Konfużjoni hekk kif Dalli tikkontradixxi liċ-Chair tal-Enemalta fuq l-impjant tas-€46 miljun

Read this article in English.

Il-kaos evidentement qed jerġa’ jfeġġ fl-Enemalta, did-darba minħabba konfrontazzjoni fil-miftuħ bejn il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli u ċ-chairman frisk tal-korporazzjoni, Ryan Fava, magħżul mill-prim ministru.

Meta mistoqsija mid-Deputat tal-PN Ryan Callus biex tagħti dettalji dwar l-akkwist pubbliku tal-impjant temporanju l-ġdid tal-enerġija, li se jiswa lill-poplu xi €46 miljun, Dalli tbiegħdet mill-pożizzjoni taċ-chairman.

Filwaqt li kkontradiet lil Fava, Dalli insistiet li ma kienx minnu li l-Enemalta m’għandhiex il-kapaċità biżżejjed biex tforni lil pajjiżna bl-elettriku matul is-sajf li ġej.

“Kif ġie spjegat kemm-il darba, l-Enemalta għandha biżżejjed sorsi tal-ġenerazzjoni biex tlaħħaq mad-domanda attwali u prevista tal-elettriku,” qalet lill-parlament.

Skont Miriam Dalli, l-Enemalta għandha biżżejjed ġenerazzjoni

Madankollu, dan hu fattwalment skorrett għax l-Enemalta għandha inqas minn 600MW għad-dispożizzjoni tagħha, jekk jitħalla barra l-interconnector.

Id-dikjarazzjoni tagħha jidher li kienet maħsuba biex tgħattan il-kredibbiltà taċ-Chair tal-Enemalta Ryan Fava li kien qal lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) li l-Enemalta m’għandhiex ġenerazzjoni biżżejjed u teħtieġ impjant ġdid mingħajr iżjed dewmien.

L-eqqel domanda laħqet is-663MW matul is-sena l-oħra.

Fl-ittra tiegħu lill-ERA f’Novembru li għadda – wara xahar fil-kariga – Fava ma qagħadx jomgħodha dwar il-kriżi li l-Enemalta, taħt Dalli, b’xi mod ħarbitilha.

Filwaqt li spjega fid-dettall kif tul is-sajf li għadda Malta laħqet l-eqqel domanda ta’ 663 MW (megawatt), Fava qal lill-ERA li, “l-Enemalta qed tantiċipa li d-domanda tul is-sajf 2024 se tiżdied iżjed minn hekk u allura jekk il-proġett (tal-impjant temporanju l-ġdid tal-enerġija) mhux se jiġi kkummissjonat sad-data msemmija (sa Mejju), jiġifieri qabel is-sajf tal-2024, l-Enemalta mhix se tkun tista’ tiżgura s-sigurtà tal-provvista elettrika.”

Skont iċ-Chair tal-Enemalta, Malta m’għandhiex biżżejjed biex tipprovdi l-provvista għas-sajf li ġej.

Dalli ġiet mistoqsija wkoll għalfejn l-Enemalta għażlet li tikri impjant li jaħdem bid-diesel minflok alternattiva aktar nadifa bħal-LNG. Madankollu, Dalli għażlet li ma tweġibx u minflok qalet lill-parlament li s-sejħa għall-offerti maħruġa mill-Enemalta “mhix għal xi teknoloġija speċifika”.

Dan mhuwiex minnu, għax is-sejħa għall-offerti tal-Enemalta hi għal impjant li jaħdem bid-diesel.

Miriam Dalli vs Robert Abela

Fis-sajf tal-2023, Malta ġarrbet qtugħ fid-dawl mal-pajjiż kollu għal ħinijiet twal, xi drabi għal ġranet sħaħ.

Il-Prim Ministru Robert Abela sussegwentement ordna t-tkeċċija tal-eks chairman Jonathan Cardona, li kienet ħatritu fil-kariga l-Ministru Dalli minkejja li ftit kellu esperjenza rilevanti fis-settur tal-enerġija. F’Awwissu, il-ministru rreżistiet din it-talba tal-prim ministru u baqgħet tinsisti li r-rappurtaġġi ta’ The Shift dwar it-tluq imminenti tiegħu kienu foloz.

Sa Ottubru, iżda, Cardona kien tkeċċa, u minfloku nħatar Fava, l-għażla tal-prim ministru.

Imbagħad fi żmien xahar mill-ħatra tiegħu, Fava kiteb lill-ERA dwar il-ħtieġa urġenti ta’ impjant ġdid tal-enerġija sas-sajf li ġej.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo