Il-gvern jiftaħ il-bibien biex Anġlu Xuereb jirregolarizza l-lidos illegali fil-Qawra

Il-Ministru tal-Artijiet se jippreżenta riżoluzzjoni parlamentari biex jakkomoda lil Xuereb li ilu jikkapparra l-art illegalment għal 37 sena - b'sempliċi multa ta' €2 miljun li jista' jħallas bin-nifs fuq 10 snin

 

Read in English.

Il-gvern se jitlob lill-parlament biex japprova riżoluzzjoni ġdida ħalli l-iżviluppatur u l-lukandier Anġlu Xuereb ikun jista’ jirregolarizza l-ikkapparrar illegali ta’ meded kbar ta’ art pubblika li ilu għaddej 37 sena fix-xatt tal-Qawra.

Għal dan l-aħħar bejgħ ta’ art pubblika, il-gvern irranġa biex Xuereb u l-Grupp AX li jmexxi jkunu jistgħu jiksbu din l-art b’sempliċi multa ta’ €2 miljun, li tista’ titħallas bin-nifs fuq medda ta’ għaxar snin.

Ta’ dan il-ftehim ġdid barra mill-qorti, ir-riżoluzzjoni li ġiet f’idejn The Shift qed tipproponi li Xuereb u l-gvern imbagħad iwaqqgħu l-kawżi fil-qrati kontra xulxin, li ilhom għaddejjin iżjed minn 20 sena.

U bis-saħħa t’hekk, il-Grupp AX, li jopera l-lukanda Suncrest, issa bl-isem il-ġdid AX ODYCY, u faċilitajiet turisti oħrajn fuq in-naħa l-oħra tat-triq faċċata ta’ dawn il-lidos illegali, se jiksbu konċessjoni ġdida – did-darba legali – għal dawn il-lidos għal 65 sena billi jħallsu ċens ta’ €138,000 fis-sena.

The Shift hu infurmat li l-Ministru tal-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi mistenni jippreżenta riżoluzzjoni l-ġimgħa d-dieħla quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.
Skont il-proċedura, dan il-kumitat parlamentari jkun jeħtieġ il-vot unanimu tal-membri biex japprova dan il-ftehim il-ġdid, u jekk l-Oppożizzjoni ma taqbilx mar-riżoluzzjoni, din tgħaddi quddiem il-plenarja tal-Kamra tad-Deputati.

F’dak l-istadju, imbagħad, l-istess riżoluzzjoni tkun teħtieġ biss maġġoranza sempliċi, li tista’ tinkiseb faċilment bil-maġġoranza tal-membri Laburisti.

Il-lidos tas-Sunny Coast u tas-Suncrest huma mifruxin fuq 5,583 metru kwadru max-xatt tal-Qawra. Dawn kien żviluppahom illegalment Anġlu Xuereb fl-1987 meta l-eks ministru Laburista korrott Lorry Sant kien responsabbli mill-artijiet pubbliċi. Dak iż-żmien, Xuereb ma kellu l-ebda titolu fuq l-art minkejja li bena żewġ lidos kbar.

Tul dawn is-snin kollha, iż-żewġ lidos komplew jinfirxu u jiġu modernizzati, u qdew lil mijiet ta’ eluf ta’ klijenti filwaqt li ħallew il-miljuni fil-bwiet tal-Grupp AX.
Filwaqt li matul is-snin l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet bosta ordnijiet ta’ infurzar kontra l-illegalitajiet, u fl-1991 l-Awtorità tal-Artijiet fetħet proċeduri fil-qrati kontra l-Grupp AX, l-ebda waħda mill-awtoritajiet taħt amministrazzjonijiet differenti ma qatt interveniet biex tagħlaq il-lidos illegali.

Bħal ħafna mill-iżviluppaturi u l-lukandiera, il-Grupp AX kompla jgawdi taħt amministrazzjonijiet differenti; u fil-frattemp, il-proċeduri fil-qrati tħallew miftuħin u pendenti u qatt ma wasslu għal xi tip ta’ konklużjoni.

Is-sena l-oħra, bi tħejjija għal din ir-riżoluzzjoni li nħmiet, il-gvern neħħa l-klassikazzjoni tal-lidos ta’ Anġlu Xuereb mil-liġi tad-dominju pubbliku (liġi li ma tippermettix l-iżvilupp max-xtajtiet) biex ikun jista’ jinħariġlu l-permess.

Is-CEO tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella, li kien involut fid-diskussjonijiet fil-magħluq mal-Grupp AX, qal lill-parlament li din it-tneħħija tal-klassifikazzjoni kienet l-unika mod kif dawn il-lidos illegali setgħu jingħaddew lil Xuereb.

Skont ir-riżoluzzjoni abbozzata, b’dan l-arranġament issa Xuereb se jkun jista’ jinvesti xi €60 miljun biex iwettaq rinovazzjoni tal-lukandi tiegħu f’dawn iż-żoni.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo