Il-pulizija rċeviet l-investigazzjoni interna ta’ TM dwar l-iskandlu tar-RHIBs – l-ebda akkuża s’issa

Read in English.

Transport Malta għadha kif ikkonfermat ma’ The Shift li kienet għaddiet il-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni interna dwar ix-xiri skandaluż tar-RHIBs (Rigid Hull Inflatable Boats) difettużi lill-pulizija biex possibbilment jieħdu azzjoni kriminali. Madanakollu s’issa, jidher li għadha ma nħarġet l-ebda akkuża kontra l-uffiċjali involuti.

Filwaqt li rrifjutat it-talba tal-libertà tal-informazzjoni (l-FOI) ta’ The Shift biex tipprovdi kopja tal-investigazzjoni interna li kkonkludiet ftit ġimgħat ilu, Transport Malta qalet li kienet prekluża milli tippubblika kopja tagħha għax kienet għaddietha lill-pulizija għal aktar investigazzjonijiet u azzjoni kriminali.

“Jiddispjaċina ninfurmawkom li t-talba tagħkom ma tistax tintlaqa’ peress li l-ebda dokument ma jkun jista’ jiġi ppubblikat jekk ikun hemm bażi raġonevoli li jista’ jippreġudika t-twettiq ta’ xi investigazzjoni ta’ ksur, jew possibbilment ta’ ksur tal-liġi… jew li jista’ jippreġudika l-infurzar jew l-applikazzjoni denja tal-liġi f’xi każ partikolari,” qalet Transport Malta fit-tweġiba tagħha.

The Shift hu infurmat li l-investigazzjoni ta’ TM waslet għall-istess konklużjonijiet li kien wasal għalihom l-Awditur Ġenerali f’awditjar separat li wettaq.

L-investigazzjoni interna ta’ Transport Malta identifikat min huma l-uffiċjali għoljin involuti fl-iskandlu iżda skont sorsi li tkellmu ma’ The Shift, il-pulizija għadha ma interrogat lil ħadd involut f’dan il-każ.

Dan l-aħħar, The Shift irrapporta li ċertu Patrick Pollacco, li kien il-kap tal-infurzar marittimu ta’ Transport Malta fi żmien l-iskandlu, kien ħalla l-pożizzjoni tiegħu. Hu kien talab kuntratt ta’ konsulenza iżda dan ġie rifjutat.

Minbarra dan, id-deputat tiegħu Rudolph Muscat, li suppost kellu jieħu l-pożizzjoni ta’ Pollacco, ma ngħatax il-kariga.

L-iskandlu jinvolvi sejħa għall-offerti li kienet ħarġet fl-2020 biex jinxtraw ħames dgħajjes li swew lill-poplu €800,000, li kienet ingħatat lil negozjant Rabti. Ir-raħal tar-Rabat inzerta fl-istess distrett tal-eks Ministru Ian Borg li dak iż-żmien kien il-ministru responsabbli minn Transport Malta.

Skont investigazzjoni tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (l-NAO), is-sejħa kienet ġiet evalwata kollha f’ġurnata.

Imbagħad ftit ġimgħat wara li d-dgħajjes waslu għand Transport Malta, ħafna minnhom żviluppaw għadd ta’ difetti strutturali tant li s-surveyors kellhom jiddikjarawhom mhux tajbin għall-użu fuq il-baħar.

Illum dawn il-ħames RHIBs għadhom għand Transport Malta iżda mhumiex jintużaw. Madankollu, sal-lum Transport Malta għadha ma ħadet l-ebda azzjoni legali kontra n-negozjant li forniehom.

F’dikjarazzjoni wara l-aħħar żviluppi, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Ivan Castillo sejjaħ għal azzjoni minnufih mill-pulizija biex jitwaqqaf il-munzell ta’ skandli li hemm fir-regolatur tat-trasport.

Minbarra l-każ tar-RHIBs, Transport Malta ilha żmien tissemma fi skandlu wara l-ieħor. L-aħħar fosthom jinkludu każijiet ta’ korruzzjoni fil-ħruġ ta’ kontravenzjonijiet tal-baħar, ix-xiri tal-fjuwil minn uffiċjali ta’ Transport Malta biex jimlew id-dgħajjes rikreattivi tagħhom u l-kontijiet tħallashom l-Awtorità, u t-tmexxija abbużiva ta’ xi spazji tal-irmiġġ f’Bormla organizzati bħala negozju privat ta’ impjegati tal-Awtorità.

Bħalissa Transport Malta tinsab fir-responsabbiltà politika tal-Ministru Chris Bonett.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo