Il-PBS jostor informazzjoni dwar in-nefqa għall-Eurovision

Ix-xandir nazzjonali qed jirrifjuta li jipprovdi rendikont tal-mijiet tal-eluf tal-ewro li nefaq minn flejjes il-poplu biex jorganizza l-Malta Eurovision Song Contest, u li tant qala’ kritika għas-serata fqira u dilettanteska li xandar.

Wara bosta edizzjonijiet ta’ suċċess organizzati fi spazji kbar biex l-udjenzi jkunu jistgħu jieħdu sehem fix-xandiriet diretti, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-PBS, Mark Sammut, iddeċieda li jwaqqaf dik id-drawwa u minflok organizza l-festival ġo studio antik u mitluq tat-television, simili għal kif kien jixxandar fis-sebgħinijiet.

Il-festival – mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ udjenza – ippreżenta l-kanzunetti rrekordjati u lesti, bil-kantanti jimitaw il-kanzunetti tagħhom mal-mikrofonu.

Biex jieħu vantaġġ mid-deċiżjoni tiegħu, Sammut ħataf l-opportunità u nefaq xi €1.6 miljun fuq “rinovazzjoni” tal-istudio l-antik, u biddel l-apparat kollu b’teknoloġija ġdida, li l-ħaddiema tal-PBS ma setgħux iħaddmu minħabba l-għaġla u n-nuqqas ta’ taħriġ xieraq.

Sammut, bl-appoġġ tal-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici, issa qed jirrifjuta li jagħti rendikont tal-flejjes li nefaq.

Id-Deputata tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg staqsiet lill-Ministru Bonnici fil-parlament biex jagħti lista tan-nefqiet kollha relatati mal-festival ta’ din is-sena, fosthom il-ħlasijiet lill-fornituri. Il-Ministru Bonnici, iżda, irrifjuta li jipprovdi dik l-informazzjoni, bit-tweġiba tas-soltu li dik “l-informazzjoni hija ta’ natura kummerċjali”.

The Shift ġarrab l-istess tisbit tal-bibien meta ppreżenta talba tal-Libertà tal-Informazzjoni (FOI) biex jingħata lista tas-sejħiet għall-offerti maħruġa, il-flejjes minfuqa għal kull servizz mixtri, u lista tal-fornituri mqabbda.

Mill-ġdid, Sammut qed jerġa’ jostor l-informazzjoni, u jgħid li l-PBS hu kumpanija kummerċjali u allura mhuwiex obbligat jipprovdiha.

Effettivament, iżda, il-PBS hu ffinanzjat minn flejjes pubbliċi u allura hu obbligat jispjega d-deċiżjonijiet tiegħu. Fil-fatt, il-Qorti tal-Appell diġà għamlithielu ċara lill-PBS, li hu obbligat ikun trasparenti u kontabbli.The Shift issa qed jerġa’ jisfida d-deċiżjoni tal-PBS billi talab investigazzjoni mill-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dejta.

Sorsi fil-PBS qalu lil The Shift li l-ispiża totali għas-serata Maltija tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena hi stmata li laħqet il-€1.6 miljun, u ħafna mill-flejjes intefqu bid-direct orders skont kif ordnalhom Mark Sammut.

Kien il-Prim Ministru Robert Abela li ħatar lil Sammut fit-tmun tal-PBS, u dan allavolja ma kellu l-ebda esperjenza fix-xandir.

Meqjus li jbaxxi rasu għal li jordnawlu, ir-“renju” ta’ Sammut fil-PBS kiseb bosta kritika ħarxa matul is-snin. Fuq kollox ġarrab telf ta’ bosta miljuni tal-ewro minkejja s-€6 million f’sussidji diretti u l-miljuni l-oħra li l-gvern qed jippampja kull sena fil-PBS biex ma jfallix.

Fil-frattemp, Sammut qed jirċievi żewġ remunerazzjonijiet differenti għal xogħlu, waħda bħala CEO u l-oħra bħala chairman. Hu wkoll iċ-chairman tal-Malta Med Air, entità governattiva oħra, filwaqt li n-negozji privati tiegħu qed jibqgħu jingħataw it-tenders tal-gvern.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo