Il-gvern ta’ pajjiżna reġa’ nqabad jigdeb. Mhux darba, mhux darbtejn, iżda tliet darbiet wara xulxin.
Ġab il-kundanna tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Dejta, tat-Tribunal tal-Appell, u tal-Qrati talli gideb. Il-Labour irnexxielu jbiddel il-gideb lill-poplu f’opra tal-arti. Inqabad jigdeb darba, u jerġa’ jigdeb. Reġa’ nqabad jigdeb, u jkompli jigdeb iżjed.
Fl-2021, The Shift staqsa mistoqsija sempliċi lil bosta ministeri u entitajiet governattivi: xi kemm tħallas flus Saviour Balzan minn but il-poplu, direttament jew tramite l-kumpaniji tal-midja tiegħu? It-tweġibiet għal dawk il-mistoqsijiet huma vitali. Huma fl-interess pubbliku nazzjonali għax Balzan jippreżenta lilu nnifsu bħala “ġurnalista indipendenti” u “sid ta’ kamra tal-aħbarijiet” filwaqt li jkun qed jitħallas somom kbar ta’ flus mill-kaxxa ta’ Malta biex jaġixxi bħala influwenzatur partiġġjan u kunsulent tal-PR għal-Labour.
It-tweġibiet għal dawk il-mistoqsijiet, imbagħad, saru aktar u aktar kruċjali meta Balzan, filwaqt li kien qed jirċievi ħlasijiet kbar mingħand l-Istat Malti, tqiegħed ukoll fuq l-hekk imsejjaħ “Kumitat ta’ Esperti” inkarigat biex jipproponi miżuri u leġiżlazzjoni li jħarsu lill-ġurnalisti.
L-Inkjesta Pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia kienet irrakkomandat li wieħed mir-rwoli ta’ dak il-kumitat ta’ esperti kellu jkun li jiżgura li l-ġurnalisti jitħallew jaqdu dmirhom fl-interess tad-demokrazija. It-trasparenza hi wieħed mill-pilastri ewlenin tad-demokrazija. L-anonimità u l-ħabi huma l-għedewwa tagħha. Il-qerq u l-ġideb huma d-daqqa tal-mewt.
Meta mistoqsija kemm tħallas Balzan, il-ministeri u l-entitajiet l-oħra wieġbu li ma kellhomx dik l-informazzjoni. Iżda meta l-Kummissarju tad-Dejta tqabbad jinvestiga, hu sab li l-Labour kien gideb. Insista li l-bosta ministeri u dipartimenti tal-gvern kellhom dik l-informazzjoni u għandhom jipprovduha lil The Shift. Il-liġi teżiġi dan.
Flok ma obda, il-Labour webbes rasu u baqa’ jirrifjuta li jagħti dik l-informazzjoni. Fl-appelli tiegħu, il-Labour reġa’ gideb. Qalilna li d-dokumentazzjoni mitluba minn The Shift ma teżistix. It-Tribunal iżda ma belax il-lixka tal-Labour u qatagħha favur The Shift. Madankollu, mill-ġdid il-Labour kompla jwebbes rasu u jirrifjuta li jilqa’ d-deċiżjoni tat-Tribunal u ħa l-każijiet quddiem il-Qorti. Did-darba, biddel id-diskors u waqqa’ l-ġebla fuq saqajh għax ilkoll ammettew li huma effettivament kellhom dik l-informazzjoni. “Mhux li m’għandniex dik l-informazzjoni. Għandna, iżda tinvolvi ħafna spejjeż biex infittxuha,” qalulna mbagħad il-ministeri u d-dipartimenti tal-Labour.
U l-Qorti bagħtithom isaqqu l-ħass u jiddobbaw qargħa. Il-gvern “filwaqt li ma pprovdiex evidenza tal-ispejjeż, hu evidenti li diġà għandu l-informazzjoni kollha mitluba,” iddikjara l-Imħallef Lawrence Mintoff.
Sal-lum, The Shift irnexxielu jirbaħ kull waħda mit-18-il kawża quddiem il-Qrati, wara li rebaħ l-40 appell quddiem it-Tribunal. U l-Qrati issa ordnaw lil-Labour biex jipprovdi l-informazzjoni mitluba.
Kien hemm għalfejn ngħaddu minn dan kollu biex naslu s’hawn? Kien hemm għalfejn naħlu sentejn u nofs u daqstant flus il-poplu biex il-Labour jipprovdi informazzjoni bażika li l-poplu għandu d-dritt għaliha?
Għalfejn il-Labour għamel u qed jagħmel minn kollox biex jaħbi l-ammonti massivi ta’ flejjes li tħallas Saviour Balzan? Għalfejn il-Labour lest li jigdeb darba wara l-oħra biex jipproteġih?
Mhuwiex xi sigriet li filwaqt li jagħmilha tabirruħu li jrid iħares lill-ġurnalisti, il-Labour jiffastidja, jintimida u jippersegwita lil dawk li jistinkaw biex jikxfu l-verità.
Il-Labour uriena ċar u tond li m’għandux interess li jħares lill-ġurnalisti. Għaddew iżjed minn sentejn issa mill-pubblikazzjoni tal-Inkjesta Pubblika ta’ Caruana Galizia u l-Labour għadu ma implimenta l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li telenka. Iżda għamel agħar minn hekk. Il-Labour akkost ta’ kollox ħeba informazzjoni bażika li l-pubbliku għandu d-dritt ikun jaf. Gideb bl-aktar mod sfaċċat biex jipprova jiżgiċċa milli jiżvela dik l-informazzjoni u meta The Shift għamel it-Talbiet tal-Libertà tal-Informazzjoni, il-Labour xorta baqa’ jirrifjuta.
Meta l-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Dejta ddeċieda darba wara l-oħra li l-Labour għandu jipprovdi dik l-informazzjoni, il-Labour kompla jirrifjuta u jivvinta aktar gideb bi skuża biex jostor l-informazzjoni. Meta mbagħad it-Tribunal tal-Appell laqa’ d-deċiżjonijiet tal-Kummissarju, il-Labour dar fuq l-offensiv. Determinat li jkisser lil The Shift, bl-aktar mod vendikattiv, il-Labour fetaħ sensiela ta’ kawżi fil-Qrati biex jevita l-iżvelar. Il-Labour uża flus il-poplu, il-flus ta’ kull min iħallas it-taxxi, u ħallas għal sigħat twal ta’ riġmenti sħaħ ta’ avukati minn but il-poplu biex jagħmel l-akbar ħsara finanzjarja possibbli fuq il-kamra tal-aħbarijiet ta’ The Shift. Il-Labour kien lest ukoll li jaffaċċja l-kundanni ta’ ħemel ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
Xellef difrejh ukoll mal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem Dunja Mijatovic. Hi akkużat lill-gvern Malti li qed ikun “lest jagħmel l-għemejjel biex jostor informazzjoni uffiċjali mill-iskrutinju pubbliku.”
Kitbet lill-Prim Ministru Robert Abela u widdbitu li l-appelli viljakki tal-gvern tiegħu kienu qed jibagħtu “sinjali li jnisslu biża’ fost il-persuni fil-midja u l-poplu Malti inġenerali.” Sfidatu dwar “id-diffikultajiet kontinwi li l-ġurnalisti qed jaffaċċjaw biex jiksbu l-informazzjoni li hija fl-interess pubbliku” u kkritikatu bil-qawwa li rrikorra għal tattiċi SLAPP biex jevita li jwieġeb it-talbiet tal-libertà tal-informazzjoni.
Dan l-aġir qed itappan isem Malta Sur President! – għandna prim ministru li qed jiġi umiljat fil-pubbliku mill-Kummissarju Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem talli ċaħħad lill-poplu tiegħu mid-drittijiet tiegħu.
“Qed nappella lilek u lill-awtoritajiet Maltin kollha biex tiżguraw li l-ġurnalisti u l-pubbliku jkollhom aċċess għal informazzjoni preċiża u fil-pront,” qalet il-Kummissarju lil Abela.
Abela injoraha. Għalih, li jipproteġi lil-Labour u lill-influwenzatur partiġġjan tiegħu Saviour Balzan, hi ferm aktar importanti milli li jsaħħaħ id-demokrazija.
Għalih, l-isforzi tal-Labour biex jaħtaf il-midja Maltija taħt idejh jiġġustifikaw kull tentattiv li jkisser lill-kmamar tal-aħbarijiet verament indipendenti.
Biex jiggranfa mas-siġġu tal-poter jiġi jaqa’ u jqum mill-ħsara li jagħmel lil min jikkritikah. It-trasparenza u l-ftuħ jistgħu biss ifarrku l-falzijiet tiegħu, jikxfu l-qerq tiegħu, jesponu l-ftehimiet minn wara l-kwinti u joħorġu fil-beraħ l-aġent doppju li verament hu Saviour Balzan.
Jalla s-sena l-ġdida tisreġ l-oħla bjuda tad-dija tagħha fl-irkejjen mudlama tal-ħabi tal-Labour – għall-ġid tal-poplu tagħna.
Kieku Salvu gurnalist u tal affair tieghu,u jurina li mhux falz jippublika x thallas hu la m ghandux x jahbi. Imma kullhadd jaf li ghal flus addio trasparenza
Kont naghmlek izjed trasparenti Salv. Ibza ghall unur tieghek. Kun onest. Il poplu mhux cuc.