L-Enemalta tipprova ttaffi l-kriżi tal-enerġija wara snin sħaħ ta’ ppjanar ħażin

Il-pjanijiet ta’ malajr għal impjant tal-enerġija ta’ emerġenza li jipprovdi 60 megawatt, u li bosta uffiċjali tal-gvern qed jgħidu li jeħtieġ jibda jitħaddem qabel is-sajf li ġej biex niżguraw is-“sigurtà tal-provvista tal-enerġija,” hu tentattiv wara bosta snin sħaħ ta’ dgħjufijiet fl-ippjanar u diskorsi kunfliġġenti dwar il-ħtiġijiet tal-elettriku ta’ pajjiżna.

Dwar dan l-impjant, li kien tħabbar l-ewwel darba mill-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli f’Novembru 2023, qed ikollhom isiru tħejjijiet malajr malajr tant li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) eżentatu mill-valutazzjoni tal-impatt ambjentali li hija meħtieġa skont il-liġi.

Il-ġustifikazzjonijiet tal-Enemalta għal dan il-proġett iffokaw fuq iż-żieda għal għarrieda u bla preċedent fid-domanda għall-elettriku. Dawn iż-żidiet “mhux imbassra” ikkaġunaw qtugħ fil-grid tal-enerġija għal bosta snin u dan minkejja l-istqarrijiet li kienu saru li l-problemi huma ġejjin mid-distribuzzjoni, mhux mill-provvista.

Iż-żieda fid-domanda taħbat ukoll maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni tal-pajjiż tul l-aħħar għaxar snin.

F’ittra lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi ppubblikata dan l-aħħar, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava kien qal li l-kumpanija statali tal-enerġija ma kinitx qed tbassar iż-żieda qawwija ta’ 14% fid-domanda li ġarrbet matul l-aħħar sajf. Hu nnota wkoll li jekk sas-sajf li ġej ma tilħaqx tibni impjant ta’ emerġenza ta’ 60MW, l-Enemalta “mhux se tkun tista’ tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija”.

Fava kiseb dar-rwol eżekuttiv wara t-tneħħija tal-eks CEO tal-Enemalta Jonathan Cardona minħabba l-qtugħ estensiv li kellna fis-sistema tal-elettriku matul Lulju 2023. Dak il-qtugħ kien wassal biex inħawi sħaħ madwar il-pajjiż spiċċaw mingħajr dawl, xi drabi għal ġranet sħaħ, waqt mewġa tas-sħana tal-40 grad.

Wara dak il-qtugħ kollu, Cardona kien insista li dak kien ġie kkaġunat minħabba d-distribuzzjoni tal-elettriku u mhux minħabba l-ġenerazzjoni.

Il-Ministru Dalli kienet ċaħdet ir-rapporti ta’ The Shift li Cardona kien tkeċċa, iżda wara ftit ġimgħat il-gvern ħareġ iħabbar dak il-pass li jikkonferma l-aħbar ippubblikata minn dan il-portal.

L-aħħar dikjarazzjonijiet ta’ Fava, iżda, xejnu għalkollox id-diskors tal-Ministru Dalli, u din ma kinitx l-ewwel darba li, mingħajr ma ried, waqqa’ l-kelmiet tal-ministri.

Anki ta’ qabel Cardona, Jason Vella, kien tkeċċa sentejn qabel iż-żmien għall-istess raġunijiet.

Ftit xhur qabel, fi Frar 2023, fi stqarrija wara maltempata li wasslet biex l-impjant kontroversjali tal-Electrogas jinqala’ minn mal-grid ewlenija, Dalli ftaħret bir-reżistenza li għandha l-grid tal-enerġija ta’ pajjiżna, u ppruvat tonfoħ il-prassi tal-“N-1” li tħaddem l-Enemalta, jiġifieri li meta jfalli xi wieħed mill-bosta sorsi tal-enerġija tal-pajjiż, il-pajjiż xorta waħda jibqa’ għaddej bis-saħħa tal-bqija.

Qalet li l-pajjiż kapaċi jipprovdi 700MW, madankollu fis-sajf ta’ wara, meta ntlaħqu xi 663MW, il-grid ikkrollat.

Dik il-prassi reġgħet issemmiet meta tħabbar l-impjant il-ġdid tal-enerġija ta’ emerġenza ta’ 60MW. L-impjant qed jitqies importanti għall-prassi tal-N-1 tal-Enemalta, u allura joħloq dubju dwar l-istqarrijiet preċedenti ta’ Dalli li s-sistema kienet diġà konformi mal-prassi u diġà reżiljenti mingħajru.

L-impjant tal-enerġija li jeħtieġ jinbena malajr malajr se jkun qed isir flimkien mal-installazzjoni ta’ xi 70km ta’ cables tal-elettriku biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni, li anki dawn qed isiru malajr kemm jista’ jkun biex jitlestew qabel is-sajf.

F’Awwissu 2021, wara bosta qtugħ tad-dawl mal-pajjiż kollu meqjusa “mhux aċċettabbli” minn Dalli stess, il-ministru tal-enerġija assigurat lill-pubbliku li l-kwistjoni kienet, mill-ġdid, waħda relatata mad-distribuzzjoni u mhux mal-provvista. Madankollu, tul l-istess sajf, Dalli nediet il-pjanijiet tagħha għat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija. It-tieni interconnector, li fil-bidu kien qed jiġi stmat li se jiswa €170 miljun u jkun mistenni jitlesta sal-2025, issa hu mistenni jitlesta fi żmien tlieta sa erba’ snin, sal-2028, skont l-ittra ta’ Fava.

Il-vulnerabbiltà tas-sistema tal-Enemalta għal inċidenti għal għarrieda ħarġet fid-dieher kemm-il darba. Meta l-interconnector attwali li hemm bejn Malta u Sqallija ġarrab xi ħsarat f’Diċembru 2019 b’ankra ta’ bastiment, il-qtugħ tad-dawl żdied b’mod sostanzjali tul is-sena ta’ wara sakemm issewwa, u dan jixhed id-dipendenza ta’ pajjiżna fuq dak is-sors tal-enerġija.

L-ewwel interconnector bejn Malta u Sqallija kien dam seba’ snin biex inbena, mill-2008 sal-2015 u sewa €182 miljun. Dan iħallina nistaqsu jekk iż-żmien indikat biex jitlesta t-tieni proġett kienx ottimist iżżejjed.

Id-domanda hi proporzjonata mat-tkabbir qawwi fil-popolazzjoni

Fl-ittra tiegħu, Fava argumenta li ż-żieda fid-domanda għall-elettriku kienet parzjalment ikkawżata mit-tibdil fil-klima “li wassal għal kundizzjonijiet estremi tat-temp, fosthom għal perjodi twal ta’ sħana tremenda tul ix-xhur tas-sajf,” li “se nerġgħu ngħaddu minnhom fis-sajf tal-2024.”

Iż-żidiet fid-domanda kkawżati mit-temp estrem ikomplu jaggravaw ġmielhom bit-tkabbir qawwi fil-popolazzjoni ta’ Malta fl-aħħar għaxar snin. Infatti ż-żieda fil-popolazjoni hija proporzjonata għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż imsejjes fuq iż-żieda tal-ħaddiema minn barra l-pajjiż. Dawn il-ħaddiema ħafna drabi jiġu sfurzati jaħdmu f’kundizzjonijiet medjokri, imħaddma f’impjiegi b’pagi miżeri u ta’ bla ħiliet u jkunu kostretti jgħixu f’akkomodazzjonijiet b’kundizzjonijiet abbużivi.

F’kummenti riċenti lil Al Jazeera, l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat iddefenda din il-politika tal-ħaddiema barranin li uża l-gvern immexxi minnu u evita għalkollox li jsemmi r-raġunijiet vera għalfejn il-pajjiż qed iġarrab skarsezzi tal-ħaddiema bil-ħiliet u t-trattament inġust tar-refuġġjati u l-persuni li jitolbu l-ażil.

Bejn l-2011 u l-2021, Malta kellha żieda bla preċedent ta’ 24.6% fil-popolazzjoni tagħha, l-akbar żieda fl-UE. Fl-istess perjodu, anki l-konsum tal-elettriku żdied b’xi 15%, minn kważi 2.2 GWh fl-2011 għal kważi 2.7 GWh fl-2021. L-eqqel domanda għall-enerġija żdiedet minn 414MW fl-2011 għal 663MW is-sena l-oħra.

Fil-frattemp, il-ħin għaddej u qed jagħfas ġmielu biex l-impjant il-ġdid ta’ 60MW jilħaq jitlesta sas-sajf li ġej.

L-ittra ta’ Fava lil l-ERA f’Novembru li għadda tiddikjara li dan jeħtieġ jitlesta “imqar sa Mejju 2024,” jiġifieri fi żmien tliet xhur. S’issa dal-proġett f’Delimara mhux biss għadu ma ġiex approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, imma għadha ma ġiet ippreżentata l-ebda applikazzjoni għall-permess.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo