Is-sena li għadha kif intemmet ma kinitx nieqsa mill-iskandli li spiċċaw fuq il-faċċati tal-gazzetti lokali, iżda xi ngħidu għal dawk li spiċċaw imperrċin fuq il-mezzi tal-aħbarijiet internazzjonali? L-għajnejn fuq Malta kemm-il darba kienu għar-raġunijiet il-ħżiena, ngħidu aħna minħabba l-industrija kontroversjali tagħha tal-iGaming, is-settur tal-kripto, il-ħasil tal-flus, ir-rabtiet ma’ ċrieki kriminali, l-iskala tal-korruzzjoni, il-libertà mhedda tal-istampa, u l-ħemel ta’ ksur tal-liġijiet tal-UE. The Shift għażel li jsemmi wħud minn dawn il-każijiet bit-tama li l-2024 tkun sena aħjar.
Din hija lista mhux eżawrjenti tad-drabi li Malta spiċċat fuq l-aħbarijiet internazzjonali għar-raġunijiet il-ħżiena f’sena waħda.
Malta tillobbja għal spjunaġġ
F’Diċembru 2023, Malta ssemmiet bħala waħda minn seba’ Stati Membri tal-UE li kienu qed jillobbjaw biex jiddaħħal provvediment fl-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja (l-EMFA) li jippermetti l-ispjunaġġ tal-ġurnalisti. Skont dak li żvelat Investigate Europe u skont dokumenti li ġew f’idejn The Shift, Malta, flimkien mal-Greċja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Finlandja u l-Iżvezja talbu biex permezz ta’ provvediment vag bl-iskuża tas-sigurtà nazzjonali, ikun permess l-ispjunaġġ.
L-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-libertà tal-istampa lkoll ikkritikaw bil-qawwa dan kollu u kkundannaw minnufih lil dawn il-pajjiżi, iżda notevolment lil Malta, li diġà għandha reputazzjoni ħażina u għadha lanqas solviet l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Iżda ċ-ċirasa fuq il-kejk kien Edward Montebello, portavuċi ewlenija tal-gvern, li pprova jixħet pressjoni fuq The Shift biex tbiddel l-artiklu u l-kontenut tiegħu. Hu akkuża lil The Shift li qed toħloq minn żniedha u tinterpreta l-affarijiet ħażin, iżda mbagħad la ċaħad il-kontenut tad-dokument uffiċjali stabbilit, u wisq inqas ta dettalji dwar il-pożizzjoni ta’ pajjiżna. Finalment, l-abbozz kien ġie approvat mingħajr dawn il-miżuri drakonjani.
Ħemel ta’ proċeduri kontra Malta minħabba ksur tal-liġi
Fi Frar 2023, Malta dabbret ħames proċeduri ta’ ksur mill-Unjoni Ewropea minħabba nuqqasijiet fil-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, talli ma ffinalizzatx il-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-ilma, minħabba d-deroga għall-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa, il-projbizzjoni sħiħa tar-reklamar tas-servizzi legali, u talli naqset milli timplimenta sew il-liġijiet kontra l-abbuż sesswali tat-tfal.
Imbagħad, f’Diċembru, reġgħet dabbret ieħor talli naqset milli tittrasponi sew id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġunali, li suppost kellha ttejjeb is-sistwazzjoni b’regoli ġusti u trasparenti għall-ingaġġ tal-ħaddiema- staġunali fl-UE mill-pajjiżi li mhumiex fl-UE. Din il-liġi taħseb ukoll għal kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar għal dawn il-ħaddiema, drittijiet indaqs u protezzjoni mill-isfruttament.
Madankollu pajjiżna ma implimentahiex u minflok qed iġarrab influss ġmielu ta’ persuni minn pajjiżi li mhumiex fl-UE biex jaħdmu permezz ta’ aġenziji “tar-reklutaġġ” mhux regolati, u jiġu sfruttati, jintalbu jħallsu tariffi eżorbitanti, u jgħixu f’kundizzjonijiet tal-għajxien bi standards baxxi bħal pereżempju aktar minn ħamsa sew saħansitra għaxar persuni ġo kamra waħda.
Malta ngħatat xahrejn biex tirranġa s-sitwazzjoni, jew jaf tispiċċa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Bħalissa Malta għandha xi 60 proċediment ta’ ksur miftuħin kontriha.
Ksur tad-drittijiet umani tal-migranti
Isem pajjiżna spiċċa fuq il-midja bosta drabi matul is-sena minħabba l-pushbacks illegali u azzjonijiet oħrajn li wasslu biex mietu n-nies jew jiġu rritornati lejn pajjiżi li mhumiex sikuri wara li jkunu ppruvaw jaqsmu l-Baħar Mediterran.
Fil-bidu ta’ Diċembru, Médecins sans frontières iddokumentat bosta każijiet li ġraw fl-2022 u fl-2023 meta Malta falliet fir-responsabbiltajiet legali tagħha ta’ għajnuna u salvataġġ lill-persuni li jkunu fir-riskju li jegħrqu. Minħabba dan, skonthom, fir-reġjun qed imutu medja ta’ tmien persuni kuljum.
F’Lulju, Malta ssemmiet fil-Parlament Ewropew fil-kumitat tad-drittijiet umani li kien qed jistaqsi għalfejn l-UE qed tiffinanzja reati kontra l-umanità bil-flus mibgħuta l-Libja. Dan il-kumitat hu mħasseb li l-UE sempliċiment qed tiffinanzja l-pushbacks li mbagħad jikkaġunaw it-torturi fil-Libja, prattika li Malta hi kompliċi bil-kbir fiha, u għalhekk qed jitlob investigazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE għall-migrazzjoni u spjegazzjoni tal-attivitajiet imwettqa fil-Libja fl-aħħar snin.
L-appell sar wara li rapport ġdid tan-Nazzjonijiet Uniti sab li Malta kienet involuta fir-ritorn ta’ xi 3,000 migrant, fosthom nisa u tfal, lura l-Libja u dan biss tul l-ewwel xahrejn tas-sena 2023. Ir-rapport jistqarr li bosta migranti tniżżlu fil-portijiet Libjani u spiċċaw fiċ-ċentri tad-detenzjoni u kienu soġġetti għal trattament inuman, vjolenza sesswali, estorsjoni u detenzjoni arbitrarja fit-tul.
Imbagħad f’Settembru, Malta laqgħet fostna lill-pajjiżi Ewropej tan-nofsinhar għal diskussjonijiet dwar il-migrazzjoni, iżda bħalma stennejna, l-involviment tagħha f’dawk l-atroċitajiet u l-illegalitajiet orribbli tħallew barra mill-aġenda.
Malta tħajjar il-korruzzjoni
Fl-2023, Malta kisbet il-konferma ta’ Transparency International li kienet niżżlet fl-agħar livell ta’ korruzzjoni li qatt kienet. Ingħatat punteġġ ta’ 51 biss minn 100, tliet punti inqas mis-sena ta’ qabel u rnexxielha tilħaq lill-Arabja Sawdija u lir-Rwanda. Dan il-punteġġ hu ferm inqas mill-medja ta’ 66 li kisbet l-Unjoni Ewropea.
F’Ottubru, fil-Parlament Ewropew, bosta Membri Parlamentari Ewropej instamtu meta l-Prim Ministru Robert Abela pprova jċekken l-akkużi tal-korruzzjoni u talbu li tittieħed azzjoni. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew issemmi li l-iskandli f’Malta “huma evidenza li bosta kwistjonijiet serji tal-governanza għadhom ma ssolvewx”. Ir-riżoluzzjoni tiddeskrivi wkoll l-indifferenza ta’ Abela bħala “stedina għal anarkija” u li “tkompli trewwaħ il-kultura tal-impunità għall-uffiċjali pubbliċi allegatament involuti fi skandli”. L-MEPs semmew fost l-oħrajn l-iskandi tal-liċenzji tas-sewqan, tax-xiri tal-voti bil-benefiċċji soċjali, u l-impunità li għadhom igawdu l-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat, l-eks chief-of-staff Keith Schembri, u l-eks ministru Konrad Mizzi.
Investigazzjoni konġunta li wettaq The Shift ma’ midja lokali u l-OCCRP ħarġet fid-dieher ukoll kif il-kuntrattur Vitals Global Healthcare (VGH) bagħat mill-anqas €21 miljun lill-kumpanija omm Bluestone Investments, u li mbagħad din berbqet aktar minn miljun ewro f’ġojellerija, tariffi ta’ skejjel privati, ivvjaġġar axxellerat, lukandi tal-ħames stilel u karozzi lussużi, u trasferiet flejjes kbar lil persuni konnessi mal-VGH. Fil-frattemp, Muscat qed jiġi investigat b’rabta ma’ ħlasijiet li rċieva relatati mal-ftehim.
Mill-ġdid, fejn tidħol il-korruzzjoni, dan l-elenku żgur li mhuwiex eżawrjenti.
Fallimenti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus
Minkejja li fl-2022 pajjiżna tneħħa mil-lista l-griża tal-Financial Action Task Force (l-FATF) – lista li spiċċajna fuqha minħabba n-nuqqasijiet istituzzjonali kbar ta’ Malta fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus – tul l-2023 xorta waħda ssoktaw joħorġu aktar skandli relatati ma’ reati finanzjarji.
F’Settembru, il-kap tal-kripto Faruk Fatih Ozer ġie kkundannat 11,196 sena ħabs fit-Turkija fuq frodi ta’ $2 biljun li jinvolvi l-website tal-kripto Thodex. Wara li ffroda lil madwar 40,000 persuna, hu ħarab lejn l-Albanija u eventwalment ġie arrestat. Madankollu, skont id-dokumenti tal-Qorti, hu kien poġġa xi $13 miljun minn dawk il-flus f’Malta.
Imbagħad, f’Novembru, Changpeng Zhao, is-CEO ta’ Binance, kumpanija li ftit snin ilu kienet ibbażata f’Malta biex tieħu vantaġġ mil-liġijiet laxki tal-kripto f’pajjiżna, ammetta l-akkużi mressqa kontrih ta’ ħasil tal-flus, irreżenja minn CEO u ħallas multa multibiljunarja lill-awtoritajiet Amerikani. Il-kumpanija Binance, li għamlet 18-il xahar ibbażata f’Malta u ma ħallset l-ebda ċentenżmu f’taxxa, qed tiġi akkużata li ħaddmet kambju tat-titoli mhux irreġistrat, kisret il-liġijiet tal-Istati Uniti dwar it-titoli, u naqset milli tissodisfa l-obbligi kontra l-ħasil tal-flus, fost akkużi oħrajn, inkluż dawk li aktarx wettqet tul iż-żmien meta kienet ibbażata f’Malta.
Fl-2023, kumpanija oħra Bittrex, kambju tal-kripto ibbażat f’Malta, ġiet investigata mill-Kummissjoni tal-Istati Uniti għat-Titoli u l-Kambju (is-SEC), flimkien mal-moħħ wara TRX Justin Sun, u Christopher Emms ta’ Green Goblin. Minkejja dan u t-tluq ta’ ħafna mill-kumpaniji tal-kripto minn mindu l-liġijiet ma baqgħux laxki, il-gvern qed jibqa’ jinsisti li Malta hija “pijuniera”.
Mafja Malta
F’Jannar 2023, studju li kkummissjona l-Parlament Ewropew ikkonkluda li Malta kienet l-El Dorado tal-Mafja hekk kif bejn l-2015 u l-2022 bosta klikek tal-mafja Taljani ħaslu biljuni tal-ewro bis-settur tal-iGaming.
Imbagħad fl-Italja ġie arrestat grupp ta’ 56 mafjuż, u l-pulizija ssekwestraw mijiet ta’ miljuni tal-ewro. Skont l-awtoritajiet, dan is-sindakat kriminali mill-aktar organizzat kien qed imexxi sistema kumplessa ta’ traffikar tal-vetturi misruqa fl-Italja u maħsuba għal xerrejja minn barra l-pajjiż, l-aktar minn Malta u r-Rumanija.
Ftit wara, l-Indiċi Dinji tal-Kriminalità Organizzata sab li Malta hija għar tal-ħallelin finanzjarji minħabba dgħjufijiet fil-ġudikatura, fl-Istat u fil-pulizija. Sab ukoll li hi pajjiż destinazzjoni u pajjiż passaġġ għat-traffikar tal-bnedmin, id-drogi u anki l-armamenti, mgħejjun bil-mod kif inhu maħtuf il-pajjiż u bil-mod kif uffiċjali għoljin ħafna jaħbu r-rabtiet tagħhom mal-kriminalità organizzata. Skont dan l-Indiċi, it-tip tal-aktar kriminali meqjusa riskjużi huma dawk li huma parti integrali mill-Istat, u warajhom in-networks tal-kriminali u l-kriminali fis-settur privat.
F’April, rapport tal-Unità Taljana Kontra l-Mafja (id-DIA) għall-ewwel sitt xhur tas-sena ta dettalji dwar kif l-attività tal-mafja kienet qed “tittrasferixxi ruħha” lejn Malta minħabba l-faċilità li tiskappa minn għajnejn id-dwana u minħabba s-sħubija ta’ Malta fl-UE u l-qrubija ġeografika mal-Italja. Id-DIA qalet li r-reġim tat-taxxa favorevoli ta’ Malta u r-regolamenti favur in-negozji jagħtu palata lil bosta klikek kriminali biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom tal-ħasil tal-flus li jħaxxnulhom bwiethom.
F’Mejju, Qorti Taljana ssekwestrat assi li jiswew €3 miljun mingħand żewġ membri suspettati tal-mafja li wkoll kellhom operat tal-logħob tal-azzard f’Malta. Qrib l-istess żmien, kumpanija bbażata f’Malta nstabet li kien ilha mill-2016 tbigħ telefowns enkritti u applikazzjonijiet tal-messaġġi siguri lill-iNdrangheta fl-Italja.
Din il-lista ta’ eżempji mhijiex eżawrjenti; hemm patafjun ta’ stejjer oħrajn. Fil-frattemp, il-gvern ftit li xejn jagħti attenzjoni lil din il-kwistjoni u rarament jikkummenta fil-pubbliku dwar ħidmitu fil-ġlieda kontriha.
L-iGaming blues
F’Ġunju, Glitnor, tipwin bi kwartieri f’Malta, qalgħet multa fid-Danimarka talli kisret ir-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus. Wara li l-Awtorità Daniża tal-Logħob tal-Azzard irrappurtatha lill-pulizija tal-pajjiż għal żewġ istanzi ta’ ksur tal-liġijiet dwar il-logħob tal-azzard, din ġiet ordnata tħallas madwar €13,400.
F’Novembru, Videoslots, ibbażata wkoll f’Malta, qalgħet multa ta’ €760,000 għal nuqqasijiet kontra l-ħasil tal-flus meqjusa “serji u sistematiċi”.
Dan apparti l-bosta multi f’Malta minħabba ksur serji tal-liġijiet dwar il-konformità u kontra l-ħasil tal-flus, bħal pereżempju dawk li qalgħu Glitnor, Casino Malta, Casumo Services Limited, CS Litto Limited, u d-direttur ta’ kumpanija tal-iGaming mhux imsemmija u bbażata f’Malta, Andrew Martin Jones.
Il-libertà tal-midja
Matul l-2023 ma naqsux lanqas l-appelli tal-komunità internazzjonali biex Malta ssaħħaħ il-protezzjoni li għandha tagħti lill-ġurnalisti.
F’Marzu, gruppi difensuri tal-midja internazzjonali talbu lill-prim ministru biex jipprovdi segwitu dwar il-konsultazzjoni pubblika għar-riforma tal-midja u biex jiżgura li dan ma jkunx xi eżerċizzju mingħajr impenn serju.
F’Settembru, koalizzjoni ta’ organizzazzjonijiet talbu lill-gvern biex jippubblika r-rapport mistur li kien ippreżentalu l-Kumitat li ħatar għar-riforma fil-midja, għax dan ma ġiex ippubblikat minkejja li kien tlesta. F’Ottubru, imbagħad, il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem Dunja Mijatovic kitbet lil Abela biex tesprimi t-tħassib tagħha li r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma kinux ġew implimentati u dwar is-sitwazzjoni fejn tidħol il-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż.
F’Ottubru wkoll, organizzazzjoni appellat lill-awtoritajiet Maltin biex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha li kienu responsabbli għall-qtil ta’ Caruana Galizia u biex iwettqu bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tagħha. Tul l-istess xahar, il-Parlament Ewropew sejjaħ lill-gvern biex jagħmel iżjed il-parti tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tal-ġurnalisti.
Dan ġara wara li Malta tilfet sitt postijiet fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa ta’ Reporters Without Borders, u kklassifikat fl-84 post minn fost 180 pajjiż – l-agħar punteġġ li qatt kisbet.