Dil-ġimgħa mistenni l-permess tal-ippjanar għal-lukanda ċ-ċkejkna tal-Prim Ministru fix-Xewkija

Read this article in English.

Din il-ġimgħa l-Awtorità tal-Ippjanar mistennija tagħti l-approvazzjoni tagħha biex il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia jbiddlu d-dar antika tagħhom fix-Xewkija f’guesthouse bi tmien kmamar tas-sodda.

Il-pjanijiet li ġew ippreżentati fl-aħħar tas-sena l-oħra b’applikazzjoni ġdida tal-iżvilupp diġà kisbu l-aċċettazzjoni tad-direttorat tal-ippjanar tant li qed jirrakkonda li l-Abelijiet jingħataw il-permess għal dan in-negozju l-ġdid tagħhom.

Id-deċiżjoni aħħarija mistennija f’dan is-sens mill-Awtorità tal-Ippajanar aktar tard din il-ġimgħa, u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu diġà ħarġet iċ-ċertifikat tal-aċċettazzjoni tagħha għal din il-proprjetà.

L-aħħar applikazzjoni tal-iżvilupp li ppreżentat uffiċjalment Lydia Abela tinvolvi plott ferm akbar minn dak li kisbu l-Abelijiet fl-2010. Permezz ta’ żewġ kuntratti separati, iffirmati fl-2022 u fl-2023, l-Abelijiet kisbu 1,500 metru kwadru oħra ta’ art fuq in-naħa ta’ wara ta’ din id-dar u b’hekk żiedu l-art tal-iżvilupp għal xi 2,000 metru kwadru fiż-żona urbana tal-konservazzjoni (UCA) tax-Xewkija.

Skont il-kuntratti uffiċjali li kiseb The Shift, l-Abelijiet nefqu €315,000 biex xtraw l-art addizzjonali, u dawn apparti l-€268,000 li ħallsu fl-2010 lill-koppja Ġermaniża biex xtraw id-dar.

Skont id-dikjarazzjonijiet tal-prim ministru, l-uniku sors ta’ introjtu għall-familja tiegħu hu s-salarju li jirċievi bħala prim ministru (€65,000).

Ġejja bid-dgħajsa

Għall-ewwel, Robert u Lydia Abela kien beħsiebhom jużaw id-dar antika bħala l-villeġġjatura tagħhom f’Għawdex. Minkejja li fl-2012 kisbu l-permess tal-iżvilupp biex jibnu pixxina, qatt ma waslu biex għamluha u fl-2017, meta għaddew il-ħames snin, kellhom jerġgħu japplikaw għal tiġdid tal-permess.

Wara li kisbu għotja mingħand il-gvern permezz tal-iskema Irrestawra Darek – maħsuba għar-residenzi, fl-2021 inħarġilhom permess biex jagħmlu x-xogħlijiet fid-dar bi flejjes pubbliċi.

Il-pjanijiet ġodda mħejjija għall-approvazzjoni tal-lukanda ċkejkna ta’ Robert Abela

Madankollu, ftit żmien wara, permezz tal-perit Joe Cassar – l-istess wieħed li kien involut fil-bini tal-Isptar Mater Dei, u li skont l-istess gvern Laburista għandu difetti fil-konkrit – l-Abelijiet applikaw biex jagħmlu estensjoni fir-residenza Għawdxija tagħhom ħalli jbiddluha f’residenza b’seba’ kmamar tas-sodda.

L-applikazzjoni ġiet irtirata minnufih malli The Shift kien żvela li l-Abelijiet kienu qed jużaw applikazzjoni residenzjali għal żvilupp kummerċjali; u l-ispejjeż tal-applikazzjoni relatati mal-iżviluppi kummerċjali normalment ikunu ogħla.

Fis-sajf tal-2023, finalment Lydia Abela ppreżentat l-aħħar applikazzjoni biex din id-dar antika jbiddluha f’guesthouse bi tmiem kmamar tas-sodda doppji, inkluż b’reception u lounge area, kamra għall-breakfast, kantina bil-ġimm u bl-inbejjed, pixxina kbira fuq barra u ġonna msebbħa madwarha. Il-pjan jinvolvi estensjoni ġmielha fil-binja fl-ewwel sular.

Skont ir-rapport tal-uffiċjal tal-awtorità inkarigat mir-rapport, il-pjanijiet kollha tal-prim ministru huma aċċettabbli u jista’ jissokta bl-iżvilupp.

Minkejja li l-lukanda se tkun tiflaħ 16-il persuna – mistednin u impjegati – l-uffiċjal qal li m’hemmx bżonn li jinħolqu spazji tal-parkeġġ addizzjonali jew li jintalbu jħallsu tariffi addizzjonali.

“Ir-rekwiżiti tal-parkeġġ għal din il-proposta qed jitiqesu fi skala residenzjali u għalhekk mhu qed jintalab li jsir l-ebda parkeġġ addizzjonali fuq il-post,” ikkonkluda l-uffiċjal.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo