L-aġenzija tal-Qorti “qabżet konsistentement” ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku – l-Awditur Ġenerali

L-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti, id-dipartiment tal-gvern li jmexxi l-proċedimenti ċivili u kriminali fil-Qrati Maltin, instabet li “qabżet konsistentement” ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku u kellha dokumentazzjoni “inadegwata”. Dan ħareġ mill-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali (l-NAO).

L-aġenzija, li tinsab fir-responsabbiltà tal-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, u mmexxija minn Eunice Grech Fiorini bħala s-CEO tagħha, instabet li qed tħaddem prassi irregolari tal-akkwist pubbliku li inkludiet kuntratti skaduti, servizzi li nkisbu mingħajr kuntratt, u abbuż tas-sistema tad-direct orders.

Is-sejbiet tal-Awditur b’rabta ma’ din l-aġenzija jkomplu jingħaqdu mal-konklużjonijiet tal-awditjar li għamel għal bosta dipartimenti u aġenziji oħra tal-gvern, u li joħorġu fid-dieher bosta irregolaritajiet, abbużi u amministrazzjoni ħażina.

Matul il-ġimgħa li għaddiet, The Shift irrapporta kif bosta dipertimenti tal-ministeri nstabu li b’mod ripetut u konsistenti kienu abbużaw mir-regoli dwar l-akkwist pubbliku, u li kellhom nuqqas ta’ proċeduri xierqa fis-seħħ, jew li saħansitra ma kienu jħaddmu l-ebda proċedura.

Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali nnota kif l-aġenzija “kienet qed taqbeż ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku b’mod konsistenti” u sab kuntratti skaduti jew li ġġeddu b’mod irregolari, ħlasijiet għal servizzi li ma kinux koperti b’kuntratt, u direct orders mogħtija lill-istess fornituri tas-servizz.

Filwaqt li elenka eżempji dwar dawn is-sejbiet, l-Awditur Ġenerali semma kif kuntratt partikolari għall-forniment tal-vetturi lill-marixxalli tal-Qorti kien għadu qed jintuża minkejja li uffiċjalment kien skada fl-2021. Is-sitwazzjoni nħolqot minħabba estensjoni irregolari ta’ aktar minn sentejn li ma kinitx koperta bil-kuntratt mogħti oriġinarjament.

Instabu wkoll kwistjonijiet simili fil-akkwist ta’ servizzi ta’ skrivani, tas-sigurtà u servizzi oħra tat-trasport. Ir-rapport tal-Awditur spjega fid-dettall kif dawn rispettivament instabu li kienu mogħtija bil-prekarjat permezz ta’ direct orders, ġew estiżi b’mod irregolari, u ma kinux koperti bi ftehim kuntrattwali.

L-uffiċċju nazzjonali tal-verifika nnota wkoll li f’bosta każijiet, id-dejta mitluba mingħand l-aġenzija ma ngħatatlux u għalhekk kellu jiddikjaraha bħala “kwistjoni ta’ konformità”. Il-garanziji tal-għoti tas-servizzi, il-polzi tal-assigurazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-ħaddiema mhux kollha ngħataw għall-awditjar; u fost id-dokumentazzjoni nieqsa kien hemm id-dokumenti li juru l-kondotta nadifa tal-ħaddiema li tqabbdu jġorru l-materjal sensittiv tal-Qrati.

Ir-rapport tal-NAO jikkonferma dak li The Shift irrapporta dwar il-proċeduri irregolari tal-akkwist pubbliku li qed tħaddem l-aġenzija. Is-sena l-oħra, l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti kienet għaddejja bi proċess biex tixtri l-vetturi għall-imħallfin u l-maġistrati mingħand il-ħabib il-kbir tal-Prim Ministru Robert Abela, Christian Borg. Il-kuntratt ta’ €3 miljun, li kien se jingħata lil Borg meta fil-frattemp qed jaffaċċja akkużi ta’ ħtif tal-persuni u kien qed jiġi investigat fuq traffikar tad-drogi u ħasil tal-flus, aktar tard tħassar wara pressjoni li għamlet il-ġudikatura.

Is-sena l-oħra, l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qorti waqqfet il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-ħatra u l-ħlasijiet lill-esperti tal-qorti, billi dewmet it-talbiet tal-libertà tal-informazzjoni li għamel The Shift b’diversi xhur, bi ksur tal-liġi. L-aġenzija tal-qorti kellha l-kritika wkoll tal-ġudikatura stess, fosthom tal-Imħallef Ian Spiteri Bailey li din is-sena ddikjara li l-ineffiċjenzi u l-amministrazzjoni ħażina tagħha qed iwasslu għal twawwir tal-ġustizzja.

Sign up to our newsletter

Stay in the know

Get special updates directly in your inbox
Don't worry we do not spam
Subscribe
Notify of
guest

0 Comments
Oldest
Newest Most Voted
Inline Feedbacks
View all comments

Related Stories

L-avukati difensuri ta’ Muscat kienu fost il-mistednin il-Barbados
Read in English. The Shift hu infurmat li Etienne
Il-‘mentor’ jirdoppjalu l-paga lil Luke Dalli
Read in English. Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall,

Our Awards and Media Partners

Award logo Award logo Award logo