Kawża kontra Steward fuq kontijiet tal-kafè li ma ħallsux

Steward Health Care, li fl-2018 ħadet f’idejha l-konċessjoni privata tat-tliet spartijiet – issa ddikjarata nulla – għal tletin sena, infetħet kawża kontriha minn kumpanija żgħira Għawdxija talli ma ħallsitx il-kontijiet tagħha tal-kafè u l-ikel.

F’kawża li għadha kif fetħet ix-xahar l-ieħor fil-Qorti Għawdxija, Gelluxa Supplies Limited, ibbażata fil-Qala, qed tallega li Steward għandha tagħtiha qrib l-€10,000, u minkejja li fakkritha kemm-il darba baqgħet ma ħallsithiex.

Kopji tal-kontijiet ippreżentati fil-qorti u li ġew f’idejn The Shift juru li l-kumpanija Amerikana, li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne kien sejħilha “the real deal” meta ħadet f’idejha l-konċessjoni, għandha bosta kontijiet xi tħallas għal fornimenti tal-kafè, zokkor, boroż taż-żibel, ħalib, butir, tazzi, gallettini, ġobon, teabags u air fresheners li ġew fornuti lill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

B’kollox, il-kont minn Jannar sa Marzu 2023 hu €8,858.28.

Wieħed mill-kontijiet pendenti li Steward baqgħet ma ħallsitx.

Gelluxa issa trid li Steward Malta Management Ltd, li d-direttur uniku tagħha hu Armin Ernst, tħallas dan il-kont bl-imgħax u mingħajr iżjed dewmien.

Il-konċessjoni lil Steward ġiet terminata mill-gvern f’April li għadda wara s-sentenza storika tal-qorti fil-kawża li kien fetaħ l-avukat Adrian Delia, Deputat Parlamentari u eks kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-qorti ddikjarat li l-ftehim iffirmat bejn il-gvern u l-Vitals Global Healthcare (VGH) u mbagħad ma’ Steward hu frawdulenti, u ddikjaratu null u mingħajr effett. Sussegwentement, din is-sentenza kkonfermatha wkoll il-Qorti tal-Appell.

Matul il-perjodu tal-konċessjoni – issa mħassra – bejn l-2015 u l-2023, il-gvern Malti ħallas madwar €400 miljun lil Steward, u dan avolja l-VGH kellha bilfors tbigħ kollox lil Steward minħabba falliment. Minkejja dan, l-ebda wieħed mill-investimenti multimiljunarji mwiegħda ma twettaq, la mill-VGH u lanqas minn Steward.

Dan mhuwiex l-uniku kont pendenti li Steward baqgħet ma ħallsitx.

Ftit ġimgħat ilu, The Shift irrapporta dwar kont pendenti ieħor ta’ €37 miljun mad-Dipartiment tal-VAT, li Steward taf lill-gvern Malti.

Dan il-kont, maħruġ l-ewwel darba fl-2021, kien is-suġġett ta’ kawża li l-kumpanija konċessjonarja fetħet lill-gvern fil-qrati, iżda din il-kawża ntilfet. Skont l-aħħar proċedimenti fil-qorti, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti ddeċieda li jipprosponi d-deċiżjoni tiegħu tal-appell “sine die”, peress li l-avukat ta’ Steward, Joseph Camilleri, iddikjara li ma kienx għadu qed jirrappreżenta iżjed lill-kumpanija. The Shift hu infurmat li dan ġara għax lanqas hu ma tħallas.

Sorsi mill-isptarijiet qalulna wkoll li Steward għandha bosta kontijiet pendenti oħrajn ma’ bosta fornituri lokali, li issa mistenija jieħdu azzjoni legali biex jirkupraw flushom.

Barra minn hekk, Steward għandha l-inkwiet ukoll fl-Istati Uniti għax għandha tagħti kważi nofs biljun dollaru lil kreditur wieħed – kumpanija tal-proprjetà tal-isptarijiet li tikri bosta sptarijiet lill-kumpanija. Minbarra dawn, matul is-sena l-oħra nfetħu kontriha bosta kawżi oħrajn f’diversi Stati Amerikani relatati ma’ kontijiet mhux imħallsa li jlaħħqu l-għexieren tal-miljuni tad-dollari.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo