Opinjoni: Jagħti palata lill-abbuż

John Borg hu s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex u għaldaqstant, f’din il-kariga, hu mistenni jinforza r-regolamenti ħalli jiżgura li l-fondi pubbliċi jintużaw b’mod responsabbli u effettiv. Minflok, hu personalment kiser ir-regoli u berbaq mijiet ta’ eluf tal-ewro minn flus in-nies b’mod irregolari.

Hu kien responsabbli għal dak li l-Awditur Ġenerali bid-diplomazija sejjaħlu “drawwa li jaqbeż ir-regoli tal-akkwist pubbliku”. Madankollu, il-verità hi ferm agħar minn hekk.

Skont l-Awditur Ġenerali, Borg ħaddem prattiċi “projbiti”. Flok ma beża’ għal flus il-poplu, Borg awtorizza abbuż organizzat ta’ flejjes il-poplu permezz ta’ bosta pjanijiet diżonesti maħsuba biss biex ma jsirux il-verifiki u l-kontrolli. Bl-aġir tiegħu, jew bin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tiegħu, mijiet ta’ eluf tal-ewro ngħaddew b’mod irregolari fil-bwiet ta’ ċerti “kumpaniji” u individwi speċifiċi; filwaqt li xi drabi mijiet ta’ eluf tal-ewro tħallsu mingħajr ma Borg kien iddeċieda jekk l-Istat Malti kienx se jieħu xi ħaġa lura għal dawk il-ħlasijiet.

Dan kollu ħareġ fid-dieher f’wieħed mill-aħħar rapporti tal-Awditur Ġenerali (l-NAO) li ffoka biss fuq id-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi u li għal dan l-awditjar għażel biss erba’ kotba finanzjarji. Minn fosthom, ġew investigati biss għaxar fornituri u kampjun żgħir ta’ fatturi u kontijiet. Din ma kinitx xi investigazzjoni komprensiva tal-Ministeru għal Għawdex.

Jekk sempliċiment ħarsa fuq fuq lejn il-Ministeru għal Għawdex kixfet daqstant fuq l-irregolaritajiet rampanti ta’ Borg, mela wieħed jista’ biss jimmaġina kemm hu akbar u akbar id-daqs vera ta’ dan il-ksur. Il-ħemel ta’ ksur li kixef l-awditjar limitat tal-Awditur Ġenerali għandu jwassal biex jiskatta awditjar sħiħ u f’aktar dettall tal-operat kollu tal-Ministeru. Kellu jwassal ukoll għas-sospensjoni immedjata ta’ Borg u għal azzjoni dixxiplinarja, jekk mhux kriminali.

Il-prim ministru kellu jibgħat għall-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u jkeċċih, iżda ovvjament, aħna nafu tajjeb ħafna li l-ebda minn dan mhu se jiġri. Meta segretarju permanenti ieħor għatta l-abbużi li kienet wettqet il-ministru Justyne Caruana, dan kien ingħata kariga stilla bħala meniġer ġenerali mal-ITS.

Borg baqa’ segretarju permanenti taħt tliet ministri. U rnexxielu jsalva postu għal dan iż-żmien kollu għal raġuni waħda – għax jgħin u jagħti palata lill-abbużi tal-ministri.

Borg approva personalment żieda qawwija fil-valur ta’ kuntratt saħansitra meta lanqas biss kien għadu ġie ffirmat. Fil-11 ta’ Diċembru ġie ffirmat kuntratt għal servizzi tas-sigurtà fil-parkeġġ tal-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ t’Għawdex li jiswa €20,593. Madankollu, erbat ijiem qabel, Borg kien diġà approva li l-valur tiegħu jiżdied b’50%.

Il-linji gwida tad-Dipartiment tal-Kuntratti jispeċifikaw li “hu pprojbit li jsiru modifiki fil-provvedimenti tas-sejħiet għall-offerti qabel l-iffirmar tal-ftehimiet”.

Borg awtorizza wkoll madwar 30 direct order għal fornitur wieħed biex jipprovdi servizzi tat-tindif li jiswew €219,588. Billi ħareġ direct orders għal perjodi ta’ xahar b’xahar, Borg evita li jkollu għalfejn joħroġ sejħa pubblika għall-offeri u b’hekk aċċerta li l-istess fornitur jibqa’ jieħu dawk il-flejjes kollha.

Ikollok bżonn daqsxejn organizzazzjoni biex jirnexxilek toħroġ direct order ġdid għat-tindif kull xahar, iżda biex jiżguraw li l-fornituri jagħmlu l-akbar profitt possibbli, dawn il-kuntratti b’mod mill-aktar konvenjenti lanqas biss kienu jinvolvu klawżoli dwar il-polza tal-assigurazzjoni jew klawżoli dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dawk il-klawżoli huma maħsuba bħala salvagwarda f’każ ta’ telf, danni, korrimenti jew imwiet, u Borg kien responsabbli li jiżgura dawk is-salvagwardji.

Borg approva wkoll 37 direct order lil kumpanija waħda tas-servizzi tas-sigurtà li rċeviet €209,082. L-istess kumpanija kienet qed titħallas fl-istess waqt għas-sigurtà permezz ta’ sejħa għall-offerti pubblika li kienet ħarġet fl-2019 iżda li kienet għadha għaddejja fl-2022. L-istess kumpanija kellha wkoll żewġ ftehimiet oħra bi proċeduri nnegozjati u li kien għadhom fis-seħħ.

Barra minn hekk, bosta fornituri oħrajn tas-servizzi tas-sigurtà kienu ngħataw direct orders li jiswew inqas minn €10,000, kemm ma jinqabiżx il-limitu li jkollha tinħareġ sejħa pubblika. Il-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà għandu jkollhom polza tal-assigurazzjoni għas-salvagwardja ta’ terzi iżda l-Awditur Ġenerali sab li dawn ma kellhomx, u allura żiedu l-profitti.

Persuna partikolari ħadet 15-il direct order għal perjodi ta’ disa’ ġimgħat il-wieħed biex tipprovdi mmaniġġjar ta’ xi proġett li sewa lill-poplu €64,146. Borg approva wkoll direct orders għal servizzi ta’ skrivani għal xahrejn jew tlieta kull darba. Qabbad minn jeddu skrivan partikolari b’kuntratti ta’ tliet xhur il-wieħed mingħajr ma ħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet, li swew lill-poplu €26,992.

Borg awtorizza wkoll ħlas ta’ €284,838 għat-tindif taċ-Ċentru tal-Innovazzjoni f’Għawdex allavolja dan jinsab fir-responsabbiltà tal-Malta Industrial Parks. Agħar minn hekk, il-ministeru “ma kienx f’pożizzjoni li jissorvelja li s-servizz mogħti,” ikkummenta l-Awditur Ġenerali. Borg awtorizza ħlas ta’ mijiet tal-eluf tal-ewro mingħajr ma kien jaf jekk it-tindif sarx.

Li hu aktar disturbanti hu l-fatt li Borg ma kellux bżonnhom dawk il-cleaners, l-iskrivani u l-uffiċjali tas-sigurtà għax il-Ministeru għal Għawdex kien ħallas €16.1 miljun għal 335 ħaddiem(a) mill-Iskema tal-Persuni Qiegħda li tmexxi l-GWU. M’hemmx dubju li wħud minnhom setgħu jipprovdu xi tindif jew servizzi tas-sigurtà f’parkeġġ ta’ skola.

L-Awditur Ġenerali sab li l-ministeru lanqas biss kien jaf x’xogħol kienu qed jagħmlu dawk il-ħaddiema. F’każ partikolari, ma kien hemm l-ebda rendikont tal-attendenza għal xahar sħiħ. Wieħed mill-ħaddiema li tqabbad inaddaf xi bajja ma kellu l-ebda rendikont tal-ħinijiet meta beda u temm il-jiem tax-xogħol tiegħu. Wieħed mill-cleaners ġenerali “bi żball niżżel” li l-pawsa tiegħu kienet siegħa u nofs (1.5hrs) minflok kwarta (15mins). Ironikament, imbagħad, dawk il-ħaddiema kienu tħallsu l-“performance bonuses”, iżda l-Awditur Ġenerali ma ngħata l-ebda dokumentazzjoni dwar kif dawn il-bonuses kienu ġew deċiżi.

Li hu aktar xokkanti hu l-ftehim bejn il-ministeru u l-kumpanija tal-GWU dwar l-“Iskema tal-Ħaddiema tal-Komunità” ġie ffirmat b’lura. Il-ftehim lanqas biss jispeċifika xi kemm il-GWU qed tħallas lill-ħaddiema jew xi kemm iżżomm f’butha bħala tariffi amministrattivi. Iżda fl-2022 biss u mill-Ministeru għal Għawdex biss, il-GWU daħħlet €450,000.

Borg kien obbligat jipprovdi lista tad-defaulters tal-VAT lill-Kummissarjat tat-Taxxa iżda dan ma sarx sakemm skopra l-Awditur Ġenerali f’Lulju 2022. Hu naqas milli jitlob l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi biex ikun jista’ joħroġ id-direct orders u, biex jgħatti kollox, lanqas biss ippubblika l-lista tal-kuntratti mogħtija.

L-Awditur Ġenerali lmenta wkoll li “l-koperazzjoni li sab kienet limitata”. Is-segretarju permanenti Borg suppost kellu jipprovdi l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha mitluba, iżda minflok ikkawża “bosta dewmien sinifikanti biex ippreżenta t-tweġibiet tiegħu”, u anki meta ngħata l-aħħar skadenza, hu naqas milli jipprovdi bosta mid-dokumenti mitluba.

L-Inkjesta Pubblika ta’ Caruana Galizia kienet irrakkomandat li jiddaħħal reat speċifiku għall-uffiċjali pubbliċi li jxekklu lill-awtoritajiet fil-qadi ta’ dmirijiethom. Irrakkomandat ukoll li jiddaħħal reat tal-abbuż tal-kariga mill-uffiċjali pubbliċi.

Li kieku l-Labour wettaq dawk ir-rakkomandazzjonijiet, John Borg ikollu jaffaċċja bosta akkużi kriminali. Minflok, hu għadu fil-kariga tiegħu daqslikieku ma għamel xejn u fil-frattemp, miljuni tal-ewro ma nafux x’qed jiġri minnhom.

                           

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
                           
                               
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

Is-Serqa tal-Isptarijiet: wasal il-mument
Read in English. L-eks prim ministru diżonorat Joseph Muscat
F’seba’ snin, l-ERA approvat il-qlugħ ta’ 3,400 siġra protetta
Read in English. Matul l-aħħar seba’ snin, l-Awtorità tal-Ambjent

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo