Is-Segretarja Parlamentari għall-Ugwaljanza siekta dwar ir-ritorn ta’ Axisa

Buttigieg kemm-il darba dehret bi prominenza f'kampanji ffinanzjati mill-pubbliku kontra l-fastidju sesswali.

 

Read in English.

Rebecca Buttigieg, is-segretarja parlamentari għar-riformi u l-ugwaljanza, ma weġbitx il-mistoqsijiet ta’ The Shift dwar jekk ġietx ikkonsultata fuq id-deċiżjoni tal-gvern li jdaħħal lura għax-xogħol lil Clint Axisa, uffiċjal għoli fi Transport Malta li għaddej bi proċeduri kriminali fil-qorti, akkużat b’fastidju sesswali.

Il-ġimgħa l-oħra, The Shift żvela li Clint Axisa, uffiċjal għoli ta’ Transport Malta li fl-2022 tressaq il-qorti talli allegatament iffastidja lil żewġ impjegati nisa, għadha kif tneħħietlu s-sospensjoni tiegħu mix-xogħol b’ordni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Fi Frar tal-2022, Axisa ġie akkużat b’serje ta’ reati, fosthom li wettaq atti sesswali mingħajr il-kunsens ma’ kollega mara u li ffastidja sesswalment lil kollega oħra, filwaqt li ssoġġettahom għal aġir b’konnotazzjonijiet sesswali u wettaq reati li suppost bħala uffiċjal pubbliku kellu jevita milli jsiru.

Waqt il-proċedimenti attwali, il-pulizija ddikjaraw li Axisa saħansitra offra l-flus lill-vittmi tiegħu biex jirtiraw ir-rapporti tagħhom kontrih.

Minbarra lill-parlamentari, The Shift ikkuntattja wkoll lil Reneè Laiviera, il-President tal-NCPE, li dan l-aħħar nediet il-kampanja “Beat the Silence” biex tħeġġeġ lin-nisa jirrappurtaw il-fastidju li jġarrbu fuq il-lant tax-xogħol. Madankollu, Laiviera ma weġbitx il-mistoqsijiet tagħna.

Lanqas il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard ma wieġbet il-mistoqsijiet ta’ The Shift.

U lanqas il-lobby groups il-Malta Women’s Lobby u l-Women’s Rights Foundation ma wieġbu l-mistoqsijiet tagħna dwar din il-kwistjoni.

Il-kampanja tas-Segretarja Parlamentari Rebecca Buttigieg kontra l-fastidju sesswali fuq il-lant tax-xogħol.

Sal-lum, l-unika reazzjonijiet li saru kontra r-ritorn ta’ Axisa fuq il-lant tax-xogħol kienu tal-kandidat indipendenti għall-elezzjonijiet Ewropej Arnold Cassola, tal-Partit Nazzjonalista u tal-ADPD.

Fi tliet stqarrijiet separati, il-gvern ta’ Robert Abela ġie kkritikat għal din id-deċiżjoni tiegħu, li għal ħafna hi meqjusa daqqa ta’ ħarta f’wiċċ in-nisa kollha li ġarrbu xi forma ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol.

Il-PN ikkundanna din il-mossa u qal li l-prim ministru kien qed jibgħat messaġġ li “l-fastidju sesswali mhux biss skużabbli iżd’anki aċċettabbli. Qed jibgħat messaġġ lil dawk li rnexxielhom jirbħu l-abbuż li għandhom jisktu u ma jirrappurtawhx għax min iwettaq dan l-abbuż jista’ jkollu l-barka u l-protezzjoni tal-gvern.”

Fi kliem l-ADPD, “Allegat aggressur li għaddejjin proċeduri kriminali kontrih, jidher li kapaċi juża t-tessera tiegħu mal-partit biex jikseb ‘get out of jail free card’”.

Skont ir-regoli stabbiliti, il-ħaddiema taċ-ċivil li jkollhom akkużi kriminali kontrihom, għandhom jiġu sospiżi minnufih mid-doveri tagħhom u jitqiegħdu fuq nofs salarju sakemm jintemmu l-proċeduri kontrihom fil-qrati. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru xorta waħda ppermetta li Axisa jerġa’ jingħata postu mal-gvern.

It-tneħħija tas-sospensjoni ta’ Axisa u li ddaħħal lura għax-xogħol huma l-aħħar każijiet fost bosta każijiet simili oħrajn li ġraw tul l-aħħar ġimgħat, hekk kif sal-lum diġà ddaħħlu lura mill-anqas 36 impjegat(a) taċ-ċivil fuq il-post tax-xogħol, minkejja li hemm għaddejjin proċeduri kriminali kontrihom.

M’għand sorsi mill-ministeru tal-intern, The Shift hu infurmat li l-prim ministru injora għalkollox lis-segretarja parlamentati u lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE) meta ddeċieda li jdaħħal lura lil Axisa.

Intant, Axisa qed jiċħad kull akkuża kontrih.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo