NIŻVELAW: PM Robert Abela ‘akkwista’ l-flat tal-Belt Valletta m’għand il-gvern għal €3,000 biss

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia kienu akkwistaw appartament fil-qalba tal-Belt Valletta għal €3,000 biex jużawh għall-uffiċċju tad-ditta legali tagħhom, erba’ snin biss qabel ma l-binja kellha tingħata lura lill-Awtorità tal-Artijiet.

Iċ-ċens ta’ 150 sena issa skada iżda l-Abela xorta waħda baqgħu jużaw il-proprjetà fi Strada Stretta minkejja li ma kienx għad baqgħalhom titolu legali fuqha.

Wara li rrifjutaw it-talbiet ta’ The Shift għal kopja tal-kuntratt u tad-dokumenti l-oħra li ġew iffirmati fl-2013, ftit ġimgħat biss wara li l-Labour ħa s-siġġu tal-poter, dawn id-dokumenti finalment ġew ippubblikati wara mistoqsija parlamentari tad-Deputata Nazzjonalista Rebekah Borg.

Dawn juru li f’Mejju 2013, xahrejn biss wara li l-Labour rebaħ l-elezzjoni, Robert Abela u martu akkwistaw nofs is-sjieda tal-bqija taċ-ċens tal-appartament, u b’hekk saru sidien sħaħ tal-konċessjoni li diġà kien kellhom in-nofs l-ieħor.

It-trasferiment għamlu l-avukat Ian Stafrace, eks CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar u issa l-avukat ewlieni tal-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli, u martu Claire Zammit Stafrace li kienet inħatret maġistrata mill-amministrazzjoni preċedenti tal-PN.

Il-konċessjoni oriġinali kellha tagħlaq fi tmiem l-2017, jiġifieri erba’ snin biss wara li Abela ffirmaw. Sal-lum, suppost diġà tbattlet u ġiet ritornata lill-gvern, jew inkella kellu jiġi ffirmat ftehim ġdid.

Skont il-liġi, f’dak il-każ kellha ssir valutazzjoni ġdida u l-proprjetà tinħareġ għall-allokazzjoni permezz ta’ sejħa kompetittiva pubblika.

Sorsi mill-industrija li tkellmu ma’ The Shift qalulna li l-prezz attwali fis-suq ta’ appartament bħal dak fiċ-ċentru tal-Belt Valletta hu stmat li joqrob il-€200,000.

Is-sena l-oħra, il-gvern fetaħ skema ġdida biex “jirregolarizza” s-sitwazzjoni ta’ dawk li qed jingumbraw il-proprjetajiet, u ppermettielhom jestendu ċ-ċnus tagħhom b’50 sena oħra, filwaqt li nqabżu l-liġijiet dwar l-amministrazzjoni tal-proprjetà pubblika.

B’din l-iskema l-ġdida, il-gvern qed iħalli lill-inkwilini jibqgħu jippossedu l-proprjetà tal-gvern għal 50 sena oħra filwaqt li jħallsu biss 2% tal-valur tal-proprjetà fis-suq bħala ċens.

Għadu mhuwiex magħruf jekk il-prim ministru applikax għal din l-iskema u liema deċiżjoni ħadet l-Awtorità tal-Artijiet. Jekk ma sar l-ebda ftehim ġdid, l-Abelajiet jistgħu jitqiesu bħala ingumbraturi.

Il-proprjetà tal-prim ministru fiż-Żejtun li tinsab f’nofs kontroversja.

Apparti li huma s-sidien ta’ penthouse f’Wied il-Għajn, l-Abela xtraw ukoll villa enormi fl-ODZ, fit-tarf taż-Żejtun, ftit ġranet biss wara li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet issanzjonat l-illegalitajiet kollha tagħha.

L-Abelajiet għandhom ukoll farmhouse fix-Xewkija, Għawdex, li xtraw bi prezz irħis u li issa qed ibiddluha f’boutique hotel.

Għal bosta snin, Abela ħadem bħala konsulent legali tal-Awtorità tal-Ippjanar bi ħlas miżmum sa €17,000 fix-xahar.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

1 Comment
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments
Toni Borg
Toni Borg
11 months ago

giving the good example to his flock of sheep….how can he condone his corrupt lot like Mizzi, Rosianne and his predecessor when he’s doing the same!!!

He came into politics to get richer and not for love and country!

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo