fuq il-pixxina illegali tal-Ministru Ian Borg.

 

Read in English.

Issa għaddiet iżjed minn sena minn meta l-Prim Ministru Robert Abela kien wiegħed li se jwettaq riforma fil-proċess attwali tal-ippjanar, li qed iħalli l-proġetti tal-kostruzzjoni jissoktaw minkejja li jkun għadhom qed jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Appell.

Waqt il-mass meeting Laburista tal-1 ta’ Mejju tas-sena l-oħra, Robert Abela kien ħabbar li l-proċess li sal-lum qed jippermetti t-tkomplija tal-iżviluppi waqt l-appelli kontra l-permess tagħhom, mhux se jibqa’ jitħalla għaddej.

Abela kien għamel did-dikjarazzjoni bi tweġiba għall-iskandlu li kien feġġ dak iż-żmien b’rabta ma’ wieħed mill-ministri tiegħu li kien baqa’ għaddej jibni pixxina illegali, saħansitra meta l-permess irregolari kien qed jiġi skrutinizzat mill-qorti.

Matul is-sessjoni parlamentari ta’ din il-ġimgħa, id-Deputat tal-PN Ivan Bartolo staqsa dwar il-wegħda tal-prim ministru ta’ sena ilu, u l-Ministru Jonathan Attard wieġeb li, “Il-proċess għadu għaddej.”

Skont is-sistema attwali, l-iżviluppaturi jistgħu jibqgħu għaddejjin bil-bini anki jekk il-permess ikun qed jiġi sfidat quddiem it-Tribunal tal-Ambjent u r-Rieżami tal-Ippjanar (l-EPRT) jew quddiem il-Qorti tal-Appell.

Din is-sistema ilha titħaddem snin twal u kemm-il darba ġiet abbużata mill-iżviluppaturi li jibqgħu għaddejjin bil-proġetti tagħhom minkejja li jkun għadhom qed jistennew xi deċiżjoni tal-EPRT jew tal-Qorti tal-Appell.

Infatti, eventwalment, kien hemm bosta każijiet meta l-Qorti ħassret il-permessi li tkun tat l-Awtorità tal-Ippjanar u ddikjarat l-iżvilupp ikkonċernat bħala wieħed illegali, wara li l-bini jkun tlesta, diġà nbiegħ u diġà qed jgħixu fih in-nies.

Iżd’issa li għaddiet sena mill-wegħda ta’ Abela, ir-regoli għadhom kif kienu.

Għadu ma sar l-ebda infurzar kontra l-pixxina illegali ta’ Ian Borg

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg hu wieħed minn dawk li qed jibbenefikaw mill-irbit tal-idejn ta’ Robert Abela.

Id-Deputat tal-PN Stanley Zammit staqsa lill-Ministru tal-Ippjanar Clint Camilleri biex jiddikjara liema miżuri ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar kontra l-permess maħruġ lill-Ministru Borg u li f’April 2023 kien ġie ddikjarat illegali u null mill-Qorti. Camilleri wieġeb li sal-lum għadu ma ttieħed l-ebda pass konkret dwar dak.

Camilleri qal lill-parlament il-ġimgħa l-oħra li “l-Awtorità tal-Ippjanar miexja skont il-proċedura użata meta l-bini ma jkollux il-permess meħtieġ”, iżda mhuwiex ċar jekk is-CEO attwali tal-Awtorità tal-Ippjanar Oliver Magro hux se jieħu xi azzjoni.

Għalkemm il-Qorti ddikjarat darbtejn li l-permess lil Ian Borg kien irregolari, il-perit tiegħu Colin Zammit ssokta bix-xogħol u lesta l-iżvilupp illegali. Meta l-Qorti annullat il-permess tal-ministru, il-pixxina kienet diġà lesta u fil-fatt għadha hemm sal-lum.

Filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar tista’ tordna intervent dirett biex tinforza d-deċiżjoni tal-qorti, sal-lum għadha ma ħadet l-ebda azzjoni b’rabta ma’ din.

L-Awtorità tal-Ippjanar kienet ħarġet il-permess irregolari meta Ian Borg kien il-ministru responsabbli mill-istess awtorità.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo