Jissoktaw l-inċertezzi għal Assange hekk kif il-Qorti Ingliża ddewwem is-sentenza

Read this article in English.

Julian Assange se jkolli jistenna sa Marzu, jew iżjed, sakemm tinqata’ s-sentenza dwar l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti hekk kif, wara li ntemm it-tieni jum tas-smigħ dwar il-futur tiegħu, il-Prim’Awla tar-Renju Unit iddeċidiet li għandha bżonn iżjed żmien biex tikkunsidra l-verdett tagħha.

Iż-żewġ imħallfin tal-Prim’Awla qalu li jeħtieġu ż-żmien biex jgħarblu l-eżitu tal-kawża u jekk jagħtux appell ġdid lill-whistleblower, kif talbu l-avukati ta’ Assange.

Assange tressaq il-Qorti fuq 17-il akkuża ta’ spjunaġġ u akkuża ożra ta’ użu ħażin ta’ apparat elettroniku wara li l-website tiegħu, il-WikiLeaks, ippubblikat ġabriet ta’ dokumenti sensittivi b’intelligence tal-Armata Amerikana.

Matul il-jumejn smigħ, avukata li qed tirrappreżenta lill-gvern Amerikan, Clair Dobbin, qalet li Assange ikkawża danni lis-servizzi Amerikani tas-sigurtà u tal-intelligence, u għalhekk ħoloq “riskju gravi u imminenti” li jista’ jwassal biex jipperikola l-ħajja ta’ bosta persuni innoċenti f’pajjiżi bil-gwerer jew b’reġimi ripressivi.

Fil-frattemp, l-avukati ta’ Assange qalu li l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti tkun tfisser “rifjut gravi milli ssir ġustizzja”.

L-attenzjoni kollha fuq Londra

Għadd ta’ persuni minn madwar id-dinja nġabru jipprotestaw quddiem il-binja tal-qorti tul il-jumejn tas-smigħ biex jitolbu l-ħelsien tiegħu u li jitwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih.

L-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kważi lkoll ikkundannaw l-isforz li ilu għaddej deċennju biex Assange jiġi estradit lejn l-Istati Uniti. Fosthom hemm Amnesty International li wissiet li, “Il-prosekuzzjoni ta’ Julian Assange b’dawn l-akkużi tħalli effett ta’ biża’ fuq id-dritt tal-libertà tal-espressjoni, effett li jwassal biex il-ġurnalisti jibżgħu jiżvelaw l-informazzjoni minħabba prosekuzzjoni.”

L-għaqda Reporters Without Borders li tinsab Londra biex tosserva l-proċedimenti fil-qorti, tenniet “l-appell urġenti tagħha biex il-gvern tal-Istati Uniti jwaqqa’ l-każ kontra Assange u jippermetti l-ħelsien tiegħu.”

Il-WikiLeaks

Assange ilu mill-2010 jaffaċċja akkużi ta’ Spjunaġġ Politiku, meta, bħala l-kap u l-fundatur tal-Wikileaks, kien ħareġ mijiet ta’ eluf ta’ dokumenti kklassifikati fid-dominju pubbliku.

Il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, li ilu jiġi żvelat u ppubblikat kontinwament mill-2010, spiċċa kemm-il darba rrappurtat estensivament mill-istampa u, fost il-bosta stejjer, ħareġ fil-beraħ bosta reati kriminali tal-Istati Uniti kontra l-umanità fl-Iraq u fl-Afganistan, kif ukoll bosta każijiet ta’ sorveljanza u spjunaġġ tal-Istati Uniti fuq l-alleati tagħha daqskemm fuq iċ-ċittadini tagħha.

Assange fil-bidu kien ingħata l-ażil fl-Ambaxxata tal-Ecuador f’Londra għar-raġuni li l-estradizzjoni kienet ħolqot theddida motivata politikament fuq is-sikurezza tiegħu. Madanakollu, seba’ snin wara l-Ecuador neħħewlu dan l-istatus għax skonthom Assange kien kiser kemm-il darba l-liġi internazzjonali. Sussegwentement kien ġie arrestat u ntbagħat Belmarsh Prison fejn ilu miżmum mill-2019.

L-estradizzjoni ta’ Assange kienet tista’ tgħid ġiet approvata f’Ġunju 2022 bil-firma tal-eks Ministru Ingliża tal-Intern Priti Patel; u l-aħħar jumejn ta’ proċedimenti fil-qorti kienu l-aħħar tentattiv mit-tim ta’ Assange biex jisfidaw u jippruvaw idawru d-deċiżjoni tal-estradizzjoni imminenti tiegħi. It-tim tad-difiża żamm iebes kontinwament u tenna li l-akkużi kontra l-klijent tagħhom kienu “rifjut gravi milli ssir ġustizzja”.

Flimkien mal-avukati tiegħu, ġie rrappurtat li anki mart Julian, Stella Assange, uriet it-tħassib tagħha fuq is-sikurezza ta’ żewġha, u t-tħassib fuq is-saħħa mentali u fiżika attwali tiegħu li lkoll ġew dokumentati fid-dettall. Filwaqt li Assange kien ma jiflaħx wisq biex jidher fiż-żewġ seduti tal-qorti, Stella ddikjarat li kellha raġunijiet oħrajn għalfejn għandha tibża’ għas-sikurezza ta’ żewġha.

“Hu m’għandu qatt jiġi estradit lejn l-Istati Uniti. Hu mhu se jkun qatt sikur hemmhekk,” qalet lill-ġurnalisti miġbura quddiem il-binja tal-qorti lbieraħ.

Stella temmet l-istqarrija tagħha billi xebbhet il-każ ta’ żewġha ma’ dak ta’ Alexei Navalny, l-attivist politiku u l-opponent tal-Kremlin tant ippersegwitat li miet f’ċirkostanzi suspettużi ġo ħabs Russu l-ġimgħa li għadda.

“Julian hu priġunier politiku,” qalet. “Dak li ġralu Navalny jista’ jiġri lil Julian.”

L-estradizzjoni issa trid issir fi żmien 28 jum, iżda l-familja ta’ Assange qalu li kienu se jiftħu kawża quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala l-aħħar tentattiv tagħhom biex iwaqqfu din l-estradizzjoni. Iżda peress li l-gvern tar-Renju Unit diġà ffirma ordni ta’ estradizzjoni lejn l-Istati Uniti, hemm it-tħassib li hu jaf ikun diġà ttieħed lejn l-Istati Uniti qabel issir dik l-applikazzjoni.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo